2010-2019
Iġorru t-Tagħbija Tagħhom b’ Mod Faċli
April 2014


Iġorru t-Tagħbija Tagħhom b’ Mod Faċli

It-tagħbija unika fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna tgħinna niddependu fuq il-merti, il-ħniena u l-grazzja tal-Messija Mqaddes.

Jien għandi ħabib tal-qalb li, fl-ewwel snin taż-żwieġ tiegħu, kien konvint li hu u l-familja tiegħu kellhom bżonn vann pick-up ‘four-wheel-drive’. Martu kienet ċerta li hu mhux veru kellu bżonnu iżda sempliċiment ried karozza ġdida. Permezz ta’ daqsxejn ta’ konverżazzjoni ħelwa bejniethom, hu u martu qagħdu jikkunsidraw il-vanntaġġi u l-iżvanntaġġi kieku kellhom jixtruh.

“Qalbi, verament għandna bżonn vann ‘four-wheel-drive’.”

Hija staqsiet, “Għalfejn taħseb li għandna bżonn vann ġdid?”

Huwa wieġeb il-mistoqsija tagħha b’ dik li għalih kienet l-aħjar risposta: “Xi tgħidli kieku f’ nofs maltempata jkollna bżonn immorru nixtru l-ħalib għat-tfal, u l-uniku mod kif inkun nista’ nasal sal-ħanut tal-merċa ikun permezz ta’ vann pickup?”

Martu wieġbet bi tbissima, “Jekk nixtru vann ġdid, ma jkollniex flus biex nixtru l-ħalib—mela għalfejn tinkwieta kif sa tasal sal-ħanut waqt xi emerġenza!”

Tul iż-żmien huma komplew jiddiskutu flimkien u finalment iddeċidew li jixtru l-vann. Ftit wara li akkwista din il-vettura ġdida, sieħbi ried jara x’ kapaċi tagħmel u jiġġustifika r-raġuni għalfejn ried jixtriha. Għalhekk huwa ddeċieda li jmur jaqta’ u jgħabbi ftit injam biex jużawh bħala ħatab fid-dar tagħhom. Kien fi żmien il-ħarifa, u s-silġ diġà kien niżel qalb il-muntanji minn fejn iddeċieda li jmur ifittex l-injam. Iktar ma beda jsuq ‘il fuq mal-muntanja, is-silġ beda jsir aktar fond. Sieħbi nduna li l-kundizzjoni tat-triq kollha żliq kienet ta’ riskju kbir, iżda b’ kunfidenza kbira fil-vann il-ġdid huwa baqa’ għaddej.

Sfortunatament, sieħbi baqa’ sejjer aktar milli kien imissu f’ din it-triq miksija bis-silġ. Hekk kif mit-triq huwa kiser lejn il-post minn fejn ried jaqta’ l-injam, huwa weħel. L-erba’ roti tal-vann il-ġdid bdew iduru fil-vojt fis-silġ. Huwa mill-ewwel għaraf li ma kienx jaf x’ se jaqbad jagħmel biex joħroġ minn din is-sitwazzjoni perikuluża. Huwa ħassu mbarazzat u nkwetat.

Sieħbi ddeċieda, “Isma’, jiena sa nibqa’ bilqiegħda niċċassa?” Huwa ħareġ mill-vann u beda jaqta’ l-injam. Huwa mela l-kaxxa tal-vann bit-tagħbija tqila. U mbagħad sieħbi ddeċieda li jerġa’ jipprova jsuq u jinqala’ minn dak is-silġ. Hekk kif daħħal il-first u għafas il-gass, huwa beda jiċċaqlaq ‘il quddiem. Ftit, ftit, il-vann ħareġ minn ġos-silġ u reġa’ spiċċa fit-triq. Finalment huwa seta’ jmur lejn id-dar, raġel ferħan u ftit aktar umli.

It-Tagħbija Individwali Tagħna

Jiena nitlob sabiex l-Ispirtu s-Santu jgħinni hekk kif nenfasizza l-lezzjonijiet tant importanti li nistgħu nitgħallmu minn din l-istorja dwar sieħbi, dwar il-vann u l-injam. Kienet it-tagħbija. Kienet sewwasew it-tagħbija tal-injam li pprovdietlu l-iskoss neċessarju sabiex ikun jista’ jinqala’ mis-silġ, jerġa’ lura fit-triq u jibda jsuq. Kienet it-tagħbija li wasslitu sabiex jerġa’ lura lejn familtu u lejn daru.

Aħna wkoll inġorru fuqna tagħbija. It-tagħbija individwali tagħna hija magħmula minn xogħol u opportunitajiet, obbligi u privileġġi, sofferenza u barkiet u għażliet u responsabbiltajiet mhux dejjem mixtieqa. Hemm żewġ mistoqsijiet li jistgħu jiggwidawna u jgħinuna hekk kif minn żmien għall-ieħor aħna, bl-għajnuna tat-talb, nassessjaw it-tagħbija tagħna: “It-tagħbija li qed inġorr qiegħda tipproduċi l-iskoss spiritwali li jwassalni sabiex jiena nibqa’ miexi ‘l quddiem b’ fidi fi Kristu fil-mogħdija dritta u dejqa u qiegħda tgħini nevita li jiena neħel? It-tagħbija li qed inġorr qiegħda toħloqli biżżejjed ġibdiet spiritwali ħalli ultimament inkun nista’ nerġa’ lura lejn Missieri tas-Smewwiet?”

Xi kultant aħna nemmnu b’ mod żbaljat li l-ferħ huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ piż żejjed. Iżda hija ħaġa neċessarja li nġorru t-tagħbija u hija parti essenzjali mill-pjan ta’ ferħ. Peress li t-tagħbija individwali tagħna għandha bżonn tiġġenera ċertu skoss spiritwali, għandna noqogħdu attenti li ma nimlewx ħajjitna b’ ħafna affarijiet sbieħ iżda li mhumiex neċessarji u nispiċċaw inwarrbu u ma nagħtux kas l-affarijiet l-aktar importanti.

Il-Qawwa tal-Att tal-Fidwa li Tqawwina

Is-Salvatur qal:

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

“Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mattew 11:28–30).

Madmad huwa travu tal-injam, li normalment jinġarr minn par barrin jew xi annimali oħra u jgħinhom sabiex ikunu jistgħu jġorri t-tagħbija flimkien. Il-madmad ipoġġi l-annimali ħdejn xulxin ħalli jkunu jistgħu jimxu flimkien sabiex iwettqu ħidmiethom.

Ikkunsidraw l-istedina unika u individwali tal-Mulej li qal “ħudu fuqkom il-madmad tiegħi.” Meta aħna nagħmlu u nżommu ċerti patti sagri aħna nispiċċaw biex inġorru l-madmad flimkien mal-Mulej Ġesù Kristu. F’ kelma waħda, is-Salvatur qed jistedinna sabiex nafdaw fih u nġorru t-tagħbija flimkien miegħu, avolja l-aqwa sforzi tagħna ma nistgħux nqabbluhom ma’ Tiegħu. Hekk kif nafdaw fih u tul il-vjaġġ tal-mortalità aħna nġorru t-tagħbija tagħna Miegħu, verament il-madmad isir faċli biex inġorruh u l-piż jiħfief.

Aħna m’ aħniex u qatt m’għandna nkunu weħidna. Nistgħu nimxu ‘l quddiem fil-ħajja tagħna ta’ kuljum bl-għajnuna mis-smewwiet. Permezz tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur nistgħu nirċievu kapaċità u “qawwa aktar milli nippossedu” (“Lord, I Would Follow Thee,” Hymns, no. 220). Kif iddikjara l-Mulej, “Ghalhekk, komplu bil-vjaġġ tagħkom u ħallu l-qalbkom tifraħ; għax araw, jiena magħkom sat-tmiem” (D&C 100:12).

Ikkunsidraw l-eżempju fil-Ktieb ta’ Mormon hekk kif Amulon ippersegwita lil Alma u n-nies tiegħu. Dawn id-dixxipli semgħu leħen il-Mulej fit-tiġrib tagħhom: “Għollu raskom u mtlew bil-faraġ, għaliex jiena naf dwar il-patt li intom għamiltu miegħi; u jiena nagħmel patt mal-poplu tiegħi u neħilsu mill-jasar” (Mosiah 24:13).

Innutaw il-qofol tal-patti fil-wegħda tal-ħelsien. Biex nirċievu l-barkiet kollha li hemm lesti għalina permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu hemm bżonn li nirċievu u nonoraw b’ integrità l-patti tagħna u nwettqu l-ordinanzi permezz tal-awtorità saċerdotali xierqa. Għaliex fl-ordinanzi tas-saċerdozju il-bnedmin tad-demm u l-laħam jaraw il-qawwa ta’ Alla, li tinkludi l-barkiet tal-Att tal-Fidwa (ara D&C 84:20–21).

Ejjew inżommu f’ moħħna d-dikjarazzjoni tas-Salvatur “Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mattew 11:30) hekk kif nikkunsidraw il-vers li jmiss fir-rakkont ta’ Alma u l-poplu tiegħu.

“U jiena nħaffef it-tagħbija li għandkom fuq spallejkom, li anke intom stess ma tħossuhiex aktar fuq daharkom” (Mosiah 24:14).

Ħafna minna nistgħu nassumu li din l-iskrittura qed tissuġġerixxi li t-tagħbija li jkollna dlonk tittieħed minn fuqna b’ mod immedjat. Madankollu, il-vers ta’ wara jiddeskrivi kif teħfief it-tagħbija.

“U issa ġara li t-tagħbija li kienu qed iġorru Alma u ħutu ħfiefet; iva, il-Mulej tahom aktar saħħa sabiex ikunu jistgħu jġorru t-tagħbija tagħhom mingħajr wisq diffikultà, u huma ssottomew ruħhom b’ ferħ u b’ tant paċenzja għar-rieda tal-Mulej” (Mosiah 24:15; enfażi miżjuda).

Il-poplu ma ġiex meħlus b’ mod immedjat minn kull sfida u diffikultà. Iżda Alma u d-dixxipli tiegħu ġew imsaħħa, u l-kapaċità akbar tagħhom ħeffet it-tagħbija tagħhom. Dawn in-nies twajba ġew mogħtija l-qawwa permezz tal-Att tal-Fidwa sabiex jaġixxu bħala aġenti (ara D&C 58:26–29) u jinfluwenzaw iċ-ċirkustanzi tagħhom. U “bil-qawwa tal-Mulej” (Words of Mormon 1:14; Mosiah 9:17; 10:10; Alma 20:4), Alma u l-poplu tiegħu ġew immexxijin lejn is-sigurtà fl-art ta’ Żaraħemla.

Mhux biss l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jegħleb l-effetti tal-Waqgħa ta’ Adam u jagħmilha possibbli li ninħelsu mid-dnubiet u t-trasgressjoni individwali tagħna, iżda l-Att tal-Fidwa Tiegħu iwassalna biex aħna nagħmlu t-tajjeb u nitjiebu fi ħwejjeġ lil hinn mill-kapaċitajiet mortali tagħna. Ħafna minna nafu li meta nagħmlu xi ħaġa ħażina u jkollna bżonn l-għajnuna biex negħlbu l-effetti tad-dnub f’ ħajjitna, is-Salvatur għamilha possibbli li aħna nindafu permezz tal-qawwa tal-fidwa Tiegħu. Iżda aħna nifhmu wkoll li l-Att tal-Fidwa qiegħed għal dawk in-nisa u rġiel fidili li huma ubbidjenti, denji u ta’ kuxjenza safja u li qed jippruvaw isiru nies aħjar u jaqdu b’ akbar fedeltà? Ma nafx jekk aħna nagħrfux verament dan l-aspett tal-Att tal-Fidwa li jagħtina l-qawwa f’ ħajjitna u b’ mod żbaljat forsi naħsbu li rridu nġorru din it-tagħbija weħidna—permezz tad-determinazzjoni tagħna, tar-rieda personali tagħna u d-dixxiplina magħna nfusna u bil-kapaċitajiet ovvjament limitati tagħna.

Huwa veru li nistgħu nkunu nafu li Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex imut għalina. Iżda rridu napprezzaw ukoll li l-Mulej jixtieq, permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li jagħtina l-ħajja—mhux biss biex jiggwidana iżda wkoll biex isaħħaħna u jfejjaqna.

Is-Salvatur Jgħin lill-Poplu Tiegħu

Alma spjega kif u għalfejn is-Salvaur jista’ jagħmel dan possibli għalina:

“U hu għandu jmur, isofri kull tip ta’ uġigħ, tbatija u tentazzjoni; u dan sabiex iseħħ dak li hemm miktub li jgħid li hu sa jieħu fuqu l-uġigħ u l-mard tal-poplu tiegħu.

U huwa jieħu fuqu l-mewt, sabiex ikun jista’ jkisser l-irbit tal-mewt li jorbot lill-poplu tiegħu; u huwa jieħu fuqu s-sofferenza tagħhom, sabiex jimtela bil-ħniena, skont il-ġisem, ħalli huwa jkun jaf skont il-ġisem kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu waqt is-sofferenza tagħhom” (Alma 7:11–12).

Għalhekk, is-Salvatur mhux biss sofra għal dnubietna u għad-diżubbidjenza tagħna—iżda wkoll għall-uġigħ u s-sofferenza tagħna, għad-dgħjufija u n-nuqqasijiet tagħna, għall-biżgħat u l-frustrazzjoni tagħna, għad-diżappunt u n-nuqqas ta’ kuraġġ tagħna, għad-dispjaċir u r-rimors tagħna, għad-disprament u d-disperazzjoni tagħna, għall-inġustizzji li nesperjenzaw, u l-imrar emozzjonali li jaħkimna.

M’hemm l-ebda uġigħ fiżiku, l-ebda ġerħa spiritwali, l-ebda niket fir-ruħ jew fil-qalb, l-ebda sofferenza jew dgħjufija li intom u jiena nistgħu xi darba nħabbtu wiċċna magħhom fil-mortalità li s-Salvatur ma esperjenzax qabilna. F’ mument ta’ dgħjufija aħna nafu ngħidu, “Ħadd ma jaf x’jiġifieri. Ħadd ma jista’ jifhimni.” Iżda l-Iben ta’ Alla jaf u jifhem perfettament, għaliex Huwa ħass u esperjenza t-tagħbija individwali tagħna. U minħabba s-sagrifiċċju infinit u etern Tiegħu (ara Alma 34:14), Huwa għandu empatija perfetta u jista’ jofrilna l-id tal-ħniena Tiegħu. Huwa jista’ jilħaqna, imissna, jgħinna, ifejjaqna u jqawwina sabiex inkunu aktar milli kapaċi nkunu u jgħinna nwettqu dak li żgur ma jirnexxilniex inwettqu kieku kellna niddependu biss fuq il-qawwa tagħna. Tassew, il-madmad Tiegħi hu ħelu, u t-toqol Tiegħi ħafif.

Stedina, Wegħda u Testimonjanza

Nistedinkom tistudjaw, titolbu, tixtarru u tagħmlu l-almu tagħkom sabiex titgħallmu aktar dwar l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur hekk kif tassessjaw it-tagħbija individwali tagħkom. Hemm għadd ta’ ħwejjeġ li jittrattaw l-Att tal-Fidwa li aħna sempliċiment ma nistgħux nifhmu permezz tal-moħħ mortali tagħna. Iżda hemm bosta aspetti tal-Att tal-Fidwa li nistgħu u hemm bżonn nifhmu.

Lil sieħbi, il-piż tal-injam ipprovdielu l-iskoss li salvalu ħajtu. Il-vann vojt ma setgħax jiċċaqlaq minħabba s-silġ, lanqas permezz tal-four wheel drive. Kien hemm bżonn ta’ tagħbija mhux ħażin biex jinħoloq l-iskoss neċessarju.

Kienet it-tagħbija. Kienet it-tagħbija li pprovdiet dak l-iskoss li wasslet biex sieħbi jinqala’ minn fejn kien, li jerġa’ lura fit-triq, jaqbad isuq u jmur lura lejn il-familja tiegħu.

It-tagħbija unika fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna tgħinna niddependu fuq il-merti, il-ħniena u l-grazzja tal-Messija Mqaddes (ara 2 Nephi 2:8). Jiena nixhed u nwiegħed li s-Salvatur jgħinna nġorru t-tagħbija tagħna b’ ċerta faċilità (ara Mosiah 24:15). Hekk kif aħna nġorru l-madmad Miegħu permezz tal-patti sagri u nirċievu l-qawwa tal-Att tal-Fidwa li tagħmel dan possibli f’ ħajjitna, aħna nibdew infittxu, aktar u aktar, li nifhmu u ngħixu skont ir-rieda Tiegħu. Nitolbu wkoll għall-qawwa li nibdlu jew naċċettaw iċ-ċirkustanzi tagħna u nitgħallmu minnhom aktar milli nitolbu bla waqfien lil Alla ħalli Huwa jibdel iċ-ċirkustanzi tagħna skont ir-rieda tagħna. Aħna nsiru aġenti li naġixxu aktar milli sempliċiment oġġetti li niġu influwenzati (ara 2 Nephi 2:14). Aħna nitbierku permezz ta’ skoss spiritwali.

Jalla lkoll kemm aħna naġixxu aħjar u nsiru nies aħjar permezz tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur. Illum huwa s-6 ta’ April. Nafu permezz ta’ rivelazzjoni li llum hija d-data eżatta li fil-fatt twieled fiha is-Salvatur. Is-6 ta’ April huwa wkoll il-jum li fih ġiet organizzata l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. (Ara D&C 20:1; Harold B. Lee, “Strengthen the Stakes of Zion,” Ensign, Lulju 1973, 2; Spencer W. Kimball, “Why Call Me Lord, Lord, and Do Not the Things Which I Say?” Ensign, Mejju 1975, 4; Spencer W. Kimball, “Remarks and Dedication of the Fayette, New York, Buildings,” Ensign, Mejju 1980, 54; Discourses of President Gordon B. Hinckley, Volume 1: 1995–1999 [2005], 409.) F’ dan il-jum speċjali u sagru tas-Sabbath, jiena niddikjara x-xhieda tiegħi li Ġesù l-Kristu hu l-Feddej tagħna. Huwa jgħix u Hu jnaddafna, ifejjaqna, jiggwidana, jipproteġina u jsaħħaħna. Dwar dan kollu jiena nixhed fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.