Skrittura
Alma 34


Kapitlu 34

Amuleki jixhed li l‑kelma tinsab fi Kristu għas‑salvazzjoni—Jekk ma jkunx hemm espjazzjoni, l‑umanità kollha tispiċċa tinqered—Il‑liġi kollha ta’ Mosè tidderiġina lejn is‑sagrifiċċju tal‑Iben ta’ Alla—Il‑pjan etern tal‑fidwa hu bbażat fuq il‑fidi u l‑indiema—Itolbu għal barkiet temporali u spiritwali—Dil‑ħajja hija ż‑żmien li fih il‑bnedmin għandhom jitħejjew biex jiltaqgħu ma’ Alla—Ħabirku għas‑salvazzjoni tagħkom bil‑biża’ quddiem Alla. Madwar 74 Q.K.

1 U issa ġara li wara li Alma qalilhom dan il‑kliem huwa poġġa bilqiegħda mal‑art, u Amuleki qam u beda jgħallimhom u jgħid:

2 Ħuti, naħseb li ma jistax ikun li intom ikollkom nuqqas ta’ għarfien dwar il‑ħwejjeġ li ntqalu dwar il‑miġja ta’ Kristu, li għallimniekom li huwa l‑Iben ta’ Alla; iva, jiena naf li dawn il‑ħwejjeġ ġew mgħallmin lilkom b’mod abbundanti qabel ma intom inqtajtu minn magħna.

3 U hekk kif intom urejtu x‑xewqa li l‑għażiż ħija jgħarrafkom x’għandkom tagħmlu, minħabba l‑hemm tagħkom; u hu kellimkom xi ftit sabiex tħejju moħħkom; iva, u hu ħeġġiġkom biex ikollkom il‑fidi u s‑sabar—

4 Iva, sewwasew anke jekk intom imqar ikollkom fidi li sempliċiment tiżirgħu l‑kelma f’qalbkom, ħalli tkunu tistgħu tippruvaw l‑esperiment tat‑tjubija tagħha.

5 U aħna rajna li l‑mistoqsija kbira li għandkom f’moħħkom hi jekk il‑kelma tinsabx fl‑Iben ta’ Alla, jew jekk hux se jkun hawn Kristu.

6 U intom rajtu wkoll li ħija wriekom, bosta drabi, li l‑kelma tinsab fi Kristu għas‑salvazzjoni.

7 Ħija rrefera għal kliem Żenos, li l‑fidwa tiġi permezz tal‑Iben ta’ Alla, kif ukoll għal kliem Żenok; u huwa wkoll irrefera għal Mosè, biex jurikom li dawn il‑ħwejjeġ huma vera.

8 U issa, araw, jien nixhdilkom minn jeddi li dawn il‑ħwejjeġ huma vera. Araw, jien ngħidilkom, li jien naf li Kristu sejjer jiġi fost ulied il‑bnedmin, biex jieħu fuqu t‑trasgressjonijiet tal‑poplu tiegħu, u li hu sejjer ipatti għad‑dnubiet tad‑dinja; għax il‑Mulej Alla qal dan.

9 Għax hemm bżonn li tiġi fis‑seħħ espjazzjoni; għax skont il‑pjan il‑kbir ta’ Alla l‑Etern jeħtieġ li sseħħ espjazzjoni, għax inkella l‑umanità kollha tispiċċa biex inevitabbilment tintilef; iva, kulħadd jagħmel ta’ rasu; iva, kulħadd waqa’ u jinsab mitluf, u jispiċċa jintilef li kieku mhux għall‑espjazzjoni li hemm bżonn titwettaq.

10 Għax hemm bżonn li jkun hemm sagrifiċċju kbir u finali; iva, mhux sagrifiċċju ta’ bniedem, lanqas ta’ bhima, lanqas ta’ xi tip ta’ tajra; għax dan mhux se jkun xi sagrifiċċju uman; iżda jeħtieġ li jkun sagrifiċċju infinit u etern.

11 Issa m’hawn l‑ebda bniedem li jista’ jissagrifika demmu biex ipatti għad‑dnubiet ta’ ħaddieħor. Issa, jekk bniedem joqtol, araw, il‑liġi tagħna, li hi ġusta, tgħidilna biex inneħħu l‑ħajja ta’ ħuh? Jiena ngħidilkom, Le.

12 Iżda l‑liġi titlob il‑ħajja ta’ dak li qatel; għalhekk ma jista’ jkun hawn xejn għajr espjazzjoni infinita li jista’ jpatti għad‑dnubiet tad‑dinja.

13 Għalhekk, hemm bżonn li jkun hemm sagrifiċċju kbir u finali, u mbagħad għandu jkun hemm, jew hemm bżonn li jkun hemm, waqfien mit‑tixrid tad‑demm; imbagħad il‑liġi ta’ Mosè tkun tista’ tiġi fis‑seħħ; iva, tiġi fis‑seħħ kollha kemm hi, kull ittra u tikka tagħha, u xejn mhu se jintilef.

14 U araw, din hi t‑tifsira sħiħa tal‑liġi, kollha kemm hi tidderiġina lejn is‑sagrifiċċju kbir u finali; u dak is‑sagrifiċċju kbir u finali se jkun l‑Iben ta’ Alla, iva, infinit u etern.

15 U b’dal‑mod huwa se jġib is‑salvazzjoni lil dawk kollha li jemmnu f’ismu; dan hu l‑għan ta’ dan l‑aħħar sagrifiċċju, li l‑ħniena kbira tkun eżerċitata, u tegħleb il‑ġustizzja, u ġġib fis‑seħħ mezz kif il‑bnedmin ikun jista’ jkollhom fidi li twassal għall‑indiema.

16 U b’hekk il‑ħniena tista’ tissodisfa t‑talbiet tal‑ġustizzja, u ddawwarhom f’dirgħajn is‑sigurtà, filwaqt li dak li ma jeżerċita ebda fidi li twassal għall‑indiema jiġi espost għal‑liġi sħiħa tat‑talbiet tal‑ġustizzja; għalhekk il‑pjan kbir u etern tal‑fidwa jiġi fis‑seħħ biss għal dak li għandu fidi li twassal għall‑indiema.

17 Għalhekk, ħuti, jalla Alla jgħinkom biex intom tkunu tistgħu tibdew teżerċitaw il‑fidi tagħkom li twassal għall‑indiema, biex intom tibdew issejħu l‑isem qaddis tiegħu, ħalli hu jkun jista’ jkollu ħniena minnkom;

18 Iva, sejħulu biex jurikom ħniena; għax hu għandu l‑qawwa li jsalva.

19 Iva, kunu umli, u ibqgħu itolbu lilu.

20 Sejħulu meta tkunu fl‑għelieqi tagħkom, iva, għall‑merħliet kollha tagħkom.

21 Sejħulu fi djarkom, iva, għan‑nies kollha ta’ darkom, kemm filgħodu, kemm f’nofsihnar, u kemm filgħaxija.

22 Iva, sejħulu kontra l‑qawwa tal‑għedewwa tagħkom.

23 Iva, sejħulu kontra x‑xitan, li hu għadu ta’ kull ma hu sewwa.

24 Sejħulu għall‑ħsad tal‑għelieqi tagħkom, biex jagħtukom ħafna frott.

25 Sejħulu għall‑merħliet tal‑għelieqi tagħkom, biex huma joktru.

26 Iżda dan mhux kollox; jeħtieġ li tiftħu qalbkom f’kamartkom, u fil‑moħbiet tagħkom, u fix‑xagħri tagħkom.

27 Iva, u meta ma tkunux qed issejħu lil Mulej, araw li qalbkom tkun mimlija radd il‑ħajr lilu bħala talba kontinwa għall‑ġid tagħkom, kif ukoll għall‑ġid ta’ dawk ta’ madwarkom.

28 U issa araw, għeżież ħuti, jien ngħidilkom, taħsbux li dan hu kollox; għax wara li tkunu għamiltu dan kollu, jekk twarrbu lil min hu fil‑bżonn, u lill‑għeri, u ma żżurux lill‑marid u lil min qed ibati, u ma taqsmux ġidkom, jekk għandkom, ma’ dawk li li jinsabu fil‑bżonn—jien ngħidilkom, jekk ma tagħmlu xejn minn dawn, araw, talbkom ikun għalxejn, u ma jiswiekom xejn, u tkunu bħall‑ipokriti li jiċħdu l‑fidi.

29 Għalhekk, jekk tinsew turu l‑karità, ma tkunu xejn ħlief rmixk (li ma jiswa għal xejn), li jintrema barra minn dak li jsaffi, u jintrifes min‑nies.

30 U issa, ħuti, nixtieq li wara li rċevejtu daqstant xhieda, għax l‑iskrittura mqaddsa tixhed dwar dawn il‑ħwejjeġ, intom tmorru u tagħmlu l‑frott għall‑indiema.

31 Iva, nixtieq li tmorru u ma twebbsux aktar qalbkom; għax araw, issa hu ż‑żmien u l‑jum tas‑salvazzjoni tagħkom; u għalhekk, jekk intom tindmu u ma twebbsux qalbkom, il‑pjan kbir ta’ fidwa jibda jaħdem għalikom b’mod immedjat.

32 Għax araw, dil‑ħajja hija ż‑żmien li fih il‑bnedmin iħejju biex jiltaqgħu ma’ Alla; iva, araw iż‑żmien ta’ dil‑ħajja huwa ż‑żmien li fih il‑bnedmin iwettqu ħidmiethom.

33 U issa, kif għidtilkom qabel, peress li kellkom daqstant xhieda, għalhekk, nitlobkom biex ma tibqgħux tipposponu l‑jum tal‑indiema tagħkom sal‑aħħar; għax wara daż‑żmien tal‑ħajja, li ngħata lilna biex inħejju għall‑ħajja ta’ dejjem, araw, jekk aħna ma nużawx ħina aħjar, imbagħad jasal il‑lejl tad‑dlam li fih ma tista’ titwettaq l‑ebda ħidma.

34 Intom ma tkunux tistgħu tgħidu, wara li tkunu spiċċajtu f’dik il‑kriżi terribbli, li jiena se nindem, li jiena se mmur lura għand Alla tiegħi. Le, ma tistgħux tgħidu dan; għax dak l‑istess spirtu li jippossedi ġisimkom fil‑mument li intom tħallu din il‑ħajja, dak l‑istess spirtu jkollu qawwa li jippossedi ġisimkom f’dik id‑dinja eterna.

35 Għax araw, jekk intom bqajtu tipposponu l‑jum tal‑indiema tagħkom sewwasew sal‑mewt, araw, intom spiċċajtu taħt il‑ħakma tal‑ispirtu tax‑xitan, u huwa jagħmilkom tiegħu; għalhekk, l‑Ispirtu tal‑Mulej m’għadux aktar magħkom, u m’għadux jgħammar fikom, u x‑xitan għandu kull setgħa fuqkom; u dan huwa l‑istat finali tal‑ħżiena.

36 U jiena naf dan, peress li l‑Mulej qal li hu ma jgħammarx f’tempji mhux qaddisa, iżda jgħammar fi qlub il‑ġusti; iva, u huwa qal ukoll li l‑ġusti sejrin ipoġġu fis‑saltna tiegħu, u ma jitilqu qatt minnha; iżda jeħtieġ li lbieshom jiġi mbajjad permezz ta’ demm il‑Ħaruf.

37 U issa, għeżież ħuti, nixtieq li intom tibqgħu tiftakru dawn il‑ħwejjeġ, u tħabirku għas‑salvazzjoni tagħkom bil‑biża’ quddiem Alla, u ma tiċħdux aktar il‑miġja ta’ Kristu;

38 Li ma teħduhiex kontra l‑Ispirtu s‑Santu, iżda tirċevuh, u tieħdu fuqkom isem Kristu; u tibqgħu umli sat‑trab, u tqimu ’l Alla, f’kull post li tistgħu tkunu fih, fi spirtu u verità; u li intom tgħixu kuljum f’radd il‑ħajr għall‑ħniena kbira u l‑bosta barkiet li huwa jsawwab fuqkom.

39 Iva, u jiena nħeġġiġkom, ħuti, biex tibqgħu titolbu bla heda ħalli ma tispiċċawx tinħakmu mit‑tiġrib tax‑xitan, ħalli huwa ma jkunx jista’ jkollu qawwa fuqkom, u ma tispiċċawx taħt il‑ħakma tiegħu fl‑aħħar jum; għax araw, huwa ma jippremjakom bl‑ebda ħaġa tajba.

40 U issa għeżież ħuti, nitlobkom biex tibqgħu tistabru, ħalli b’sabar tkunu tistgħu tgħaddu minn kull tip ta’ taħbit; u ma żżebilħux lil dawk li jkeċċukom ’il barra minħabba l‑faqar kbir tagħkom, ma tmorrux intom tispiċċaw midinbin bħalhom;

41 Iżda araw li jkollkom is‑sabar, u ġġarrbu dak it‑taħbit, b’tama ferma li xi darba intom għad tistrieħu minn kull taħbit.