Skrittura
Alma 33


Kapitlu 33

Żenos għallem li l‑bnedmin għandhom jitolbu u jqimu f’kull post, u li minħabba l‑iben ikun evitat il‑ħaqq—Żenok għallem li l‑ħniena tissawwab minħabba l‑Iben—Fid‑deżert Mosè għolla ’l fuq raffigurazzjoni ta’ Iben Alla. Madwar 74 Q.K.

1 Issa wara li Alma qal dan il‑kliem, huma bagħtu jgħidulu li xtaqu jkunu jafu jekk kellhomx jemmnu f’Alla wieħed, biex ikunu jistgħu jiksbu dan il‑frott li dwaru huwa tkellem, jew kif setgħu jiżirgħu ż‑żerriegħa, jew il‑kelma li dwarha huwa tkellem, fejn qal li jeħtieġ tinżera’ f’qalbhom; jew b’liema mod għandhom jibdew jeżerċitaw il‑fidi tagħhom.

2 U Alma qalilhom: Araw, intom għidtu li ma stajtux tqimu ’l Alla tagħkom minħabba li ġejtu imkeċċijin ’il barra mis‑sinagogi tagħkom. Iżda ara, jien ngħidilkom, jekk intom taħsbu li ma tistgħux tqimu ’l Alla, sejrin żball għall‑aħħar, u jeħtieġ li intom tiflu l‑iskrittura bir‑reqqa; jekk intom taħsbu li huma għallmukom dan, intom ma fhimtuhomx.

3 Tiftakru li qrajtu x’qal Żenos, il‑profeta tal‑imgħoddi, dwar it‑talb jew il‑qima?

4 Għax hu qal: Ħanin inti, O Alla, għax inti smajt talbi, anke meta jiena kont fix‑xagħri; iva, inti kont ħanin meta tlabtek dwar dawk li kienu l‑għedewwa tiegħi, u inti dawwarthom lejja.

5 Iva, O Alla, u inti kont ħanin miegħi meta jiena sejjaħtlek fl‑għalqa tiegħi; meta jiena sejjaħtlek f’talbi, u inti smajtni.

6 U anke meta jiena mort lura f’dari, O Alla, f’talbi inti smajtni.

7 U meta mort f’kamarti, O Mulej, u jiena tlabtek, inti smajtni.

8 Iva, ħanin inti ma’ wliedek meta huma jsejħulek, sabiex tkun inti li tismagħhom u mhux il‑bnedmin, u lilhom inti tisma’.

9 Iva, O Alla, ħanin miegħi inti kont, u smajt talbi f’nofs il‑ġemgħat.

10 Iva, u lili inti wkoll smajtni meta jien ġejt imwarrab u mistmerr mill‑għedewwa tiegħi; iva, inti smajt talbi, u wrejt l‑għadab tiegħek mal‑għedewwa tiegħi, u fl‑għadab tiegħek ġibt fuqhom il‑qerda f’qasir żmien.

11 U lili inti smajtni minħabba hemmi u s‑sinċerità tiegħi; u hu minħabba ibnek li inti kont daqstant ħanin miegħi, għalhekk jiena nsejjaħlek f’hemmi, għax fik insib il‑hena tiegħi; għaliex minħabba ibnek int evitajt li jsir ħaqq minni.

12 U issa Alma qalilhom: Temmnu intom dik l‑iskrittura li nkitbet minn dawk tal‑imgħoddi?

13 Araw, jekk iva, m’hemmx dubju li intom temmnu dak li qal Żenos; għax, araw huwa qal: Minħabba ibnek evitajt li jsir il‑ħaqq.

14 Issa araw, ħuti, nistaqsikom jekk intom qrajtux l‑iskrittura? Jekk iva, kif tistgħu ma temmnux f’Iben Alla?

15 Mhemmx miktub li mhuwiex biss Żenos li tkellem dwar dawn il‑ħwejjeġ, iżda anke Żenok tkellem dwar dawn il‑ħwejjeġ—

16 Għax araw, huwa qal: Inti, O Mulej, ħadtha kontra dal‑poplu, għax huma ma jridux jifhmu l‑ħniena tiegħek li inti sawwabt fuqhom minħabba ibnek.

17 U issa, ħuti, qed taraw li profeta ieħor tal‑imgħoddi xehed dwar Iben Alla, u għax in‑nies ma ridux jifhmu kliemu huma ħaġġruh għall‑mewt.

18 Iżda araw, dan mhux kollox; mhumiex dawn biss li tkellmu dwar l‑Iben ta’ Alla.

19 Araw, huwa tkellem dwar Mosè; iva, u araw, fid‑deżert hu għolla ’l fuq raffigurazzjoni ta’ Iben Alla, biex kull min iħares lejha jkun jista’ jikseb il‑ħajja. U kienu ħafna li ħarsu lejha u għexu.

20 Iżda ftit kienu li fehemu t‑tifsira ta’ dawk il‑ħwejjeġ, u dan minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom. Iżda kien hemm ħafna li tant webbsu qalbhom li ma ridux iħarsu lejha, għalhekk spiċċaw biex inqerdu. Issa r‑raġuni li ma ridux iħarsu lejha hi għax ma kenux jemmnu li kienet se tfejjaqhom.

21 O ħuti, kieku tkunu tistgħu tfiequ billi sempliċiment tħarsu b’għajnejkom ħalli tkunu tistgħu tfiequ, ma taqbdux u tagħmlu dan fil‑pront, jew tippreferu li twebbsu qalbkom u tibqgħu ma temmnux, u taqgħu fl‑għażż, fejn ma tħarsux b’għajnejkom, u tispiċċaw tinqerdu?

22 Jekk huwa hekk, intom se tintlaqtu minn gwaj; iżda jekk le, mela ħarsu b’għajnejkom u ibdew emmnu fl‑Iben ta’ Alla, li hu għandu jiġi biex jifdi lill‑poplu tiegħu, u li se jbati u jmut biex ipatti għal dnubiethom; u li huwa se jerġa’ jqum mill‑imwiet, u dan se jġib fis‑seħħ il‑qawmien, fejn il‑bnedmin kollha sejrin jieqfu quddiemu, biex f’jum il‑ħaqq finali jsir ħaqq minnhom skont għemilhom.

23 U issa, ħuti, nixtieq li intom tiżirgħu din il‑kelma f’qalbkom, u hekk kif tibda tespandi bl‑istess mod araw li tmantnuha permezz tal‑fidi tagħkom. U araw, hija ssir siġra, u tibqa’ tikber fikom sal‑ħajja ta’ dejjem. U mbagħad jalla Alla jħaffef it‑tagħbija tagħkom, permezz tal‑hena ta’ Ibnu. U jekk tridu intom tistgħu sewwasew tagħmlu dan kollu. Ammen.