Skrittura
Alma 39


Il‑kmandamenti ta’ Alma lil ibnu Kurjantun.

Jikkonsisti minn kapitlu 39 sa 42.

Kapitlu 39

Id‑dnub sesswali huwa għemil mistkerrah—Id‑dnubiet ta’ Kurjantun żammew liż‑Żoramiti milli jirċievu l‑kelma—Il‑fidwa ta’ Kristu hija retroattiva fejn tidħol is‑salvazzjoni tal‑fidili li ġew qabel seħħet. Madwar 74 Q.K.

1 U issa, ibni, għandi xi ħaġa aktar xi ngħidlek milli għidt lil ħuk; għax ara, innotajt inti l‑fermezza ta’ ħuk, il‑fedeltà tiegħu u d‑diliġenza tiegħu fil‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla? Ara, ma kienx huwa ta’ eżempju tajjeb għalik?

2 Għax inti ma tajtx daqstant widen għal kliemi kif ta ħuk, fost il‑poplu Żoramita. Issa din hija l‑ħaġa li għandi kontra tiegħek; inti qagħadt tiftaħar bil‑qawwa tiegħek u bl‑għerf tiegħek.

3 U dan mhux kollox, ibni. Int wettaqt dik li għalija kienet ħaġa mill‑aktar serja; għax inti abbandunajt il‑ministeru, u qsamt lejn l‑art ta’ Siron li taqa’ taħt il‑Lamaniti, biex mort tiġri wara Isabel iż‑żienja.

4 Iva, hija serqet il‑qlub ta’ bosta; iżda għalik, ibni, din ma kenitx skuża. Inti missek iddedikajt lilek innifsek għall‑ministeru li bih ġejt fdat.

5 Ma tafx, ibni, li dawn il‑ħwejjeġ huma mistkerrha f’għajnejn il‑Mulej; iva, l‑aktar mistkerrha fost id‑dnubiet kollha għajr għat‑tixrid tad‑demm innoċenti jew li wieħed jiċħad l‑Ispirtu s‑Santu?

6 Għax ara, jekk inti tiċħad l‑Ispirtu s‑Santu meta qabel kien diġà jgħammar fik, u inti konxju li qed tiċħdu, ara, dan hu dnub li ma jinħafirx; iva, u kull min joqtol kontra d‑dawl u l‑għarfien ta’ Alla, mhux faċli għalih li jikseb maħfra; iva, jiena ngħidlek, ibni, li mhux faċli għalih li jikseb il‑maħfra.

7 U issa, ibni, jalla li inti ma kontx ħati ta’ reat daqstant kbir. Jien mhux se noqgħod nitkellem dwar ir‑reati tiegħek, biex nittormenta ruħek, li kieku ma kienx għall‑ġid tiegħek.

8 Għax ara, inti ma tistax taħbi r‑reati tiegħek minn Alla; u jekk inti ma tindimx huma se jkunu ta’ xhieda kontrik fl‑aħħar jum.

9 Issa ibni, irridek li tindem u tabbanduna dnubietek, u la taqax aktar għall‑ġibdiet ta’ għajnejk, iżda iċħad lilek innifsek f’dan kollu; għax jekk inti ma tagħmilx dan int bl‑ebda mod ma tista’ tiret is‑saltna ta’ Alla. O, ftakar, u uri li int responsabbli, u iċħad lilek innifsek f’dawn il‑ħwejjeġ.

10 U nordnalek li tieħu fuqek ir‑responsabbiltà li tmur tieħu parir mingħand ħutek akbar minnek f’dak li tagħmel; għax ara, inti għadek f’żogħżitek, u għandek bżonn li tkun sostnut minn ħutek. U agħti widen għall‑parir tagħhom.

11 Tħallix lilek innifsek tiġi mmexxi minn xi ħaġa fiergħa u bla sens; tħallix li x‑xitan iwasslek biex għal darb’oħra jħajrek tmur wara dawk in‑nisa żienja u ħżiena. Ara, Ibni, f’liema ħażen kbir ġibthom liż‑Żoramiti; għax meta huma raw l‑imġieba tiegħek huma ma ridux jemmnu fi kliemi.

12 U issa l‑Ispirtu tal‑Mulej qiegħed jgħidli: Lil uliedek ordnalhom biex jagħmlu t‑tajjeb; ma jmorrux iqarrqu bil‑qlub ta’ bosta u jwassluhom għall‑qerda; għalhekk qed nordnalek, ibni, fil‑biża’ ta’ Alla, biex ma tkomplix għaddej bi ħżunitek;

13 Biex iddur lejn il‑Mulej b’moħħok kollu, u bil‑qawwa u s‑saħħa tiegħek kollha; biex ma tqarraqx aktar bil‑qlub u twassalhom biex jagħmlu l‑ħażen; iżda minflok terġa’ lura fosthom, u tistqarr ħtijietek u l‑ħażin li int wettaqt.

14 Tfittixx il‑ġid materjali jew il‑frugħa ta’ din id‑dinja; għax ara, inti ma tista’ tieħu xejn miegħek.

15 U issa, ibni, se ngħidlek xi ħaġa dwar il‑miġja ta’ Kristu. Ara, jiena ngħidlek, li huwa hu dak li żgur għandu jiġi biex ineħħi d‑dnubiet tad‑dinja; iva, huwa jiġi biex iwassal il‑bxara t‑tajba tas‑salvazzjoni lill‑poplu tiegħu.

16 U issa, ibni, dan huwa l‑ministeru li għalih inti ġejt imsejjaħ, biex twassal din il‑bxara t‑tajba lil dan il‑poplu, biex moħħhom huma jħejju; jew aħjar biex huma jkunu jistgħu jiksbu s‑salvazzjoni, biex ikunu jistgħu jħejju moħħ uliedhom ħalli huma jisimgħu l‑kelma fil‑mument tal‑miġja tiegħu.

17 U issa, ħa nserraħlek ftit moħħok dwar din il‑ħaġa. Ara, inti qed tissorprendi ruħek għalfejn dawn il‑ħwejjeġ għandhom ikunu magħrufa minn żmien daqshekk qabel. Ara, jiena ngħidlek, ruħ li qed tgħix bħalissa għal Alla mhijiex prezzjuża daqs ruħ li se tkun qed tgħix fi żmien il‑miġja tiegħu?

18 Mhijiex ħaġa meħtieġa li l‑pjan tal‑fidwa jiġi żvelat lil dawn in‑nies kif ukoll lil uliedhom?

19 Mhijiex ħaġa daqstant faċli għall‑Mulej li f’daż‑żmien jibgħat anġlu minn tiegħu biex iwassal il‑bxara t‑tajba lilna kif ukoll lil uliedna, daqs kemm hi wara ż‑żmien tal‑miġja tiegħu?