Skrittura
Alma 46


Kapitlu 46

Għamalikja jikkonfoffa biex isir sultan—Moroni jgħolli l‑istendàrd tal‑libertà—Huwa jiġbor lin‑nies flimkien biex jiddefendu r‑reliġjon tagħhom—Dawk li verament jemmnu jissejħu Kristjani—Fdal ta’ Ġużeppi se jiġi ppreservat—Għamalikja u d‑dissidenti jaħarbu lejn l‑art ta’ Nefi—Dawk li ma jappoġġjawx il‑kawża tal‑ħelsien jingħataw il‑mewt. Madwar 73‑72 Q.K.

1 U ġara li dawk kollha li ma tawx widen għal kliem Ħelaman u ħutu nġabru flimkien kontra ħuthom.

2 U issa araw, huma kienu mimlija għadab, tant li kienu determinati li joqtluhom.

3 Issa l‑mexxej ta’ dawk li kienu mimlija għadab għal ħuthom kien fih raġel u b’saħħtu; u ismu kien Għamalikja.

4 U Għamalikja kellu x‑xewqa li jkun sultan; u dawk in‑nies li kienu mimlija għadab kellhom ukoll ix‑xewqa li hu jkun is‑sultan tagħhom; u l‑parti l‑kbira minnhom kienu l‑imħallfin inferjuri tal‑pajjiż, u bdew jippruvaw jiksbu l‑poter.

5 U huma ġew influwenzati mill‑ħafna kliem ħelu ta’ Għamalikja, li jekk huma jappoġġjawh u jpoġġuh bħala s‑sultan tagħhom hu jagħmilhom mexxejja tal‑poplu.

6 B’hekk huma ġew imqarrqin minn Għamalikja u spiċċaw isseparaw ruħhom minn ħuthom, minkejja l‑predikazzjoni ta’ Ħelaman u ħutu, minkejja l‑attenzjoni kbira li kienu jagħtu lill‑knisja, għax huma kienu qassisin il‑kbar fuq il‑knisja.

7 U kien hemm ħafna fil‑knisja li emmnu fil‑kliem ħelu u falz ta’ Għamalikja, għalhekk huma sseparaw ruħhom anke mill‑knisja; u b’hekk kull ħaġa li kellha x’taqsam man‑nies ta’ Nefi kienet mill‑aktar prekarja u perikoluża, minkejja ir‑rebħiet kbar li huma kellhom fuq il‑Lamaniti, u l‑ferħ kbir li huma ferħu minħabba l‑ħelsien tagħhom permezz ta’ id il‑Mulej.

8 B’hekk naraw kemm ulied il‑bnedmin jinsew malajr lill‑Mulej Alla tagħhom, iva, kemm ikunu pronti biex iwettqu l‑ħażen, u jiġu mmexxija mill‑malinn.

9 Iva, u naraw ukoll il‑ħażen mill‑aktar kbir li raġel wieħed ħażin jista’ jikkawża li jseħħ fost ulied il‑bnedmin.

10 Iva, naraw li Għamalikja, għax kien raġel dejjem b’xi pjan qarrieq f’moħħu u raġel ta’ ħafna kliem ħelu u falz, qarraq b’qalb ħafna nies u wassalhom biex jagħmlu l‑ħażen; iva, u jippruvaw jeqirdu l‑knisja ta’ Alla, u jeqirdu s‑sisien tal‑libertà li tahom Alla, li hi barka li Alla bagħat fuq wiċċ l‑art f’ġieħ il‑ġusti.

11 U issa ġara li meta Moroni, li kien il‑kap kmandant tal‑armati tan‑Nefiti, sema’ b’dan id‑diżgwid, huwa nkorla għal Għamalikja.

12 U ġara li huwa ċarrat il‑mantell tiegħu; u ħa biċċa minnu, u kiteb fuqha—B’tifkira ta’ Alla tagħna, tar‑reliġjon u l‑ħelsien tagħna, u tal‑paċi tagħna, u tan‑nisa tagħna u ta’ wliedna—u rabatha mat‑tarf ta’ arblu bħala stendàrd.

13 U hu libes l‑elmu tiegħu, kif ukoll il‑pettoral, u t‑tarki tiegħu, u libes il‑korazza tiegħu madwar ġenbejh; u qabad l‑arblu li f’tarfu kellu l‑mantell imċarrat tiegħu, (u sejjaħlu l‑istendàrd tal‑libertà) u niżel għarkupptejh mal‑art, u talab b’qawwa lil Alla tiegħu biex fuq ħutu jissawbu l‑barkiet tal‑libertà, diment li jkun għad baqa’ grupp ta’ Kristjani biex jabitaw f’dik l‑art—

14 U hekk kienu msejħin in‑nies kollha li verament kienu jemmnu fi Kristu, li kienu jagħmlu parti mill‑knisja ta’ Alla, minn dawk li ma kenux jagħmlu parti mill‑knisja.

15 U dawk li kienu jagħmlu parti mill‑knisja kienu fidili; iva, dawk kollha li kienu jemmnu verament fi Kristu ħadu fuqhom, b’ferħ, l‑isem ta’ Kristu, jew Kristjani kif kienu jissejħu, minħabba t‑twemmin tagħhom fi Kristu li għandu jiġi.

16 U għalhekk, f’dan il‑mument, Moroni talab biex il‑kawża tal‑Kristjani, u l‑ħelsien tal‑pajjiż ikunu sostnuti.

17 U ġara li wara li hu talab b’qawwa lil Alla, huwa sejjaħ l‑art kollha li kienet fin‑nofsinhar tal‑art ta’ Ħerba, iva, f’kelma waħda, l‑art kollha, kemm fin‑naħa ta’ fuq kif ukoll fin‑naħa t’isfel—Art magħżula, u l‑art tal‑libertà.

18 U huwa qal: Alla żgur mhuwiex se jħalli li aħna, li aħna ddisprezzati minħabba li nieħdu fuqna l‑isem ta’ Kristu, nisfaw mgħaffġin u meqrudin, sakemm ma nġibux dan b’idejna minħabba t‑trasgressjonijiet tagħna.

19 U meta Moroni qal dan il‑kliem, huwa mar fost il‑poplu, ixejjer fl‑arja l‑biċċa drapp li ċarrat minn ilbiesu, ħalli kulħadd ikun jista’ jara l‑kitba li huwa kiteb fuq il‑biċċa mċarrta, u b’leħen għoli beda jgħajjat u jgħid:

20 Araw, dawk kollha li jippreservaw dan l‑istendàrd fuq din l‑art, ħa jiġu huma bil‑qawwa tal‑Mulej, u jidħlu f’patt li huma sejrin jippreservaw drittijiethom, u r‑reliġjon tagħhom, ħalli l‑Mulej Alla jkun jista’ jberikom.

21 U ġara li meta Moroni xandar dan il‑kliem, araw, in‑nies ġew jiġru flimkien lebsin il‑korazza madwar qaddhom, u bdew iċarrtu lbieshom bħala sinjal, jew bħala patt, li huma ma kenux se jiċħdu lill‑Mulej Alla tagħhom; jew, fi kliem ieħor, jekk huma jiksru l‑kmandamenti ta’ Alla, jew jaqgħu fit‑trasgressjoni, u jistħu jieħdu fuqhom l‑isem ta’ Kristu, il‑Mulej jispiċċa jġibhom fix‑xejn bil‑mod kif huma ċarrtu lbieshom.

22 Issa dan kien il‑patt li huma għamlu, u huma xeħtu lbieshom ħdejn riġlejn Moroni, u qalu: Aħna qed nagħmlu patt ma’ Alla tagħna, li aħna nispiċċaw ninqerdu, l‑istess bħal ħutna fl‑art tat‑tramuntana, jekk aħna naqgħu fit‑trasgressjoni; iva, huwa jixħetna taħt riġlejn l‑għedewwa tagħna, bl‑istess mod kif aħna xħitna lbiesna taħt riġlejk biex nispiċċaw mgħaffġin taħt saqajk, jekk aħna naqgħu fit‑trasgressjoni.

23 Moroni qalilhom: Araw, aħna fdal ta’ nisel Ġakobb; iva, aħna fdal ta’ nisel Ġużeppi, li ħutu ċarrtulu lbiesu biċċiet biċċiet; iva, u issa araw, ejjew niftakru biex inħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, għax jekk le, lbiesna jispiċċa mqatta’ biċċiet minn ħutna, u nispiċċaw mixħutin il‑ħabs, jew mibjugħin, jew maqtula.

24 Iva, ejjew nippreservaw il‑libertà tagħna bħala fdal ta’ Ġużeppi; iva, ejjew niftakru kliem Ġakobb, qabel miet, għax araw, huwa ra li parti mill‑fdal ta’ lbies Ġużeppi ġie ppreservat u ma tmermirx. U huwa qal—Bl‑istess mod kif dan il‑fdal ta’ lbies ibni ġie ppreservat, l‑istess il‑fdal ta’ nisel ibni se jkun ippreservat permezz ta’ id Alla, u hu se jilqgħu għandu, filwaqt li l‑bqija ta’ nisel Ġużeppi se jispiċċaw jinqerdu, l‑istess bħall‑bqija ta’ dan l‑ilbies.

25 Issa araw, dan nikket ruħi bil‑kbir; madankollu, ruħi bdiet tithenna minħabba ibni, minħabba dik il‑parti ta’ nislu li Alla se jilqa’ għandu.

26 Issa araw, dan kien id‑diskors ta’ Ġakobb.

27 U issa min jaf jekk forsi l‑fdal ta’ nisel Ġużeppi, li sejrin jinqerdu bħal ilbiesu, humiex dawk li sseparaw ruħhom minna? Iva, u l‑istess jiġrilna aħna jekk ma nżommux sħiħ fil‑fidi ta’ Kristu.

28 U issa ġara li meta Moroni qal dan il‑kliem huwa telaq minn hemm, u bagħat messaġġiera ma’ kull naħa tal‑pajjiż fejn kien hemm id‑diżgwid, u ġabar flimkien lin‑nies kollha li kellhom ix‑xewqa li jippreservaw il‑libertà tagħhom, biex jiddefendu ruħhom kontra Għamalikja u dawk li sseparaw ruħhom, li kienu jissejħu Għamalikjahiti.

29 U ġara li meta Għamalikja ra li n‑nies ta’ Moroni kienu aktar numerużi mill‑Għamalikjahiti—u ra wkoll li niesu kellhom ċertu dubju dwar kemm kienet ġusta l‑kawża li kienu qed jiddefendu—għalhekk, minħabba l‑biża’ li kellu li l‑għan tiegħu ma jintlaħaqx, hu ħa miegħu lil dawk li kienu lesti jmorru miegħu u rħielha lejn l‑art ta’ Nefi.

30 Issa Moroni kien tal‑idea li ma kienx ikun jaqbel li l‑Lamaniti jissaħħu aktar fil‑qawwa tagħhom; għalhekk ħaseb biex jinterċetta lin‑nies ta’ Għamalikja, jew jaqbadhom u jeħodhom lura, u lil Għamalikja jagħtih il‑mewt; iva, għax kien jaf li hu kien sejjer ixewwex lil‑Lamaniti biex jimtlew bil‑għadab kontrihom, u jwassalhom biex jiġu ħalli jiġġieldu kontrihom; u hu kien jaf li Għamalikja kien lest jagħmel dan biex ikun jista’ jwettaq għanijietu.

31 Għalhekk Moroni ħaseb li jkun jaqbel li huwa jieħu l‑armati tiegħu, li kienu nġabru flimkien, u armaw lilhom infushom, u jidħol f’patt li lest iżomm il‑paċi—u ġara li huwa ħa l‑armata tiegħu u telaq bit‑tined tiegħu lejn ix‑xagħri, biex jinterċetta r‑rotta ta’ Għamalikja fix‑xagħri.

32 U ġara li hu għamel skont xewqtu, u rħielha lejn ix‑xagħri, u waqqaf l‑armati ta’ Għamalikja milli jkomplu javvanzaw.

33 U ġara li Għamalikja ħarab flimkien ma’ ftit min‑nies tiegħu, u l‑bqija spiċċaw f’idejn Moroni u ttieħdu lura lejn l‑art ta’ Żaraħemla.

34 Issa, peress li Moroni kien raġel li ġie maħtur mill‑prim imħallef u permezz ta’ leħen il‑poplu, huwa kellu s‑setgħa, skont ir‑rieda tiegħu, fuq l‑armati tan‑Nefiti, li jistabbilixxi u jeżerċita l‑awtorità tiegħu fuqhom.

35 U ġara li dawk kollha fost l‑Għamalikjahiti li ma kenux lesti jidħlu f’patt biex jappoġġjaw il‑kawża tal‑ħelsien, sabiex ikun jista’ jkollhom gvern ħieles, huwa ordna li jingħataw il‑mewt; u ftit biss kienu dawk li ċaħdu l‑patt tal‑ħelsien.

36 U ġara wkoll, li huwa ordna biex l‑istendàrd tal‑libertà jittella’ fuq kull torri li kien hemm madwar l‑art kollha li kienet taħt idejn in‑Nefiti; u b’hekk Moroni waqqaf l‑istendàrd tal‑libertà fost in‑Nefiti.

37 U huma reġa’ beda jkollhom il‑paċi fuq l‑art; u b’hekk huma żammew il‑paċi fl‑art kważi sal‑aħħar tas‑sena dsatax tas‑saltna tal‑imħallfin.

38 U Ħelaman u l‑qassisin il‑kbar ukoll żammew l‑ordni fil‑knisja; iva, sewwasew għal erba’ snin sħaħ huma kellhom paċi u hena kbira fil‑knisja.

39 U ġara li kien hemm ħafna li mietu, b’fidi soda li ruħhom kienet ġiet mifdija mill‑Mulej Ġesù Kristu; b’hekk huma ħallew din id‑dinja mimlija hena.

40 U kien hemm xi ftit li mietu bid‑deni, fejn matul is‑sena kien hemm żmien li fih kien laqat waħda sew il‑pajjiż—iżda ma kenux wisq dawk li mietu bid‑deni, minħabba l‑kwalità eċċellenti ta’ bosta pjanti u għeruq li Alla kien ħejja biex jelimina l‑kawża tal‑mard, li n‑nies kienu suxxettibbli għalih minħabba n‑natura tal‑klima—

41 Iżda kienu ħafna li mietu bix‑xjuħija; u dawk li mietu fil‑fidi ta’ Kristu jinsabu henjin miegħu, kif nistgħu nimmaġinaw.