Skrittura
Alma 57


Kapitlu 57

Ħelaman jitkellem dwar il‑konkwista ta’ Antipara u ċ‑ċediment u wara d‑difiża ta’ Kumeni—Il‑ġuvintur Għammonin tiegħu jiġġieldu b’kuraġġ; ilkoll spiċċaw midruba, iżda ħadd minnhom ma nqatel—Gid jirrapporta l‑qtil u l‑ħarba tal‑priġunieri Lamaniti. Madwar 63 Q.K.

1 U issa ġara li jiena rċevejt ittra mingħand Għammoron, is‑sultan, fejn iddikjara li jekk jiena ngħaddilu ’l dawk il‑priġunieri tal‑gwerra li aħna żammejna għandna huwa jagħtina lura l‑belt ta’ Antipara.

2 Iżda jiena bgħatt ittra lis‑sultan, li aħna konna ninsabu ċerti li l‑forzi tagħna kienu biżżejjed biex nieħdu f’idejna l‑belt ta’ Antipara bil‑qawwa tagħna; u jekk lilu nagħtuh il‑priġunieri għal dik il‑belt aħna nistgħu nqisu lilna nfusna bħala nies bla għaqal, u konna lesti nagħtuh il‑priġunieri biss jekk hu jaċċetta li jsir skambju.

3 U Għammoron ma laqgħax il‑proposta tal‑ittra tiegħi, għax hu ma riedx li jkun hemm skambju ta’ priġunieri; għalhekk aħna bdejna nħejju biex naħbtu għall‑belt ta’ Antipara.

4 Iżda n‑nies ta’ Antipara telqu mill‑belt, u ħarbu lejn l‑ibliet l‑oħra tagħhom, li kienu jinsabu f’idejhom, biex jiffortifikawhom; u b’hekk il‑belt ta’ Antipara spiċċat f’idejna.

5 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmienja u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin.

6 U ġara li fil‑bidu tas‑sena disgħa u għoxrin, aħna rċevejna konsenja ta’ provvisti, kif ukoll żieda fl‑armata tagħna, mill‑art ta’ Żaraħemla, u mill‑art tal‑madwar, li kienet tgħodd għal sitt elef raġel, minbarra sittin minn fost ulied l‑Għammonin li ġew biex jingħaqdu ma’ ħuthom, il‑grupp żgħir tiegħi ta’ elfejn raġel. U issa ara, aħna sirna b’saħħitna, iva, u twasslulna wkoll bosta provvisti.

7 U ġara li kienet ix‑xewqa tagħna li nidħlu f’battalja mal‑armata li tpoġġiet biex tipproteġi l‑belt ta’ Kumeni.

8 U issa ara, jien se nurikom li aħna mhux se ndumu biex naqtgħu xewqitna; iva, bil‑forza mill‑aktar b’saħħitha tagħna, jew b’parti mill‑forza b’saħħitha tagħna, aħna ċċirkondajna l‑belt ta’ Kumeni, ftit qabel huma kienu waslu biex jirċievu konsenja ta’ provvisti.

9 U ġara li aħna waqqafna l‑kamp tagħna madwar il‑belt u domna hemm bosta ljieli; iżda aħna rqadna bix‑xwabel tagħna ħdejna, u ħallejna l‑għassa, biex il‑Lamaniti ma jkunux jistgħu jidħlu fuqna mal‑lejl u joqtluna, kif ippruvaw jagħmlu ħafna drabi; iżda kull darba li ppruvaw jagħmlu dan demmhom ġie mxerred.

10 Fl‑aħħar il‑provvisti tagħhom waslu, u kienu sejrin jidħlu fil‑belt mal‑lejl. U aħna, minflok konna Lamaniti, konna Nefiti; għalhekk, ħadna f’idejna lilhom u l‑provvisti tagħhom.

11 U minkejja li b’dan il‑mod il‑Lamaniti ġew imċaħħda mill‑provvisti tagħhom, huma xorta waħda kienu determinati li jżommu l‑belt f’idejhom; għalhekk kien jaqbel li aħna naqbdu dawk il‑provvisti u nibagħtuhom il‑Lhudija u l‑priġunieri tagħna fl‑art ta’ Żaraħemla.

12 U ġara li ma kinux għaddew wisq jiem meta l‑Lamaniti bdew jitilfu kull tama li jiksbu l‑għajnuna; għalhekk huma għaddew il‑belt f’idejna; u b’hekk aħna rajna l‑għanijiet tagħna jiġu fis‑seħħ billi ksibna l‑belt ta’ Kumeni.

13 Iżda ġara li l‑priġunieri tagħna tant kienu numerużi li, minkejja l‑enormità tas‑suldati tagħna, aħna kellna bilfors nużaw il‑forzi tagħna kollha biex jgħassu fuqhom, jew biex ineħħulhom ħajjithom.

14 Għax ara, huma bdew jippruvaw jaħarbu fi gruppi kbar, u bdew jiġġieldu bil‑ġebel, u bil‑lembubi, jew b’kull ħaġa li setgħu jaqbdu f’idejhom, tant li aħna spiċċajna qtilna ’l fuq minn elfejn minnhom wara li huma taw lilhom infushom bħala priġunieri tal‑gwerra.

15 Għalhekk kien jaqbel għalina li nneħħulhom ħajjithom, jew li nibqgħu ngħassu fuqhom, bix‑xabla f’idejna, sakemm ninżlu fl‑art ta’ Żaraħemla; u anke l‑provvisti tagħna ma kinux aktar suffiċjenti għan‑nies tagħna, minkejja dak li konna ħadna mingħand il‑Lamaniti.

16 U issa, f’dan il‑mument kritiku, din il‑kwistjoni saret ħaġa mill‑aktar serja fejn kellna naraw x’se nagħmlu b’dawn il‑priġunieri tal‑gwerra; madankollu, iddeċidejna li nibagħtuhom lejn l‑art ta’ Żaraħemla; għalhekk aħna għażilna wħud mill‑irġiel tagħna, u poġġejnihom responsabbli li jieħdu lil dawn il‑priġunieri lejn l‑art ta’ Żaraħemla.

17 Iżda ġara li l‑għada huma ġew lura. U issa ara, aħna ma staqsejnihom xejn dwar il‑priġunieri; għax ara, il‑Lamaniti kienu qed jaħbtu għalina, u huma ġew fil‑ħin biex jeħilsuna milli naqgħu f’idejhom. Għax ara, biex jgħinhom Għammoron bagħtilhom konsenja ġdida ta’ provvisti kif ukoll armata mill‑aktar numeruża.

18 U ġara li dawk l‑irġiel li aħna bgħatna mal‑priġunieri waslu fil‑ħin biex iwaqqfuhom, għax kienu għoddhom se jegħlbuna.

19 Iżda ara, il‑grupp żgħir tiegħi ta’ elfejn u sittin tqabdu b’qilla liema bħalha; iva, huma affrontaw lil‑Lamaniti b’kuraġġ, u qatlu lil dawk kollha li ħaduha magħhom.

20 U hekk kif il‑bqija tal‑armata tagħna kienu se jċedu quddiem il‑Lamaniti, ara, dawk l‑elfejn u sittin baqgħu sodi u determinati.

21 Iva, u huma obdew u raw li jwettqu kull ħaġa li ġew ordnati b’eżattezza; iva, u sewwasew ingħatalhom skont il‑fidi tagħhom; u jiena ftakart il‑kliem li huma qaluli li ommijiethom kienu għallmuhom.

22 U issa ara, huma dawn uliedi, u dawk l‑irġiel li ġew magħżula biex jittrasportaw lill‑priġunieri, li lejhom għandna nkunu grati għal din ir‑rebħa kbira; għax kienu huma li għelbu lil‑Lamaniti; għalhekk huma kienu mġiegħla jerġgħu lura lejn il‑belt ta’ Manti.

23 U aħna żammejna f’idejna l‑belt tagħna ta’ Kumeni, u ma ġejniex meqrudin ilkoll permezz tax‑xabla; madankollu, kienu ħafna fostna li tilfu ħajjithom.

24 U ġara li wara li l‑Lamaniti ħarbu, jiena fil‑pront tajt ordni biex l‑irġiel tiegħi li kienu sfaw midruba kellhom jittieħdu minn fost il‑mejtin, u ordnajt sabiex il‑ġrieħi tagħhom jiġu nfaxxati.

25 U ġara li kien hemm mitejn, minn fost l‑elfejn u sittin suldat tiegħi, li ntilfu minn sensihom minħabba t‑telfien ta’ demm; madankollu, grazzi għat‑tjubija ta’ Alla, li wasslitna biex nistagħġbu bil‑kbir, kif ukoll biex l‑armata kollha tagħna tithenna, l‑anqas ruħ waħda fosthom ma nqerdet; iva, u ma kien hemm lanqas ruħ waħda fosthom li ma sofrietx għadd ta’ ġrieħi.

26 U issa, il‑preservazzjoni tagħhom kienet xi ħaġa li għaġġbet l‑armata kollha tagħna, iva, li huma spiċċaw ħelsuha waqt li elf minn fost ħutna sfaw maqtula. U aħna ġustament nattribwixxu dan għall‑qawwa mirakoluża ta’ Alla, minħabba l‑fidi mill‑aktar kbira tagħhom f’dak li kienu ġew mgħallma li għandhom jemmnu—li kien hemm Alla ġust, u dawk kollha li ma jiddubitawx, kellhom jiġu mħarsa permezz tal‑qawwa tal‑għaġeb tiegħu.

27 Issa din kienet il‑fidi ta’ dawn li jiena tkellimt dwarhom; huma għadhom żgħar, u ma joqgħodux ibiddlu l‑ħsieb tagħhom, u huma jafdaw f’Alla l‑ħin kollu.

28 U issa ġara li wara li aħna ħadna ħsieb l‑irġiel midruba tagħna, u dfinna l‑mejtin tagħna kif ukoll il‑mejtin tal‑Lamaniti, li kienu ħafna, ara, aħna staqsejna lil Gid dwar il‑priġunieri li kienu bdew neżlin magħhom lejn l‑art ta’ Żaraħemla.

29 Issa Gid kien il‑kap kmandant tal‑grupp li kien inħatar biex jgħasses fuqhom sakemm jaslu f’dik l‑art.

30 U issa, dan hu l‑kliem li qalli Gid: Ara, aħna bdejna neżlin lejn l‑art ta’ Żaraħemla flimkien mal‑priġunieri tagħna. U ġara li aħna ltqajna mal‑ispiji tal‑armati tagħna, li kienu ġew mibgħuta biex iħarsu l‑kamp tal‑Lamaniti.

31 U għajtulna u qalulna—Araw, l‑armati tal‑Lamaniti jinsabu resqin lejn il‑belt ta’ Kumeni; u araw, huma se jaħbtu għalihom, iva, u se jeqirdu lin‑nies tagħna.

32 U ġara li l‑priġunieri tagħna semgħu l‑għajjat tagħhom, u dan wasslhom biex jimtlew bil‑kuraġġ; u huma qamu kontrina.

33 U ġara li minħabba l‑irvell tagħhom aħna kellna nużaw ix‑xwabel tagħna fuqhom. U ġara li huma lkoll taw salt għal fuq ix‑xwabel tagħna, u f’dak il‑mument, bosta minnhom spiċċaw maqtula; u l‑bqija żgiċċaw u ħarbu minn ħdejna.

34 U ara, meta huma ħarbu u ma stajniex nilħquhom, aħna tlaqna ngħaġġlu lejn il‑belt ta’ Kumeni; u ara, aħna wasalna fil‑ħin biex stajna nassistu lil ħutna fil‑ħarsien tal‑belt.

35 U ara, aħna erġajna ġejna meħlusa minn idejn l‑għedewwa tagħna. U jkun imbierek isem Alla tagħna; għax ara, huwa hu li ħelisna; iva, li wettaq għalina din il‑ħaġa daqstant kbira.

36 Issa ġara li meta jiena, Ħelaman, smajt dan il‑kliem li qalli Gid, imtlejt b’hena mill‑aktar kbira minħabba t‑tjubija ta’ Alla li ħarisna, biex ma ninqerdux ilkoll kemm aħna; iva, u nemmen li l‑erwieħ ta’ dawk li ġew maqtula kisbu l‑mistrieħ ta’ Alla tagħhom.