Skrittura
Alma 56


Kapitlu 56

Ħelaman jibgħat ittra lil Moroni, fejn jiddeskrivilu l‑istat tal‑gwerra mal‑Lamaniti—Antipu u Ħelaman jiksbu rebħa kbira fuq il‑Lamaniti—L‑elfejn żagħżugħ ta’ Ħelaman jiġġieldu b’qawwa mirakoluża, u ħadd minnhom ma jinqatel. Vers 1, madwar 62 Q.K.; versi 2–19, madwar 66 Q.K.; u versi 20–57, madwar 65–64 Q.K.

1 U issa ġara li fil‑bidu tas‑sena tletin tas‑saltna tal‑imħallfin, fit‑tieni jum tal‑ewwel xahar, Moroni rċieva ittra mingħand Ħelaman, li fiha ddeskriva dak kollu relatat mal‑poplu f’dawk l‑inħawi tal‑pajjiż.

2 U dan huwa l‑kliem li huwa kiteb, fejn qal: Għażiż Moroni, ħija fil‑Mulej kif ukoll fit‑taħbit tal‑gwerra tagħna; ara, għażiż ħija, għandi xi ħaġa xi ngħidlek dwar il‑gwerra tagħna f’din in‑naħa tal‑pajjiż.

3 Ara, elfejn minn fost ulied l‑irġiel li Għammon ħareġ ’il barra mill‑art ta’ Nefi—inti kont taf li dawn kienu ġejjin min‑nisel ta’ Laman, li kien it‑tifel il‑kbir ta’ missierna Leħi;

4 Issa m’għandix għalfejn noqgħod nirrakkontalek dwar drawwiethom jew in‑nuqqas ta’ fidi tagħhom, għax dan kollu inti tafu—

5 Għalhekk biżżejjed għalija li ngħidlek li elfejn ġuvni minn fost dawn iż‑żgħażagħ ħadu l‑armi tagħhom tal‑gwerra f’idejhom, u riedu li jiena nkun il‑mexxej tagħhom; u aħna morna biex niddefendu lil pajjiżna.

6 U issa inti taf ukoll dwar il‑patt li għamlu missirijiethom, fejn huma ma kenux lesti jaqbdu b’idejhom l‑armi tagħhom tal‑gwerra u jeħduha kontra ħuthom u jxerrdu d‑demm.

7 Iżda fis‑sena sitta u għoxrin, meta huma raw kemm konna qed nesperjenzaw tbatija u taħbit minħabba fihom, huma kienu għoddhom se jiksru l‑patt li huma għamlu u kienu se jaqbdu f’idejhom l‑armi tagħhom tal‑gwerra biex jiddefenduna.

8 Iżda jiena ma ridx inħallihom jiksru dan il‑patt li huma għamlu, għax kont nemmen li Alla kien se jqawwina tant li ma kellniex nibqgħu nbatu aktar jekk huma jibqgħu leali lejn il‑ġurament li kienu ħadu.

9 Iżda ara, aħna għandna verament għalfejn nithennew minħabba dil‑ħaġa. Għax ara, fis‑sena sitta u għoxrin, jiena, Ħelaman, imxejt quddiem dawn l‑elfejn żagħżugħ sal‑belt tal‑Lhudija, biex nassistu lil Antipu, li inti ħtart bħala mexxej tal‑poplu f’dik in‑naħa tal‑pajjiż.

10 U jiena ordnajt lill‑elfejn tifel tiegħi, (għax huma denji li jissejħu wliedi) biex jingħaqdu mal‑armata ta’ Antipu, u dan wassal biex Antipu jithenna bil‑kbir għax l‑armata tiegħu issaħħet ferm aktar; għax ara, hi kienet ċkienet għax il‑Lamaniti, bil‑forzi kollha tagħhom, kienu wasslu għall‑mewt għadd kbir mill‑irġiel tagħna, u għal dan għandna tassew għalfejn inħossuna mnikktin.

11 Madankollu, nistgħu nikkonslaw irwieħna minħabba l‑fatt li huma mietu għall‑kawża ta’ pajjiżhom u ta’ Alla tagħhom, iva, u huma jinsabu kuntenti.

12 U l‑Lamaniti qabdu wkoll ħafna minnhom bħala priġunieri, kollha kemm huma kap kmandanti, u lil ħadd aktar ma ħallew jgħix. U nassumu li bħalissa huma jinsabu fl‑art ta’ Nefi; hemm jinsabu jekk ma nqatlux.

13 U issa dawn huma l‑ibliet li l‑Lamaniti ħadu f’idejhom permezz tat‑tixrid tad‑demm ta’ bosta mill‑irġiel qalbiena tagħna.

14 L‑art ta’ Manti, jew il‑belt ta’ Manti, u l‑belt ta’ Żeżrom, u l‑belt ta’ Kumeni, u l‑belt ta’ Antipara.

15 U dawn huma l‑ibliet li huma kellhom f’idejhom meta jien wasalt fil‑belt tal‑Lhudija; u jiena sibt lil Antipu u lil niesu jaħdmu qatigħ biex jiffortifikaw il‑belt.

16 Iva, u kienu mimlijin diqa kemm fil‑ġisem kif ukoll fl‑ispirtu, għax huma kienu tqabdu b’kuraġġ matul il‑jum u għaddew il‑lejl jaħdmu biex isaħħu bliethom; u b’hekk huma esperjenzaw kull tip ta’ tbatija.

17 U issa huma kienu determinati li jieħdu f’idejhom dan il‑post jew imutu; għalhekk tistgħu tassumu li din il‑forza żgħira li jien ġibt miegħi, iva, dawn uliedi, imlewhom b’tama u b’hena mill‑aktar kbira.

18 U issa ġara li meta l‑Lamaniti raw li Antipu kien ingħata aktar suldati biex isaħħaħ l‑armata tiegħu, huma ġew imġiegħla b’ordni ta’ Għammoron biex ma jaħbtux għall‑belt tal‑Lhudija, jew għalina.

19 U b’hekk aħna ġejna mberkin mill‑Mulej; għax li kieku huma ħabtu għalina fid‑dgħufija kollha tagħna jista’ jkun li kienu jeqirdu l‑armata żgħira tagħna; iżda b’hekk aħna ġejna mħarsa.

20 Huma kellhom ordni mingħand Għammoron biex jibqgħu iżommu fil‑kontroll tagħhom l‑ibliet li kienu ħadu f’idejhom. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena sitta u għoxrin. U fil‑bidu tas‑sena sebgħa u għoxrin aħna konna ninsabu lesti biex niddefendu l‑beltna u lilna nfusna.

21 Issa aħna kellna x‑xewqa li l‑Lamaniti jaħbu għalina; għax ma kellniex ix‑xewqa li aħna naħbtu għalihom fil‑fortifikazzjonijiet tagħhom.

22 U ġara li aħna poġġejna l‑ispiji mad‑dawra kollha, biex isegwu l‑movimenti tal‑Lamaniti, ma jmorrux jgħaddu minn ħdejna mal‑lejl jew matul il‑jum biex imorru jattakkaw l‑ibliet l‑oħra tagħna li kienu jinsabu fin‑naħa tat‑tramuntana.

23 Għax aħna konna nafu li f’dawk il‑bliet huma ma kinux biżżejjed b’saħħithom biex jaffrontawhom; għalhekk kellna x‑xewqa, li jekk huma jgħaddu minn ħdejna, naħbtu għalihom min‑naħa ta’ wara tagħhom, u b’hekk inwassluhom biex jaffrontawna min‑naħa ta’ wara fl‑istess waqt li naħbtu għalihom minn quddiem. Aħna konna qed nassumu li stajna negħlbuhom; iżda ara, bqajna ddiżappuntati f’din ix‑xewqa tagħna.

24 Huma m’azzardawx jgħaddu minn ħdejna bl‑armata kollha tagħhom, lanqas m’azzardaw jgħaddu b’parti minnha, ma jmorrux ma jkunux b’saħħithom biżżejjed u jispiċċaw megħluba.

25 Lanqas m’azzardaw jinżlu lejn il‑belt ta’ Żaraħemla; lanqas m’azzardaw jaqsmu mir‑ras tax‑xmara Sidon, lejn il‑belt ta’ Nefija.

26 U b’hekk, bil‑forzi kollha tagħhom, kienu determinati li jibqgħu jżommu dawk l‑ibliet li kienu ħadu f’idejhom.

27 U issa ġara li fit‑tieni xahar ta’ din is‑sena, twasslu għandna bosta provvisti minn missirijiet dawk l‑elfejn uliedi.

28 U ntbagħtu għandna wkoll elfejn raġel mill‑art ta’ Żaraħemla. U b’hekk aħna konna ninsabu mħejjija b’għaxart elef raġel, u bil‑provvisti għalihom, kif ukoll għal marthom u għal uliedhom.

29 U l‑Lamaniti, li bdew jaraw il‑forzi tagħna jiżdiedu kuljum, u l‑provvisti jaslu għandna biex jgħinuna, bdew jibżgħu, u bdew ifittxu kif setgħu jaħbtu għalina ħabta u sabta, jekk kien possibbli, ħalli ma nkomplux nirċievu l‑provvisti u nissaħħu aktar.

30 Issa meta rajna li l‑Lamaniti bdew iħossuhom skomdi dwar dil‑ħaġa, aħna ħassejna fina x‑xewqa li nużaw magħhom strataġemma; għalhekk Antipu ordna biex jien nerħilha flimkien ma’ wliedi ż‑żgħar lejn belt fil‑qrib, bħallikieku konna qed inġorru l‑provvisti lejn belt fil‑qrib.

31 U kellna ngħaddu qrib il‑belt ta’ Antipara, bħallikieku konna se nibqgħu sejrin sa belt lil hinn minnha, fil‑fruntieri ma’ xatt il‑baħar.

32 U ġara li aħna tlaqna, bħallikieku qed inġorru l‑provvisti tagħna, biex immorru f’dik il‑belt.

33 U ġara li Antipu telaq għal għonq it‑triq flimkien ma’ parti mill‑armata tiegħu, u l‑bqija ħallihom warajh biex jibqgħu jżommu l‑belt f’idejhom. Iżda hu ma telaqx qabel ma l‑ewwel tlaqt jiena flimkien mal‑armata żgħira tiegħi, u wasalt qrib il‑belt ta’ Antipara.

34 U issa, fil‑belt ta’ Antipara kien hemm stazzjonati l‑aktar armata b’saħħitha tal‑Lamaniti; iva, l‑akbar waħda fil‑għadd.

35 U ġara li meta l‑ispiji tagħhom għaddewlhom l‑informazzjoni, huma ġew flimkien mal‑armati tagħhom u bdew resqin biex jaħbtu għalina.

36 U ġara li aħna ħrabna minn quddiemhom, lejn in‑naħa tat‑tramuntana. U b’hekk mexxejna ’l bogħod minn hemm l‑aktar armata b’saħħitha tal‑Lamaniti;

37 Iva, sewwasew sa post imbiegħed mhux ħażin, tant li meta huma raw l‑armata ta’ Antipu miexja warajhom, bil‑qawwa kollha tagħha, huma la rħewlha lejn il‑lemin u lanqas lejn ix‑xellug, iżda komplew mexjin dritt warajna; u, nassumu, li l‑intenzjoni tagħhom kienet li joqtluna qabel jilħaqhom Antipu, u dan biex ma jiġux iċċirkondati min‑nies tagħna.

38 U issa Antipu, meta ra x’periklu konna fih, ordna lill‑membri tal‑armata tiegħu biex iħaffu l‑pass tagħhom. Iżda ara, kien billejl; għalhekk huma ma laħquniex, u lanqas Antipu ma laħaqhom; għalhekk aħna waqqafna l‑kamp għal matul il‑lejl.

39 U ġara li qabel is‑sebħ, il‑Lamaniti diġà kienu bdew mexjin warajna. Issa aħna ma konniex b’saħħitna biżżejjed biex naffrontawhom; iva, jien ma ridtx li ż‑żgħar uliedi jispiċċaw jaqgħu f’idejhom; għalhekk aħna komplejna mexjin, u ġbidna lejn ix‑xagħri.

40 Issa huma m’azzardawx iduru la lejn il‑lemin u lanqas lejn ix‑xellug ma jmorrux jispiċċaw iċċirkondati; u lanqas jiena ma ridt indur lejn il‑lemin jew lejn ix‑xellug ma jmorrux jilħquni, u ma nkunux kapaċi naffrontawhom, u jispiċċaw joqtluna, u jirnexxielhom jaħarbu; u għalhekk għaddejna l‑jum kollu niġru qalb ix‑xagħri, sewwasew sakemm dalam.

41 U ġara li għal darb’oħra, meta sebaħ aħna rajna lil‑Lamaniti resqin lejna, u ħrabna minn quddiemhom.

42 Iżda ġara li huma ma baqgħux mexjin warajna wisq fil‑bogħod meta waqfu jsegwuna; u kienet l‑għodwa tat‑tielet jum tas‑seba’ xahar.

43 U issa, jekk huma ġewx milħuqa minn Antipu jew le ma nafux, iżda jien għidt lin‑nies tiegħi: Araw, ma nafux iżda naħsbu li huma waqfu bil‑għan li aħna mmorru naffrontawhom, ħalli jkunu jistgħu jaqbduna fin‑nasba tagħhom;

44 Għalhekk intom xi tgħidu, uliedi, intom lesti tmorru tiġġieldu kontrihom?

45 U issa jiena ngħidlek, għażiż ħija Moroni, li kuraġġ daqshekk kbir fost in‑Nefiti kollha jiena qatt ma rajt.

46 Għax kif jien dejjem sejjaħtilhom uliedi (għax ilkoll kemm huma kienu għadhom verament żgħar) anke huma qaluli: Missier, ara Alla tagħna jinsab magħna, u hu mhux se jippermettilna li niġu megħluba; għalhekk ħallina mmorru; aħna m’aħniex se noqtlu lil ħutna jekk iħalluna bi kwietna; għalhekk ħallina mmorru, ma jmorrux jegħlbu l‑armata ta’ Antipu.

47 Issa huma qatt ma kienu ġġieldu qabel, madankollu ma beżgħux mill‑mewt; u kien aktar jimpurtahom mil‑libertà ta’ missirijiethom milli minn ħajjithom; iva, huma kienu ġew mgħallmin minn ommhom, li jekk ma jiddubitawx, Alla kien se jeħlishom.

48 U huma tennewli l‑kliem ta’ ommhom, u qalu: Aħna ma niddubitawx li ommijietna kienu jafu dan.

49 U ġara li jiena erġajt lura flimkien mal‑elfejn żagħżugħ tiegħi biex naffrontaw lil dawn il‑Lamaniti li mxew warajna. U issa ara, huma ġew milħuqa mill‑armati ta’ Antipu, u ngħata bidu għal battalja terribbli.

50 L‑armata ta’ Antipu li nħakmet minn għeja, minħabba l‑mixja twila tagħhom fi żmien daqstant qasir, kienet għoddha waqgħet f’idejn il‑Lamaniti; u li kieku jien ma mortx lura mal‑elfejn żagħżugħ tiegħi huma kienu jispiċċaw jilħqu l‑għan tagħhom.

51 Għax Antipu spiċċa biex nqatel permezz tax‑xabla, u l‑istess ħafna mill‑mexxejja tiegħu, minħabba l‑għeja li kellhom, li kienet ikkawżata mill‑għaġġla li mxew biha—għalhekk in‑nies ta’ Antipu, li tħawwdu minħabba li l‑mexxejja tagħhom ġew megħluba, bdew jirtiraw minn quddiem il‑Lamaniti.

52 U ġara li l‑Lamaniti qawwew qalbhom, u marru warajhom; u b’hekk il‑Lamaniti kienu qed isegwuhom bl‑enerġija kollha tagħhom meta Ħelaman mar jaffrontahom min‑naħa ta’ wara tagħhom flimkien mal‑elfejn żagħżugħ tiegħu, u huma tant bdew joqtlu minnhom li l‑armata kollha tal‑Lamaniti waqfet u daret lejn Ħelaman.

53 Issa meta n‑nies ta’ Antipu raw li l‑Lamaniti tawhom daharhom, huma ġabru flimkien l‑irġiel tagħhom u reġgħu ħabtu għal‑Lamaniti min‑naħa ta’ wara.

54 U issa ġara li aħna, in‑nies ta’ Nefi, in‑nies ta’ Antipu, u jien flimkien mal‑elfejn żagħżugħ tiegħi, dawwarna lil‑Lamaniti minn kull naħa, u qtilnihom; iva, tant li huma kienu mġiegħla jagħtuna l‑armi tagħhom tal‑gwerra u lilhom infushom bħala priġunieri tal‑gwerra.

55 U issa ġara li meta huma taw lilhom infushom f’idejna, ara, jiena bdejt ngħodd lil dawk il‑ġuvintur li kienu qed jiġġieldu miegħi, għax bżajt li kien hemm ħafna minnhom li sfaw maqtula.

56 Iżda ara, x’hena ħassejt fija meta sibt li lanqas ruħ waħda ma spiċċat mixħuta fl‑art; iva, u huma tqabdu daqslikieku bil‑qawwa ta’ Alla; iva, ma nafux li qatt kien hawn nies li ġġieldu b’qawwa daqstant mirakoluża; u b’qawwa daqstant kbira huma ħabtu għal‑Lamaniti, li wassluhom biex jinħakmu minn biża’; u kien għalhekk li l‑Lamaniti taw lilhom infushom bħala priġunieri tal‑gwerra.

57 U peress li ma kellna l‑ebda post għall‑priġunieri tagħna, fejn stajna ngħassu fuqhom biex inżommuhom ’il bogħod mill‑armati tal‑Lamaniti, għalhekk bgħatniehom fl‑art ta’ Żaraħemla, u bgħatna magħhom ukoll uħud minn dawk l‑irġiel li ma ġewx maqtula minn Antipu; u l‑bqija ħadthom u tlabt biex huma jingħaqdu maż‑żgħażagħ Għammonin tiegħi, u erħejnielha lejn il‑belt tal‑Lhudija.