Skrittura
Alma 60


Kapitlu 60

Moroni jilmenta ma’ Paħoran dwar in‑negliġenza tal‑gvern fejn jidħlu l‑armati—Il‑Mulej jippermetti li t‑twajbin jinqatlu—In‑Nefiti jeħtieġ jużaw il‑qawwa u l‑mezzi tagħhom kollha biex jeħilsu lilhom infushom mill‑għedewwa tagħhom—Moroni jhedded li jeħodha kontra l‑gvern jekk ma jibgħatx l‑għajnuna lill‑armati tiegħu. Madwar 62 Q.K.

1 U ġara li huwa reġa’ kiteb lill‑gvernatur tal‑pajjiż, li kien Paħoran, u dan huwa l‑kliem li huwa kiteb, fejn qal: Araw, jien qed nindirizza l‑ittra tiegħi lil Paħoran, fil‑belt ta’ Żaraħemla, li hu l‑prim imħallef u l‑gvernatur tal‑pajjiż, kif ukoll lil dawk kollha li ġew magħżula minn dan il‑poplu biex jiggvernaw u jieħdu ħsieb kulma għandu x’jaqsam ma’ din il‑gwerra.

2 Għax araw, jien għandi xi ħaġa x’ngħidilhom li se tikkundannahom; għax araw, intom stess tafu li intom ġejtu maħtura biex tiġbru flimkien grupp ta’ rġiel, u tarmawhom bix‑xwabel, u bl‑iximitarri, u b’kull xorta ta’ armi tal‑gwerra ta’ kull għamla, u tibgħatuhom kontra l‑Lamaniti, f’kull naħa ta’ artna li jistgħu jiġu.

3 U issa araw, jien ngħidilkom li jiena stess, kif ukoll l‑irġiel tiegħi, u anke Ħelaman u l‑irġiel tiegħu, batew tbatija mill‑aktar kbira; iva, batew saħansitra l‑ġuħ, l‑għatx, u l‑għeja, u kull tip ta’ taħbit ta’ kull għamla.

4 Iżda araw, kieku dan kien it‑tbatija kollha li aħna batejna la konna nilmentaw u lanqas ingergru.

5 Iżda araw, kbir wisq kien il‑massakru li seħħ fost il‑poplu tagħna; iva, eluf spiċċaw mietu permezz tax‑xabla, filwaqt li s‑sitwazzjoni setgħet kienet differenti li kieku lill‑armati tagħna tajtuhom biżżejjed forza u għajnuna. Iva, intom verament abbandunajtuna bil‑kbir.

6 U issa araw, aħna nixtiequ nkunu nafu għalfejn din in‑negliġenza daqstant kbira; iva, aħna nixtiequ nkunu nafu r‑raġuni tal‑indifferenza tagħkom.

7 Kif tistgħu tpoġġu bilqiegħda fuq it‑tronijiet tagħkom u taġixxu b’mod daqstant indifferenti, waqt li l‑għedewwa tagħkom jinsabu madwarkom ixerrdu l‑ħidma tal‑mewt? Iva, waqt li huma qed joqtlu eluf minn ħutkom—

8 Iva, anke dawk li kienu jiddependu minnkom għall‑protezzjoni, iva, poġġewkom f’sitwazzjoni fejn stajtu tajtuhom l‑għajnuna tagħkom, iva, fejn stajtu bgħattulhom l‑armati, u kontu ssaħħuhom, u eluf minnhom kontu ssalvawhom u ma kinux imutu permezz tax‑xabla.

9 Iżda araw, dan mhux kollox—intom bqajtu ma tajtuhomx il‑provvisti tagħkom, u dan wassal biex ħafna minnhom tqabdu u ċarċru demmhom minħabba x‑xewqa kbira li kellhom għall‑ġid ta’ dan il‑poplu; iva, u huma għamlu dan meta kienu għoddhom se jmutu bil‑ġuħ, għax intom lilhom ittraskurajtuhom bil‑kbir.

10 U issa, għeżież ħuti—għax intom għeżież għalija; iva, intom misskom kontu ferm aktar diliġenti fejn jidħol il‑benesseri u l‑ħelsien ta’ dan il‑poplu; iżda araw, intom abbandunajtuhom tant li d‑demm ta’ eluf ta’ gwerriera se jagħmel vendetta minnkom; iva, għax Alla biss jaf kemm għajtu, u kemm batew—

11 Araw, intom taħsbu li tistgħu tibqgħu bilqiegħda fuq it‑tronijiet tagħkom, u minħabba t‑tjubija kbira ta’ Alla m’għandkom għalfejn tagħmlu xejn u Alla sejjer jeħliskom? Araw, jekk intom taħsbu hekk, qed taħsbu xi ħaġa li ma tistax tkun.

12 Intom taħsbu li r‑raġuni għalfejn ħafna minn ħutkom inqatlu hi minħabba ħżunithom? Jien ngħidilkom, jekk intom taħsbu dan, qed taħsbu xi ħaġa li ma tistax tkun; għax jien ngħidilkom, ħafna kienu li mietu permezz tax‑xabla; u araw dan hu kollu ħtija tagħkom;

13 Għax il‑Mulej jippermetti li t‑twajbin jinqatlu sabiex ikun jista’ jikkastiga l‑ħżiena u jagħmel ħaqq minnhom; għalhekk ara ma taħsbux li t‑twajbin jinsabu mitlufin minħabba li nqatlu; iżda araw, huma kisbu l‑mistrieħ tal‑Mulej Alla tagħhom.

14 U issa araw, jien ngħidilkom, li qed nibża’ bil‑kbir li Alla sejjer jagħmel ħaqq minn dan il‑poplu, minħabba l‑għażż kbir tagħhom, iva, sewwasew l‑għażż tal‑gvern tagħna, u minħabba n‑negliġenza mill‑aktar kbira lejn ħuthom, iva, lejn dawk li ġew maqtula.

15 Għax li ma kienx għall‑ħażen li beda minn fost il‑mexxejja tagħna, aħna konna nirreżistu lill‑għedewwa tagħna u huma ma kinux jispiċċaw jiddominawna.

16 Iva, li ma kienx għall‑gwerra li faqqgħet fostna; iva, li ma kienx għal dawn nies is‑sultan, li ġabu daqstant tixrid tad‑demm fostna, li kieku għaqqadna flimkien il‑forzi tagħna kif dejjem għamilna qabel; iva, li ma kienx għall‑kilba għall‑poter u l‑awtorità li kellhom fuqna nies is‑sultan; li kieku huma kienu leali lejn il‑kawża tal‑ħelsien tagħna, u ngħaqdu magħna, u marru biex jeħduha kontra l‑għedewwa tagħna, minflok ma qabdu x‑xwabel tagħhom kontrina, li wassal għal daqstant tixrid ta’ demm fostna; iva, kieku aħna morna nitqabdu magħhom fil‑qawwa tal‑Mulej, konna nwasslu sabiex l‑għedewwa tagħna jaħarbu, u dan kien iseħħ skont it‑twettieq tal‑kelma tiegħu.

17 Iżda araw, issa l‑Lamaniti qed jaħbtu għalina, jieħdu f’idejhom artijietna, u qed joqtlu lil niesna permezz tax‑xabla, iva, lin‑nisa u t‑tfal tagħna, u qegħdin ukoll ikaxkruhom lejn l‑eżilju, u jwassluhom biex ibatu kull tip ta’ tbatija, u dan minħabba l‑ħażen mill‑aktar kbir ta’ dawk li qed ifittxu biex jiksbu l‑poter u l‑awtorità, iva, sewwasew dawk nies is‑sultan.

18 Iżda għalfejn għandi noqgħod nitkellem ħafna dwar dil‑ħaġa? Għax aħna ma nafux iżda jista’ jkun li intom stess qed tippruvaw tiksbu l‑awtorità. Aħna ma nafux iżda jista’ jkun ukoll li intom tradituri ta’ pajjiżkom.

19 Jew jista’ jkun li abbandunajtuna għax intom tinsabu fil‑qalba ta’ pajjiżna u għandkom il‑protezzjoni madwarkom, u kien għalhekk li ma bgħattulna l‑ebda ikel, u anke rġiel biex isaħħu l‑armati tagħna?

20 Insejtuhom intom il‑kmandamenti tal‑Mulej Alla tagħkom? Iva, insejtu intom il‑jasar ta’ missirijietna? Insejtu intom kemm‑il darba aħna ġejna meħlusin minn idejn l‑għedewwa tagħna?

21 Jew intom taħsbu li l‑Mulej xorta waħda sejjer jeħlisna, jekk nibqgħu bilqiegħda fuq it‑tronijiet tagħna u ma nagħmlux użu mill‑mezzi li pprovdielna l‑Mulej?

22 Iva, intom lesti tibqgħu bilqiegħda waqt li tinsabu mdawrin b’eluf, iva, u b’għexieren ta’ eluf minn dawk li lesti wkoll jibqgħu bilqiegħda, waqt li hemm eluf madwarkom fil‑fruntieri tal‑pajjiż li qed jaqgħu mal‑art permezz tax‑xabla, iva, midruba u jċarċru demmhom?

23 Intom taħsbu li Alla se jħares lejkom bħala nies bla ħtija waqt li intom tibqgħu bilqiegħda u taraw iseħħ dan kollu quddiemkom? Araw jiena ngħidilkom, Le. Issa rridkom tiftakru li Alla kien qal li l‑ewwel għandha titnaddaf l‑għamara ta’ ġewwa, imbagħad wara titnaddaf l‑għamara ta’ barra.

24 U issa, sakemm intom tindmu minn dak li għamiltu, u tibdew tqumu fuq tagħkom, u tibagħtulna l‑ikel u n‑nies, u l‑istess tagħmlu lil Ħelaman, ħalli jkun jista’ jsaħħaħ dawk l‑inħawi ta’ pajjiżna li huwa reġa’ kiseb lura, u biex aħna nkunu nistgħu wkoll nieħdu lura f’idejna l‑bqija ta’ artijietna f’dawn l‑inħawi, ikun aħjar li aħna ma nibqgħux niġġieldu aktar mal‑Lamaniti qabel ma l‑ewwel inkunu naddafna l‑għamara ta’ ġewwa tagħna, iva, sewwasew il‑mexxej ewlieni tal‑gvern tagħna.

25 U sakemm intom tilqgħu dak li jiena tlabt fl‑ittra tiegħi, u turuni b’mod ċar spirtu veru ta’ ħelsien, u tagħmlu li tistgħu biex issaħħu u tiffortifikaw l‑armati tagħna, u tagħtuhom l‑ikel għas‑sosteniment tagħhom, araw jien se nħalli xi wħud min‑nies il‑ħelsien tiegħi iżommu taħt kontroll din in‑naħa ta’ artna, u jien se nberikom bil‑qawwa u l‑barkiet ta’ Alla, biex l‑ebda qawwa oħra ma tkun tista’ taħdem kontrihom—

26 U dan minħabba l‑fidi mill‑aktar kbira tagħhom, u s‑sabar tagħhom f’hemmhom—

27 U jiena se niġi għandkom, u jekk ikun hemm xi ħadd fostkom li jixtieq il‑ħelsien, iva, jekk ikun għad baqa’ mqar xrara ta’ ħelsien, araw, jien inqajjem fostkom rewwixta, sewwasew sakemm dawk li għandhom xewqa li jusurpaw il‑poter u l‑awtorità ma jibqgħux jeżistu aktar.

28 Iva, araw jiena ma nibżax mill‑poter u mill‑awtorità tagħkom, iżda għandi biss il‑biża’ ta’ Alla tiegħi; u hu biss skont il‑kmandamenti tiegħu li jiena naqbad f’idejja x‑xabla biex niddefendi l‑kawża ta’ pajjiżi, u hu biss minħabba l‑ħażen tagħkom li aħna ġarrabna daqstant telfien.

29 Araw wasal iż‑żmien, iva, qorob iż‑żmien, li jekk intom mhux se tqumu biex tiddefendu lil pajjiżkom u liċ‑ċkejknin tagħkom, ix‑xabla tal‑ġustizzja se tkun imdendla fuqkom; iva, u se tinżel fuqkom u tolqotkom u saħansitra teqridkom darba għall‑dejjem.

30 Araw, jien se nibqa’ nistenna l‑għajnuna tagħkom; u, jekk intom m’intomx se tipprovdulna għall‑bżonnijiet tagħna, araw, jien se niġi għandkom, sewwasew fl‑art ta’ Żaraħemla, u bix‑xabla nidrobkom, hekk li ma jkollkomx aktar qawwa biex tibqgħu żżommu lil dan il‑poplu milli javvanza fil‑kawża tal‑ħelsien tagħna.

31 Għax araw, il‑Mulej ma jippermettix li intom tibqgħu tgħixu u tikbru fi ħżunitkom biex teqirdu lin‑nies twajbin tiegħu.

32 Araw, taħsbu intom li l‑Mulej sejjer jeħlisielkom u sejjer jagħmel ħaqq kontra l‑Lamaniti, meta kienet it‑tradizzjoni ta’ missirijiethom il‑kawża tal‑mibegħda tagħhom, iva, u din qlielet minn dawk li sseparaw ruħhom minna, waqt li l‑ħażen tagħkom hu riżultat tal‑imħabba tagħkom għall‑glorja u l‑frugħa tad‑dinja?

33 Intom tafu li ksirtu l‑liġijiet ta’ Alla, u tafu wkoll li intom tgħaffġuhom b’saqajkom. Araw, il‑Mulej qalli: Jekk dawk li inti ħtart biex ikunu l‑gvernaturi tiegħek ma jindmux minn dnubiethom u ħżunithom, inti għandek tmur teħodha kontrihom f’battalja.

34 U issa araw, jiena, Moroni, ninsab marbut, skont il‑patt li għamilt li lest inħares il‑kmandamenti ta’ Alla tiegħi; għalhekk irridkom tobdu mill‑kelma ta’ Alla, u tibagħtuli minnufih ftit mill‑provvisti tagħkom u min‑nies tagħkom, u l‑istess lil Ħelaman.

35 U araw, jekk intom ma tagħmlux dan jien se niġi għandkom minnufih; għax araw, Alla mhux se jippermetti li aħna mmutu bil‑ġuħ; għalhekk huwa lest li jagħtina mill‑ikel tagħkom, anke jekk dan iseħħ permezz tax‑xabla. Issa araw li intom twettqu l‑kelma ta’ Alla.

36 Araw, jiena Moroni, il‑kap kmandant tagħkom. Jiena ma nfittixx il‑poter, iżda nipprova nwaqqgħu. Ma nfittixx l‑unuri tad‑dinja, iżda nfittex il‑glorja ta’ Alla tiegħi, u l‑ħelsien u l‑ġid ta’ pajjiżi. U għalhekk jiena se nagħlaq l‑ittra tiegħi.