Skrittura
Alma 50


Kapitlu 50

Moroni jiffortifika l‑artijiet tan‑Nefiti—Huma jibnu bosta bliet ġodda—In‑Nefiti jintlaqtu minn gwerer u qerda fi żmien il‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom—Morjanton u d‑dissidenti tiegħu jisfaw megħluba minn Teankum—Nefija jmut, u ibnu Paħoran jeħodlu postu fis‑siġġu tat‑tribunal. Madwar 72–67 Q.K.

1 U issa ġara li Moroni ma waqafx iħejji għall‑gwerra, jew biex ikun jista’ jiddefendi lill‑poplu tiegħu kontra l‑Lamaniti; għax hu ordna biex l‑armati tiegħu jibdew fil‑bidu tas‑sena għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin, biex huma jibdew jiskavaw l‑art u permezz tagħha jibnu munzelli ta’ ramel madwar kull belt, madwar l‑art kollha li kienet f’idejn in‑Nefiti.

2 U fuq dan il‑munzell ramel hu talabhom ipoġġu l‑injam, iva, strutturi tal‑injam, għoli ta’ bniedem, madwar kull belt.

3 U hu talabhom biex fuq dawk l‑istrutturi tal‑injam jibnu qafas tal‑pikketti mad‑dawra kollha fuq l‑injam; u dawn kienu mill‑aktar b’saħħithom u għoljin.

4 U hu ordna biex jinbnew torrijiet ogħla minn dawk l‑istrutturi tal‑pikketti, u talab biex fuq dawk it‑torrijiet jinbnew postijiet ta’ difiża, ħalli l‑ġebel u l‑vleġeġ tal‑Lamaniti ma jagħmlulhomx ħsara.

5 U dawn kienu magħmula b’tali mod li huma jistgħu jixħtu l‑ġebel minn fuqhom, kif jogħġob lilhom u b’liema qawwa jridu, u joqtlu lil min jipprova jersaq qrib is‑swar tal‑belt.

6 B’hekk Moroni bena fortizzi bi tħejjija għall‑miġja tal‑għedewwa tagħhom, madwar kull belt li kien hemm mal‑pajjiż kollu.

7 U ġara li Moroni ordna biex l‑armati tiegħu jerħulha lejn ix‑xagħri tal‑lvant; iva, u huma marru u ġiegħlu lil‑Lamaniti li kienu fix‑xagħri tal‑lvant jirtiraw lejn artijiethom, liema artijiet kienu fin‑nofsinhar tal‑art ta’ Żaraħemla.

8 U l‑art ta’ Nefi kienet tgħaddi f’linja dritta mill‑baħar tal‑lvant sal‑punent.

9 U ġara li meta Moroni keċċa lil‑Lamaniti kollha ’l barra mix‑xagħri tal‑lvant, li kien fit‑tramuntana tal‑artijiet li kienu jinsabu f’idejhom, hu ordna biex dawk li kienu jgħammru fl‑art ta’ Żaraħemla u fl‑art tal‑madwar għandhom imorru fix‑xagħri tal‑lvant, sewwasew lejn il‑fruntiera li kien hemm ħdejn xatt il‑baħar, u jieħdu dik l‑art f’idejhom.

10 U hu poġġa wkoll l‑armati fin‑naħa tan‑nofsinhar, fil‑fruntieri tat‑territorju tagħhom, u ordnalhom biex jibnu fortifikazzjonijiet ħalli jkunu jistgħu jipproteġu l‑armati tagħhom u lil nieshom minn idejn l‑għedewwa tagħhom.

11 U b’dal‑mod huwa elimina l‑aċċess għal kull fortizza li l‑Lamaniti kellhom fix‑xagħri tal‑lvant, iva, kif ukoll fin‑naħa tal‑punent, u ffortifika l‑fruntiera li kien hemm bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti, bejn l‑art ta’ Żaraħemla u l‑art ta’ Nefi, mill‑baħar tal‑punent, u li tibqa’ sejra sa ras ix‑xmara Sidon—in‑Nefiti kellhom f’idejhom l‑art kollha li kien hemm fin‑naħa tat‑tramuntana, iva, sewwasew l‑art kollha li kienet tinsab fit‑tramuntana tal‑art ta’ Kotran, skont kif kien jogħġob lilhom.

12 B’hekk Moroni, flimkien mal‑armati tiegħu, li bdew jikbru ma’ kull jum minħabba l‑garanzija ta’ difiża li huma kisbu permezz tal‑ħidma tiegħu, ra kif seta’ jelimina l‑forza u l‑qawwa tal‑Lamaniti mill‑artijiet li kienu jgħammru fihom, ħalli huma ma jkollhomx aktar kontroll tal‑artijiet li kienu ħadu f’idejhom.

13 U ġara li n‑Nefiti bdew jibnu belt, u semmewha l‑belt ta’ Moroni; u din kienet tinsab ħdejn il‑baħar tal‑lvant; u kienet tinsab fin‑naħa tan‑nofsinhar mal‑fruntiera tal‑art li fiha kienu jgħammru l‑Lamaniti.

14 U huma bdew ukoll jibnu s‑sisien ta’ belt bejn il‑belt ta’ Moroni u l‑belt ta’ Aron, u b’hekk ikunu jistgħu jgħaqqdu flimkien il‑fruntieri ta’ Aron u Moroni; u huma semmew il‑belt, jew l‑art, Nefija.

15 U f’dik l‑istess sena bdew jibnu wkoll bosta bliet fin‑naħa tat‑tramuntana, waħda minnhom, li semmewha Leħi, bnewha b’mod mill‑aktar partikolari, u din kienet tinsab fin‑naħa tat‑tramuntana ħdejn il‑fruntieri ta’ xatt il‑baħar.

16 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena għoxrin.

17 U kien sewwasew f’dan l‑ambjent ta’ prosperità li l‑poplu ta’ Nefi ta bidu għas‑sena wieħed u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

18 U huma stagħnew bil‑kbir, u saru nies mill‑aktar għonja; iva, u huma tkattru u ssaħħu fl‑art.

19 U b’hekk naraw kemm hu ħanin u ġust il‑Mulej fl‑għemejjel kollha tiegħu, li jwettaq kull ħaġa li huwa jwiegħed lil ulied il‑bnedmin; iva, aħna nistgħu naraw, sewwasew fi żmienna, il‑kliem li huwa qal lil Leħi jiġi fis‑seħħ, meta qal:

20 Imbierek inti u wliedek; u huma se jkunu mberkin, diment li huma jħarsu l‑kmandamenti tiegħi huma jkollhom ir‑risq fl‑art. Iżda ftakar, jekk ma jħarsux il‑kmandamenti tiegħi huma jinqatgħu mill‑preżenza tal‑Mulej.

21 U naraw li l‑poplu ta’ Nefi seta’ jara dawn il‑wegħdiet jiġu fis‑seħħ; għax kien il‑ġlied tagħhom u t‑tilwim tagħhom, iva, il‑qtil tagħhom, u s‑serq tagħhom, l‑idolatrija tagħhom, iż‑żína tagħhom, u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom, li seħħew fosthom, li ġabu fuqhom il‑gwerer tagħhom u l‑qerda tagħhom.

22 U dawk li kienu fidili fil‑ħarsien tal‑kmandamenti tal‑Mulej ġew imħarsa f’kull ħin, filwaqt li eluf minn ħuthom li tawha għall‑ħażen spiċċaw fil‑jasar, jew inqerdu permezz tax‑xabla, jew ftit, ftit spiċċaw tilfu l‑fidi, u spiċċaw biex tħalltu mal‑Lamaniti.

23 Iżda araw, minn żmien Nefi ’l hawn, fost il‑poplu ta’ Nefi, qatt ma kien hemm żmien ta’ ferħ aktar minn żmien Moroni, iva, sewwasew aktar minn dan iż‑żmien, fis‑sena wieħed u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin.

24 U ġara li s‑sena tnejn u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin intemmet ukoll fil‑paċi; iva, u l‑istess is‑sena tlieta u għoxrin.

25 U ġara li fil‑bidu tas‑sena erbgħa u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin, deher ukoll li kienet se tkun sena ta’ paċi fost il‑poplu ta’ Nefi, li kieku ma kienx għal tilwima li nqalgħet bejniethom dwar l‑art ta’ Leħi, u l‑art ta’ Morjanton, li kienu jingħaqdu flimkien ħdejn il‑fruntiera ta’ Leħi; fejn it‑tnejn li huma kienu fil‑fruntiera li kien hemm ħdejn xatt il‑baħar.

26 Għax araw, in‑nies li kienu jgħammru fl‑art ta’ Morjanton kienu jħarsu lejn parti mill‑art ta’ Leħi bħalha arthom; għalhekk bdew iqumu ċerti argumenti sħan bejniethom, tant li n‑nies ta’ Morjanton armaw lilhom infushom biex jiġġieldu kontra ħuthom, u qatgħuha li joqtluhom permezz tax‑xabla.

27 Iżda araw, in‑nies li kienu jgħammru fl‑art ta’ Leħi ħarbu lejn il‑kamp ta’ Moroni, u talbuh biex jgħinhom; għax araw huma ma kienu għamlu xejn ħażin.

28 U ġara li meta n‑nies ta’ Morjanton, li kienu mmexxijin minn raġel jismu Morjanton, sabu li n‑nies ta’ Leħi kienu ħarbu lejn il‑kamp ta’ Moroni, huma mtlew b’biża’ mill‑aktar kbira għax beżgħu li kienet se taħbat għalihom l‑armata ta’ Moroni u teqridhom.

29 Għalhekk, Morjanton daħħalha f’moħħhom li huma għandhom jaħarbu lejn l‑art li kienet tinsab fin‑naħa tat‑tramuntana, li kienet miksija b’meded kbar ta’ ilma, u jieħdu f’idejhom l‑art li kienet fin‑naħa tat‑tramuntana.

30 U araw, huma kienu lesti jwettqu dan il‑pjan, (u dan kien se jkun il‑kawża ta’ dispjaċir kbir) iżda araw, Morjanton li kien raġel li ma kienx irid wisq biex jiżbroffa, spiċċa biex inkorla għal waħda mill‑qaddejja tiegħu, u qabad isawwatha u taha xebgħa mhux ħażin.

31 U ġara li hija ħarbet, u waslet fil‑kamp ta’ Moroni, u qalet lil Moroni b’dak kollu relatat ma’ dil‑ħaġa, kif ukoll dwar l‑intenzjoni tagħhom li jaħarbu lejn l‑art tat‑tramuntana.

32 Iżda araw, in‑nies li kienu fl‑art ta’ Kotran, jew aħjar f’Moroni, beżgħu li huma kienu sejrin jisimgħu minn kliem Morjanton u jingħaqdu ma’ niesu, u b’hekk jispiċċa jikseb f’idejh dawk l‑inħawi tal‑pajjiż, u dan kien iwitti t‑triq għal ħwejjeġ li jħallu warajhom konsegwenzi mill‑aktar serji għall‑poplu ta’ Nefi, iva, liema konsegwenzi jispiċċaw iwasslu biex huma jitilfu l‑libertà tagħhom.

33 Għalhekk Moroni bagħat armata, flimkien mal‑kamp tagħhom, biex iwaqqfu lin‑nies ta’ Morjanton milli jkomplu javvanzaw lejn l‑art tat‑tramuntana.

34 U ġara li huma ma rnexxielhomx iwaqqfuhom qabel ma huma waslu fil‑fruntieri tal‑art ta’ Ħerba; u kien hemm li interċettawhom, ħdejn il‑fetħa dejqa li minn ħdejn il‑baħar kien twasslek lejn l‑art tat‑tramuntana, iva, minn ħdejn il‑baħar li kien hemm fuq in‑naħa tal‑punent u n‑naħa tal‑lvant.

35 U ġara li l‑armata li bagħat Moroni, li kienet immexxija minn raġel jismu Teankum, spiċċat taffronta lin‑nies ta’ Morjanton; u n‑nies ta’ Morjanton tant kienu rashom iebsa, (għax kienu influwenzati minn ħżunitu u mill‑kliem ħelu u falz li kien jgħid) li spiċċat faqqgħet battalja bejniethom, li fiha Teankum qatel lil Morjanton u ħareġ rebbieħ fuq l‑armata tiegħu, u ħadhom f’idejh bħala priġunieri, u reġa’ lura lejn il‑kamp ta’ Moroni. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena erbgħa u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

36 U kien b’dan il‑mod li n‑nies ta’ Morjanton inġabu lura. U wara li huma għamlu patt li kienu lesti jżommu l‑paċi huma reġgħu tħallew jgħammru fl‑art ta’ Morjanton, u spiċċaw ingħaqdu flimkien man‑nies ta’ Leħi; u dawn ukoll reġgħu tħallew jgħammru f’artijiethom.

37 U ġara li fl‑istess sena li reġgħet bdiet issaltan il‑paċi fost il‑poplu ta’ Nefi, miet il‑viċi prim imħallef, Nefija, wara li qeda dmiru fis‑siġġu tat‑tribunal b’sinċerità sħiħa quddiem Alla.

38 Madankollu, huwa ma laqax it‑talba ta’ Alma li jieħu f’idejh dawk l‑annali u dawk l‑affarijiet li għal Alma u missirijietu kienu aktar sagri minn kull ħaġa oħra; għalhekk Alma għaddihom lil ibnu, Ħelaman.

39 Araw, ġara li bin Nefija nħatar biex jieħu post missieru fis‑siġġu tat‑tribunal; iva, huwa nħatar bħala prim imħallef u gvernatur tal‑poplu, permezz ta’ ġurament u ordinanza sagra li hu kien sejjer jagħmel ħaqq b’mod ġust, u li kien se jżomm il‑paċi u jħares il‑ħelsien tal‑poplu, u kien lest jagħtihom il‑privileġġ sagru li jqimu lill‑Mulej Alla tagħhom, iva, u li tul ħajtu jsostni u jiddefendi l‑kawża ta’ Alla, u li jara li l‑ħżiena jieħdu li ħaqqhom skont ir‑reat li jwettqu.

40 Issa araw, ismu kien Paħoran. U Paħoran ħa post missieru, u beda jsaltan fuq il‑poplu ta’ Nefi fi tmiem is‑sena erbgħa u għoxrin.