Skrittura
Alma 53


Kapitlu 53

Il‑priġunieri Lamaniti jintużaw biex jiffortifikaw il‑belt ta’ Kotran—In‑nuqqas ta’ qbil bejn in‑Nefiti jwassal għal rebħiet Lamaniti—Ħelaman jieħu f’idejh il‑kontroll tal‑elfejn żagħżugħ, li huma wlied il‑poplu ta’ Għammon. Madwar 64–63 Q.K.

1 U ġara li huma poġġew għassiesa biex jgħassu fuq il‑priġunieri Lamaniti, u ġegħluhom imorru u jidfnu lill‑mejtin tagħhom, iva, kif ukoll lill‑mejtin tan‑Nefiti li kienu nqatlu; u Moroni poġġa numru ta’ rġiel biex jgħassu fuqhom waqt li huma jkunu għaddejjin b’ħidmiethom.

2 U Moroni mar fil‑belt ta’ Mulek flimkien ma’ Leħi, u ħa f’idejh il‑kontroll tal‑belt u poġġa lil Leħi fit‑tmexxija tagħha. Issa araw, dan Leħi kien bniedem li kien ma’ Moroni fil‑biċċa l‑kbira tal‑battalji tiegħu; u kien raġel jixbah lil Moroni, u t‑tnejn kienu jithennew fis‑sigurtà ta’ xulxin; iva, kienu verament iħobbu lil xulxin, u kienu maħbubin ukoll min‑nies kollha ta’ Nefi.

3 U ġara li wara li l‑Lamaniti difnu l‑mejtin tagħhom kif ukoll il‑mejtin tan‑Nefiti, huma rħewlha lura lejn l‑art ta’ Kotran; u Teankum, b’ordni ta’ Moroni, ordnalhom biex jibdew iħaffru foss madwar l‑art, jew aħjar il‑belt, ta’ Kotran.

4 U ordnalhom biex jibnu ċint tal‑injam fuq in‑naħa ta’ ġewwa tal‑foss; u huma qabdu r‑ramel li neħħew minn ġol‑foss u poġġewh maċ‑ċint tal‑injam; u b’hekk ġiegħelu lil‑Lamaniti jkomplu jaħdmu sakemm huma dawwru l‑belt ta’ Kotran minn kull naħa b’ħajt b’saħħtu magħmul mill‑injam u r‑ramel, li kienu għoli mhux ħażin.

5 U minn dak inhar ’il quddiem din il‑belt saret belt mill‑aktar protetta; u f’dil‑belt huma komplew jgħassu fuq il‑priġunieri Lamaniti; iva, sewwasew wara ħajt li huma kienu ordnawlhom biex jibnu b’idejhom stess. Issa Moroni kien kostrett li jara li l‑Lamaniti jkomplu jaħdmu, għax kien aktar faċli li jgħasses fuqhom waqt li jkunu għaddejjin bil‑ħidma tagħhom; u hu xtaq li meta jaqbad jattakka lil‑Lamaniti jkollu f’idejh il‑forzi kollha tiegħu.

6 U ġara li Moroni b’hekk kiseb rebħa fuq waħda mill‑akbar armati tal‑Lamaniti, u ħa f’idejh il‑belt ta’ Mulek, li kienet waħda mill‑aktar postijiet iffortfikati u b’saħħithom li l‑Lamaniti kellhom fl‑art ta’ Nefi; u b’hekk huwa bena wkoll fortizza biex fiha jżomm il‑priġunieri tiegħu.

7 U ġara li dik is‑sena huwa ma reġax ipprova jidħol f’battalja mal‑Lamaniti; iżda hu ngaġġa miegħu numru ta’ nies biex iħejji għall‑gwerra, iva, u biex jibni fortifikazzjonijiet bħala difiża kontra l‑Lamaniti, iva, kif ukoll biex jeħles lin‑nisa tagħhom u lil uliedhom mill‑ġuħ u l‑hemm, u biex jipprovdi l‑ikel għall‑armati tagħhom.

8 U issa ġara li l‑armati tal‑Lamaniti, li kien hemm fin‑nofsinhar, max‑xatt tal‑baħar tal‑punent, hekk kif Moroni ma kienx f’nofshom minħabba ċerti ntriċċi li nqalgħu fost in‑Nefiti, li wasslu għal diżgwid bejniethom, reġgħu ħadu lura mingħand in‑Nefiti xi artijiet, iva, sewwasew spiċċaw biex ħadu f’idejhom uħud mill‑bliet tagħhom f’dik in‑naħa tal‑pajjiż.

9 U b’hekk minħabba l‑ħażen li beda jsaltan fosthom, iva, minħabba d‑diżgwid u l‑intriċċi li kien hemm bejniethom huma spiċċaw f’sitwazzjoni mill‑aktar perikoluża.

10 U issa araw, jien għandi xi ħaġa xi ngħid dwar in‑nies ta’ Għammon, li, fil‑bidu, kienu Lamaniti; iżda bl‑għajnuna ta’ Għammon u ħutu, jew aħjar bil‑qawwa u l‑kelma ta’ Alla, huma kkonvertew għall‑Mulej; u huma nġiebu fl‑art ta’ Żaraħemla, u minn dak iż‑żmien ’il quddiem in‑Nefiti baqgħu jipproteġuhom.

11 U minħabba l‑ġurament li kienu ħadu, huma ma ġewx mitlubin biex jaqbdu l‑armi kontra ħuthom; għax huma kienu ħadu ġurament li qatt ma kienu se jxerrdu aktar demm; u minħabba l‑ġurament li ħadu kienu se jispiċċaw jinqerdu; iva, kienu se jħallu lilhom infushom jaqgħu f’idejn ħuthom, li kieku ma kienx għall‑ħniena u l‑imħabba mill‑aktar kbira li wrewhom Għammon u ħutu.

12 U kien għalhekk li huma nġiebu fl‑art ta’ Żaraħemla; u minn dakinhar in‑Nefiti baqgħu dejjem jipproteġuhom.

13 Iżda ġara li meta huma raw kemm in‑Nefiti għaddew minn periklu, u minn daqstant tbatija u taħbit minħabba fihom, qalbhom imtliet b’kompassjoni u huma wrew ix‑xewqa li jaqbdu l‑armi biex jiddefendu pajjiżhom.

14 Iżda araw, hekk kif kienu se jaqbdu f’idejhom l‑armi tal‑gwerra, huma ġew ipperswaduti minn Ħelaman u ħutu biex ma jagħmlux dan, għax huma kienu se jiksru l‑ġurament li kienu ħadu.

15 U Ħelaman beża’ li jekk jagħmlu dan kienu se jispiċċaw jitilfu ruħhom; għalhekk dawk kollha li kienu ħadu dal‑ġurament ġew mitlubin joqogħdu jaraw lil ħuthom jgħaddu minn daqstant tbatijia fis‑sitwazzjoni mwiergħa li bħalissa kienu għaddejjin minnha.

16 Iżda araw, ġara li huma kellhom ħafna wlied subien, li ma daħlu fl‑ebda patt li huma ma kinux sejrin jaqbdu l‑armi tal‑gwerra f’idejhom biex jiddefendu lilhom infushom kontra l‑għedewwa tagħhom; għalhekk f’dak il‑mument huma nġabru flimkien, dawk kollha li setgħu jaqbdu l‑armi, u bdew isejħu lilhom infushom Nefiti.

17 U huma daħlu f’patt li kienu sejrin jiġġieldu għal‑libertà tan‑Nefiti, iva, biex jipproteġu l‑pajjiż anke jekk ikollhom jagħtu ħajjithom; iva, u għamlu patt ukoll li qatt ma kienu sejrin jabbandunaw il‑libertà tagħhom, iżda kienu lesti li jiġġieldu f’kwalunkwe sitwazzjoni biex jipproteġu lin‑Nefiti u lilhom infushom mill‑jasar.

18 Iżda araw, kien hemm elfejn żagħżugħ minnhom li daħlu f’dan il‑patt u ħadu f’idejhom l‑armi tal‑gwerra biex jiddefendu pajjiżhom.

19 U issa araw, minkejja li sa issa huma ma kienu ta’ ebda xkiel għan‑Nefiti, issa f’dan il‑perjodu ta’ żmien huma kienu wkoll ta’ sapport kbir għalihom; għax huma qabdu f’idejhom l‑armi tal‑gwerra, u riedu li Ħelaman ikun il‑mexxej tagħhom.

20 U huma kienu kollha żgħażagħ, u kienu mill‑aktar qalbiena fejn jidħol il‑kuraġġ, kif ukoll fejn tidħol il‑forza u r‑rieda f’dak kollu li huma jagħmlu—huma kienu rġiel leali f’kull ħin f’dak kollu li kienu jiġu fdati bih.

21 Iva, huma kienu nies ta’ fiduċja u għaqal, għax huma kienu ġew mgħallmin iħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla u jimxu fis‑sewwa quddiemu.

22 U issa ġara li Ħelaman mexa quddiem l‑elfejn suldat żagħżugħ, biex jassisti lin‑nies fil‑fruntiera tal‑pajjiż fin‑naħa tan‑nofsinhar ħdejn il‑baħar tal‑punent.

23 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmienja u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.