Skrittura
Alma 40


Kapitlu 40

Kristu jġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet tal‑bnedmin kollha—Wara l‑mewt it‑twajbin imorru l‑ġenna u l‑ħżiena jmorru ’l barra fid‑dlam fejn hemm jibqgħu jistennew il‑jum tal‑qawmien tagħhom—F’jum il‑Qawmien kull ħaġa tiġi rrestawrata għall‑forma xierqa u perfetta tagħha. Madwar 74 Q.K.

1 Issa ibni, għandi ftit ieħor xi ngħidlek; għax qed inħoss li inti qed tinkwieta dwar il‑qawmien mill‑imwiet.

2 Ara, jien ngħidlek, li m’hemm l‑ebda qawmien mill‑imwiet—jew inkella, biex inpoġġiha mod ieħor, ngħidlek li dal‑ġisem mortali mhuwiex se jxidd fuqu ġisem immortali, dal‑ġisem imħassar mhuwiex se jxidd fuqu ġisem mhux imħassar—qabel iż‑żmien ta’ wara l‑miġja ta’ Kristu.

3 Ara, huwa jġib fis‑seħħ il‑qawmien tal‑mejtin. Iżda ara, ibni, il‑qawmien mhux se jseħħ għalissa. Issa, jiena se niżvelalek misteru; madankollu, hemm bosta misteri li għadhom mistura, li ħadd ma jafhom ħlief Alla nnifsu. Iżda jiena se nkellmek dwar xi ħaġa li staqsejt lil Alla bil‑ħrara biex insir nafha—li tikkonċerna l‑qawmien mill‑imwiet.

4 Ara, hemm żmien magħżul li fih kulħadd għandu jqum mill‑imwiet. Issa meta se jasal dan iż‑żmien ħadd ma jaf; iżda Alla jaf iż‑żmien li ġie magħżul.

5 Issa, jekk il‑bnedmin humiex se jqumu mill‑imwiet f’darba waħda, jew jekk hux se jkun hemm it‑tieni darba, jew it‑tielet darba, ma tagħmilx differenza; għax Alla jaf dan kollu; u għalija biżżejjed li naf li hekk se jiġri—li hemm żmien magħżul li fih kulħadd se jqum mill‑imwiet.

6 Issa jeħtieġ li jkun hemm perjodu ta’ żmien bejn il‑mument tal‑mewt u l‑mument tal‑qawmien.

7 U issa, xi ngħidu dwar dak li se jiġri minn ruħ il‑bnedmin mill‑mument tal‑mewt saż‑żmien magħżul għall‑qawmien?

8 Issa jekk hux se jkun hemm aktar minn żmien magħżul wieħed li fih il‑bnedmin sejrin iqumu ma tagħmilx differenza; għax mhux kulħadd se jmut fl‑istess ħin, u dil‑ħaġa ma tagħmilx differenza; kollox hu bħallikieku jum wieħed għal Alla, u ż‑żmien huwa biss kejl għall‑bnedmin.

9 Għalhekk, hemm żmien magħżul għall‑bnedmin li fih huma għandhom iqumu mill‑imwiet; u hemm perjodu ta’ żmien bejn il‑mument tal‑mewt u l‑qawmien. U issa, dwar dan il‑perjodu ta’ żmien, x’se jiġri minn ruħ il‑bnedmin hija l‑ħaġa li jien staqsejt lil Alla bil‑ħrara biex insir naf; u dan huwa dak li jiena naf.

10 U meta jasal iż‑żmien fejn kulħadd iqum, hemmhekk huma jsiru jafu li Alla jaf iż‑żminijiet kollha magħżula għall‑bniedem.

11 Issa, rigward l‑istat tar‑ruħ bejn il‑mewt u l‑qawmien—Ara, ġie żvelat lili permezz ta’ anġlu, li l‑ispirti tal‑bnedmin kollha, hekk kif iħallu lil dan il‑ġisem mortali, iva, l‑ispirti tal‑bnedmin kollha, kemm jekk kienu twajbin u kemm jekk kienu ħżiena, jittieħdu d‑dar għand dak Alla li tahom il‑ħajja.

12 U mbagħad jiġri, li l‑ispirti ta’ dawk li huma twajbin jintlaqgħu fi stat ta’ hena, li jissejjaħ ġenna, stat ta’ mistrieħ, stat ta’ paċi, fejn huma jistrieħu mill‑inkwiet kollu tagħhom u minn dak kollu li jtaqqalhom, u min‑niket kollu tagħhom.

13 U mbagħad jiġri li l‑ispirti tal‑ħżiena, iva, dawk li jagħmlu l‑ħażen—għax ara, huma m’għandhom l‑ebda parti jew sehem mill‑Ispirtu tal‑Mulej; għax ara, huma għażlu li jwettqu għemejjel ħżiena minflok tajbin; għalhekk l‑ispirtu tax‑xitan daħal fihom, u ħa f’idejh darhom—u dawn sejrin jinxteħtu ’l barra fid‑dlam; hemmhekk se jkun hemm biki, u tinwiħ, u tgħażżiż tas‑snien, u dan minħabba ħżunithom, fejn huma ġew meħudin fil‑jasar skont ir‑rieda tax‑xitan.

14 Issa dan hu l‑istat ta’ ruħ il‑ħżiena, iva, fid‑dlam, u fi stat ta’ stennija terribbli u tal‑biżà li sejrin jintlaqtu mill‑ħuġġieġa nar tal‑korla ta’ Alla; għalhekk huma jibqgħu f’dan l‑istat, kif it‑twajbin jibqgħu fil‑ġenna, sa żmien il‑qawmien tagħhom.

15 Issa, hemm xi wħud li fehmu li dan l‑istat ta’ hena u dan l‑istat ta’ miżerja tar‑ruħ, qabel il‑qawmien mill‑imwiet, kien l‑ewwel qawmien. Iva, nammetti li seta’ ġie deskritt bħala qawmien mill‑imwiet, it‑tluq mill‑ġisem tal‑ispirtu jew tar‑ruħ u l‑kunsinna tagħhom għall‑hena jew għall‑miżerja, skont il‑kliem li ntqal.

16 U ara, intqal ukoll, li hemm l‑ewwel qawmien, il‑qawmien ta’ dawk kollha li kienu, jew li huma, jew li għad ikunu, sewwasew sal‑qawmien ta’ Kristu mill‑imwiet.

17 Issa, ma naħsbux li dan l‑ewwel qawmien, li tkellimna dwaru b’dan il‑mod, jista’ jkun il‑qawmien ta’ ruħhom u l‑kunsinna tagħha għall‑hena jew il‑miżerja. Żgur intom ma taħsbux li t‑tifsira hija din.

18 Ara, jiena ngħidlek, Le; iżda dan ifisser l‑għaqda mill‑ġdid tar‑ruħ mal‑ġisem, ta’ dawk kollha minn żmien Adam sa żmien il‑qawmien ta’ Kristu.

19 Issa, jekk ir‑ruħ u l‑ġisem ta’ dawk li semmejna humiex se jingħaqdu mill‑ġdid flimkien fl‑istess żmien, kemm il‑ħżiena kif ukoll it‑twajbin, ma nistax ngħid; biżżejjed li ngħid li lkoll kemm huma se jqumu; jew, fi kliem ieħor, il‑qawmien tagħhom se jiġi fis‑seħħ qabel il‑qawmien ta’ dawk li se jmutu wara l‑qawmien ta’ Kristu.

20 Issa, ibni, mhux qed ngħid li l‑qawmien tagħhom se jseħħ mal‑qawmien ta’ Kristu; iżda ara, l‑opinjoni tiegħi hi li r‑ruħ u l‑ġisem tat‑twajbin jingħaqdu mill‑ġdid flimkien, fi żmien il‑qawmien ta’ Kristu, u t‑tlugħ tiegħu fis‑sema.

21 Iżda jekk dan hux se jseħħ waqt il‑qawmien tiegħu jew wara, ma nistax ngħid; iżda li nista’ ngħid hu dan, li hemm perjodu ta’ żmien bejn il‑mewt u l‑qawmien tal‑ġisem, u hemm stat fejn ir‑ruħ tkun fil‑hena jew fil‑miżerja saż‑żmien magħżul minn Alla fejn il‑mejtin sejrin iqumu, u jingħaqdu mill‑ġdid, kemm ir‑ruħ u kemm il‑ġisem, u jinġiebu ħalli jieqfu quddiem Alla, u jsir ħaqq minnhom skont għemilhom.

22 Iva, dan iġib fis‑seħħ ir‑restawrazzjoni ta’ dawk il‑ħwejjeġ li dwarhom tkellmu l‑profeti.

23 Ir‑ruħ se tiġi rrestawrata mal‑ġisem, u l‑ġisem mar‑ruħ; iva, u r‑riġlejn u l‑ġogi kollha se jiġu rrestawrati ma’ ġisimhom; iva, lanqas xagħra waħda mir‑ras mhu se tintilef; iżda kollox se jiġi rrestawrat għall‑forma xierqa u perfetta tiegħu.

24 U issa, ibni, din hija r‑restawrazzjoni li dwarha tkellmu l‑profeti—

25 Imbagħad it‑twajbin sejrin jiddu fis‑saltna ta’ Alla.

26 Iżda ara, mewt orribbli se tolqot lill‑ħżiena; għax huma jmutu f’dak li għandu x’jaqsmu mas‑sewwa; għax huma mniġġsa, u l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tiret is‑saltna ta’ Alla; iżda huma jinxteħtu ’l barra, u jiġu mgħoddija biex igawdu frott ħidmiethom jew għemilhom, li kien ħażin; u huma jixorbu minn tazza morra sa qiegħha.