2010-2019
Il-Prezz—u l-Barkiet—Bħala Dixxipli
April 2014


Il-Prezz—u l-Barkiet—Bħala Dixxipli

Kunu b’ saħħitkom. Għixu l-evanġelju b’ fedeltà anke jekk l-oħrajn ta’ madwarkom ma jgħixux skont l-evanġelju.

President Monson, aħna nħobbuk. Inti tajt qalbek u saħħtek għal kull sejħa li l-Mulej xi draba sejjaħlek għaliha, speċjalment l-uffiċċju sagru li qed tħaddan bħalissa. Il-Knisja kollha tirringrazzjak għas-servizz kontinwu tiegħek u għad-devozzjoni ma taqta’ xejn lejn din il-ħidma.

B’ ammirazzjoni u nkuraġġiment lejkom kollha li għandkom bżonn tibqgħu sodi f’ dawn l-aħħar jiem, jiena ngħidilkom, speċjalment lilkom iż-żgħażagħ tal-Knisja, li jekk sa issa għadkom ma sibtux ruħkom f’ pożizzjoni fejn kellkom tiddefendu l-fidi tagħkom, għad jasal iż-żmien meta hekk sa jiġri u anke forsi tesperjenzaw xi abbuż personali sempliċiment għaliex intom membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. F’ mumenti bħal dawn jeħtieġ li nuru l-kuraġġ u l-korteżija.

Per eżempju, m’ilux sister missjunarja kitbitli hekk: “Jiena u sieħba tiegħi rajna raġel bilqiegħda fuq bank fil-pjazza tar-raħal jiekol xi ħaġa. Hekk kif ersaqna viċin tiegħu, huwa ħares ‘il fuq lejna u ra t-tegg b’ isimna fuqha bħala missjunarji. B’ ħarsa terribbli f’ għajnejh, huwa qam f’ daqqa u għolla jdejh biex ixejjirli daqqa. Baxxejt rasi fil-ħin, u spiċċa biex waqqa’ l-ikel kollu fuqi u tgħidx kemm beda jkellimna ħażin. Aħna tlaqna minn ħdejh mingħajr kliem. Ippruvajt innaddaf l-ikel minn ma’ wiċċi, u eżatt dak il-ħin ħassejt ċappa patata maxx tolqotni fuq in-naħa ta’ wara ta’ rasi. Xi kultant mhux faċli tkun missjunarja għaliex dak il-ħin kelli aptit immur lura, naqbad lil dak id-daqsxejn ta’ raġel, u ngħidlu, ‘X’ TAĦSEB LI INT!’ Iżda m’ għamiltx hekk.”

Lil din il-missjunarja devota ngħidilha, għażiża binti, bil-mod umli tiegħek inti kkwalifikajt biex tkun parti min-nisa u rġiel distinti li, kif qal il-profeta Ġakobb fil-Ktieb ta’ Mormon, “raw il-mewt ta’ Kristu, sofrew is-salib tiegħu u esperjenzaw fuqhom il-mistħija tad-dinja.”1

Filfatt, dwar Kristu Innifsu, Nefi, ħu Ġakobb, kiteb: “U d-dinja, minħabba l-ħażen tagħna, sa tiġġudikah qisu mhu xejn; għalhekk huma sawtuh bil-frosta, u hu qagħad għaliha; u huma tawh bil-ħarta, u hu qagħad għaliha. Iva, huma beżqulu, u hu qagħad għaliha, minħabba t-tjubija u l-imħabba tiegħu u s-sabar tiegħu lejn ulied il-bnedmin.”2

B’ mod konsistenti għall-esperjenza tas-Salvatur, nistgħu ngħidu li kienet storja twila ta’ ċaħda u li ħabba fiha ħallsu qares għadd ta’ profeti u appostli, missjunarji u membri f’ kull ġenerazzjoni—dawk kollha li ppruvaw jonoraw is-sejħa ta’ Alla li jelevaw il-familja umana “lejn ħajja aktar meraviljuża.”3

“X’ se ngħid iżjed?” staqsa l-awtur tal-Lhud.

[Dawk] li … saddew ħalq l-iljuni,

“Tfew il-qawwa tan-nar, ħelsu minn xifer is-sejf,  … tqawwew fit-taqbid, ħarrbu l-eżerċti tal-barranin …

“[Raw] il-mejtin tagħhom irxuxtati mill-mewt [filwaqt li] oħrajn ħaqruhom, …

“U … sofrew żebliħ u swat, … u ktajjen u ħabs:

“Kienu mħaġġra, … mħanxra minn nofshom, maqtula bis-sejf: … ħarġu jiġġerrew imlibbsin bi ġlud tan-nagħaġ u tal-mogħoż; neqsin minn kollox, mħabbtin u maħqurin;

“Id-dinja ma kienx jixirqilha jkollha nies bħal dawn: … huma qagħdu jiġġerrew fid-deżert u fuq l-għoljiet, fl-għerien u fl-irkejjen tal-art.”4

L-anġli tas-smewwiet żgur li bkew hekk kif huma ħadu n-noti huma u jaraw il-prezz li d-dixxipli jħallsu f’ dinja li ħafna drabi tkun ostili lejn il-kmandamenti ta’ Alla. Is-Salvatur innifsu beka minħabba dawk li għal mijiet ta’ snin ċaħdu u qatlu lil dawk li kienu qed jaqduh. U issa Huwa nnifsu kien qed ikun imwarrab u lest biex jinqatel.

“Ġerusalemm, Ġerusalemm,” beka Ġesù, “int li toqtol lill-profeti u tħaġġar lill-messaġġiera mibgħutin lilek, kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwenħajha, u int ma ridtx!

“Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba.”5

U hemm jinsab messaġġ indirizzat lil kull ġuvni u tfajla f’ din il-Knisja. Jaf jiġikom dubju jekk hix vallapena li tieħdu pożizzjoni morali kuraġġjuża fl-iskola tagħkom jew li tiddeċiedu li tmorru missjoni biex imbagħad tispiċċaw imkasbrin dwar it-twemmin għażiż tagħkom, jew hux vallapena li tippruvaw tagħmlu l-almu tagħkom f’ soċjetà li ħafna drabi tirredikola lil min jgħix ħajja ta’ devozzjoni reliġjuża. Iva, dan kollu vallapena, għaliex l-alternattiva l-oħra hi li “djarna” tispiċċa “ħerba”—ħerba fl-individwi, ħerba fil-familji, ħerba fl-inħawi li ngħixu fihom u ħerba fil-ġnus.

Għalhekk aħna ninsabu nġorru t-tagħbija ta’ dawk li ġew imsejħa biex ixandru l-messaġġ messjaniku. Barra li jgħallmu, jinkuraġġixxu u jferrħu n-nies (dik hija l-parti sabiħa li tkun dixxiplu), minn żmien għall-ieħor dawn l-istess messaġġiera jiġu msejħa sabiex jinkwetaw, iwissu u xi kultant anke jibku (dik hija l-parti diffiċli li tkun dixxiplu). Huma jafu sewwa li t-triq li twassal sal-art imwiegħda li “tnixxi ħalib u għasel”6 hemm bżonn tgħaddi minn ħdejn il-Muntanja Sinaj, li tnixxi kemm “għamel” kif ukoll “la tagħmilx.”7

Sfortunatament, il-messaġġieri b’ mandat li jgħallmu kmandamenti divini mhumiex popolari llum aktar milli kienu fiż-żmien antik, tal-anqas biex jobżqu fuqhom u jixħtulhom il-patata, kif jistgħu jgħidulna s-sisters missjunarji li tkellimt fuqhom qabel. Il-mibgħeda hija kelma kerha, iżda llum jeżistu dawk li flimkien ma’ Aħab il-korrott jgħidu, “Jiena nobogħdu [lill-profeta Mikaja]; għax qatt ma jħabbarli r-riżq imma dejjem id-deni.”8 Dik it-tip ta’ mibegħda lejn l-onestà ta’ profeta swiet il-ħajja ta’ Abinadi. Kif huwa qal lis-Sultan Noè: “Għax għedtlek il-verità inti qed tirrabja miegħi.  … Għax jiena għedtlek il-kelma ta’ Alla inti qtajtni bħala miġnun”9 jew, nistgħu nżidu, provinċjali, patrijarkali, bigotta, kattiv, dejjaq u antikwat.

Kif il-Mulej innifsu lmenta mal-profeta Isaija:

“[Dawn] l-ulied … ma jridux jisimgħu l-liġi tal-Mulej:

Jgħidu lill-veġġenti, La tarawx; u lill-profeti, La tħabbrulniex is-sewwa, għidulna li jogħġobna, ħabbrulna l-ħolm:

“Oħorġu mit-triq, warrbu mill-mogħdija, neħħulna minn quddiemna l-Qaddis ta’ Iżrael.”10

Sfortunatament, ħbieb tiegħi żgħażagħ, hija karatteristika ta’ żmienna li jekk in-nies iridu li jkollhom xi alla, irid ikun alla li ma jippretendix wisq minnhom, alla komdu, alla dgħajjef li mhux biss ma jbiddel xejn f’ ħajjithom iżda lanqas biss jindaħallhom, alla li jtaptpilhom fuq rashom, iddaħħaqhom tnejn, u mbagħad jgħidilhom sabiex immorru ferħanin jilagħbu.11

Verament jitkellmu dwar Alla li ħoloq il-bniedem fi xbiha Tiegħu! Xi kultant—u din hija l-akbar ironija—dawn in-nies jużaw lil Ġesù bħala wieħed li kien xi Alla “komdu”. Kien Alla komdu? Hu li qal li mhux biss m’ għandniex niksru l-kmandamenti, iżda lanqas biss għandu jgħaddi minn moħħna li niksruhom. U jekk jgħaddilna minn moħħna li niksruhom, inkunu diġà ksirnihom f’ qalbna. Din tidher bħala xi duttrina “komda”, li togħġob lill-widna u popolari qalb dawk li jixtiequ jħossuhom tajjeb?

U xi ngħidu għal dawk li jħarsu lejn id-dnub jew imissuh b’ mod indirett? Ġesù qal b’ mod indirett, li jekk għajnek tkun għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha. Jekk idek tkun għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha.12 “Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf,”13 Huwa widdeb lil dawk li ħasbu li Huwa kien jgħid sempliċiment bluha. Mhux ta’ b’ xejn li, diskors wara diskors, il-komunitajiet lokali “ talbuh biex iwarrab minn pajjiżhom.”14 Mhux ta’ b’ xejn li, miraklu wara miraklu, il-qawwa Tiegħu attribwewha mhux lil Alla iżda lix-xitan.15 Hija ovvja li l-istiker ta’ fuq il-bamper bil-mistoqsija “X’ jagħmel Ġesù?” mhux dejjem ikollha tweġiba popolari.

Fil-kulmini tal-ministeru mortali Tiegħu, Ġesù qal, “Ħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien.”16 Biex ikun ċert li huma fehmu eżatt x’ tip ta’ mħabba kien qed jirreferi għaliha, Huwa qal, “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi” 17 u “jekk xi ħadd … iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti, u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ … l-iżgħar fis-saltna tas-smewwiet.”18 L-imħabba kif irid Kristu hija l-akbar bżonn li hawn f’ din id-dinja, dan ukoll peress li din għandha tkun dejjem akkumpanjata mis-sewwa. Allura jekk l-imħabba se tkun il-motto tagħna, kif għandha tkun, mela bil-kelma Tiegħu li Huwa kollu kemm Hu mħabba, aħna għandna niċħdu d-dnub u qatt ma niddefenduh ma’ ħaddieħor. Ġesù fehem b’ mod ċar dak li ħafna fil-kultura moderna tagħna jidhru li spiss jinsew: li hemm differenza kruċjali bejn il-kmandament li taħfer id-dnub (li Huwa għandu l-kapaċità infinità li jagħmel) u t-twissija kontra li tiskużah (li Huwa qatt u qatt m’ għamel).

Ħbieb, speċjalment intom iż-żgħażagħ, agħmlu l-kuraġġ. L-imħabba pura bħal ta’ Kristu li ġejja mis-sewwa tista’ tibdel id-dinja. Jiena nixhed li l-evanġelju veru u ħaj ta’ Ġesù Kristu jinsab fid-dinja u intom il-membri tal-Knisja vera u ħajja Tiegħu, qed tippruvaw ixxandruh mal-oħrajn. Nagħti x-xhieda tiegħi dwar dan l-evanġelju u din il-Knisja, b’ xhieda partikolari tal-imfietaħ irrestawrati tas-saċerdozju li għandhom aċċess għall-qawwa u l-effikaċja tal-ordinanzi tas-salvazzjoni. Jiena aktar ċert li dawn l-imfietaħ ġew irrestawrati u li dawk l-ordinanzi reġgħu jinsabu disponibbli għal darb’ oħra permezz tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem milli jien ċert li ninsab wieqaf quddiemkom wara dan il-pulptu u li intom tinsabu bilqiegħda quddiemi f’ din il-konferenza.

Ibqgħu sodi. Għixu l-evanġelju b’ fedeltà anke jekk l-oħrajn ta’ madwarkom ma jgħixux skont l-evanġelju. Iddefendu t-twemmin tagħkom b’ korteżija u kompassjoni, iżda ddefenduhom. Eku twil ta’ ilħna spirati, fosthom dawk li se tisimgħu f’ din il-konferenza u l-leħen li għadkom kemm smajtu mill-President Thomas S. Monson, jidderiġukom lejn it-triq li għandhom jimxu fiha d-dixxipli ta’ Kristu. Hija triq stretta, u hija triq dritta li ma tantx hi flessibbli, iżda tista’ tivvjaġġaha b’ ferħ u suċċess, “billi … tibqgħu sodi fi Kristu, … b’ dija perfetta ta’ tama, u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha.”19 Jekk intom timxu b’ kuraġġ f’ din id-direzzjoni, intom tiżviluppaw fidi ferma, issibu s-sigurtà kontra l-irwiefen li jvenvnu u kontra l-qawwa tat-tromba, u tħossu l-qawwa b’ saħħitha daqs il-blat tal-Feddej tagħna, li jekk bħala dixxipli tibnu fuqu, intom qatt ma tfallu.20 Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.