2010-2019
Ħwejjeġ Żgħar u Sempliċi
April 2018


Ħwejjeġ Żgħar u Sempliċi

Aħna jeħtieġ li nżommu f’ moħħna li meta nħarsu lejhom fuq medda sħiħa ta’ żmien, nindunaw li permezz ta’ ħwejjeġ żgħar jiġu fis-seħħ ħwejjeġ kbar.

I.

Għeżież ħuti, jiena bħalkom ħassejtni profondament kommoss, edifikat u ispirat bil-messaġġi, bil-mużika kif ukoll bis-sentimenti li qsamna bejnietna f’ dawn il-ġranet. Jiena ċert li nista’ nitkellem f’ isimkom hekk kif nirringrazzja lil ħutna li, bħala strumenti f’ idejn il-Mulej, taw is-sehem tagħhom biex aħna lkoll ħassejna lilna nfusna nitqawwew daqstant f’ dan il-ħin li aħna għamilna flimkien.

Jiena grat li għandi ċ-ċans nitkellem magħkom f’ Ħadd il-Għid. Illum aħna ningħaqdu ma’ Kristjani oħra hekk kif niċċelebraw il-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej Ġesù Kristu. Għall-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, ir-Resurrezzjoni letterali ta’ Ġesù Kristu hija l-pilastru tal-fidi tagħna.

Peress li aħna nemmnu r-rakkonti li hemm kemm fil-Bibbja kif ukoll li hemm fil-Ktieb ta’ Mormon dwar ir-Resurrezzjoni letterali ta’ Ġesù Kristu, aħna nemmnu l-ħafna tagħlim skritturali li jgħid li n-nies mortali kollha li qatt għexu fid-dinja se jesperjenzaw resurrezzjoni simili. Dik ir-resurrezzjonitagħtina dik li l-Appostlu Pietru jsejħilha “tama ħajja” (1 Pietru 1:3). Dik it-tama ħajja hija l-konvinzjoni tagħna li l-mewt mhijiex il-konklużjoni tal-identità tagħna iżda sempliċiment pass neċessarju fil-pjan ta’ ħniena ta’ Missierna tas-Smewwiet għas-salvazzjoni ta’ wliedu. Dak il-pjan jitlob li ssir transizzjoni mill-ħajja mortali għall-ħajja immortali. Fil-qalba ta’ dik it-transizzjoni hemm l-inżul ix-xemx tal-mewt kif ukoll l-għodwa glorjuża li saret possibbli permezz tar-Resurrezzjoni tal-Mulej u s-Salvatur tagħna li sejrin niċċelebraw f’ dan Ħadd il-Għid.

II.

F’ għanja meraviljuża li l-kliem tagħha nkiteb minn Eliza R. Snow, aħna nkantaw:

Araw x’ fassal Alla, xi pjan glorjuż

Biex jifdina lkoll għamel dan,

L-imħabba, il-ġustizzja, il-ħniena flimkien

Jingħaqdu b’ għan wieħed divin!1

Biex ngħinu fit-twettiq ta’ dak il-pjan divin, aħna niltaqgħu flimkien fil-laqgħat tagħna, fosthom waqt din il-konferenza, biex ngħallmu u nħeġġu lil xulxin.

Dalgħodu jiena ħassejt li kelli nikkwota t-tagħlim ta’ Alma lil ibnu Ħilaman, li nsibuh fil-Ktieb ta’ Mormon: “Permezz ta’ ħwejjeġ żgħar u sempliċi jiġu fis-seħħ ħwejjeġ kbar” (Alma 37:6).

Aħna niġu mgħallmin bosta ħwejjeġ żgħar u sempliċi fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Jeħtieġ li nżommu f’ moħħna li meta aħna nħarsu lejhom fuq medda sħiħa ta’ żmien, nindunaw li permezz ta’ ħwejjeġ żgħar jiġu fis-seħħ ħwejjeġ kbar. Kienu ħafna l-Awtoritjiet Ġenerali u għalliema rispettati oħra li tkellmu dwar dan is-suġġett. Dan is-suġġett tant huwa importanti li jiena nħoss li għandi nerġa’ nitkellem dwaru.

Jiena ftakart dwar il-qawwa li l-ħwejjeġ żgħar u sempliċi jista’ jkollhom fuq medda ta’ żmien minħabba xi ħaġa li jien rajt waqt mixja li kont qed nagħmel filgħodu. Dan huwa r-ritratt li jiena ħadt. Il-bankina magħmula minn konkrit oħxon u iebes kienet qed tinqasam min-nofs.Tgħid minħabba li għaddiet minn fuqha xi ħaġa kbira u tqila? Le, dak il-qsim kien ikkawżat mit-tkabbir bilmod u żgħir ta’ waħda mill-għeruq ta’ siġra li kien hemm ħdejha.Dan huwa eżempju simili li jiena rajt fi triq oħra.

Immaġni
Qasma fil-bankina
Immaġni
Qasma oħra fil-bankina

Il-qawwa daqstant b’ saħħitha li qasmet dawn il-bankini magħmula minn konkrit iebes kienet żgħira wisq biex wieħed jinnotaha minn jum għall-ieħor jew anke saħansitra minn xahar għall-ieħor, iżda l-effett tagħha maż-żmien kien inkredibilment qawwi.

L-istess maż-żmien naraw l-effett tant qawwi ta’ ċerti ħwejjeġ żgħar u sempliċi li aħna nitgħallmu dwarhom fl-iskrittura u permezz tal-profeti ħajjin. Ikkunsidraw ftit l-istudju tal-iskrittura li aħna ġejna mgħallmin ħalli ninkorporawh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Jew ikkunsidraw it-talb personali u t-talb li nitolbu għarkupptejna flimkien bħala familja li huma drawwiet regolari għal ħafna Qaddisin tal-Aħħar Jiem fidili. Ikkunsidraw ukoll l-attendenza waqt is-seminarju għaż-żgħażagħ jew il-klassijiet tal-istitut għall-adulti żgħażagħ. Filwaqt li kull waħda minn dawn id-drawwiet taf tidher wisq żgħira u sempliċi, maż-żmien, ir-riżultat tagħha jkun wieħed ta’ progress u żvilupp spiritwali mill-aktar qawwi. Dan iseħħ peress li kull waħda minn dawn il-ħwejjeġ żgħar u sempliċi tistieden is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu, ix-Xhud li jdawwalna u jiggwidana lejn il-verità, kif spjega l-President Eyring.

Sors ieħor ta’ progress u żvilupp spiritwali hija d-drawwa kontinwa li wieħed jindem, anke minn trasgressjonijiet li jafu jidhru verament żgħar. L-evalwazzjoni ispirata tagħna nfusna tista’ tgħinna naraw fiex inqassna u fiex nistgħu nitjiebu.Din it-tip ta’ ndiema għandna nesperjenzawha kull ġimgħa qabel ma nieħdu s-sagrament. Xi ħwejjeġ li intom tistgħu tikkunsidraw f’ dan il-proċess ta’ ndiema huma ssuġġeriti fl-għanja “Għamilt Xi Ħaġa Tajba?”

Għamilt xi ħaġa tajba fid-dinja illum?

Għint lil xi ħadd fil-bżonn?

Ferraħt lill-imnikket u ġibt tbissima lil xi ħadd?

Jekk le, jiena fallejt.

Kien hemm min ħfifitlu t-tagħbija llum

Għax jien kont lest ngħinu jġorrha?

Il-morda u l-magħtuba ġew megħjuna llum?

Meta kellhom bżonni jien għinthom?2

Bla dubju li dawn huma ħwejjeġ żgħar, iżda m’hemmx dubju li huma eżempji tajbin ta’ dak li Alma għallem lil ibnu Ħilaman: “U l-Mulej Alla verament jaħdem b’ dan il-mod sabiex iġib fis-seħħ l-għanijiet kbar u eterni tiegħu; u permezz ta’ ħwejjeġ żgħar il-Mulej … iġib fis-seħħ is-salvazzjoni ta’ bosta erwieħ” (Alma 37:7).

Waqt laqgħa li l-President Steven C. Wheelwright kellu ġewwa l-Università ta’ Brigham Young-Ħawajj huwa ta din id-deskrizzjoni ispirata mit-tagħlim ta’ Alma: “Alma kkonferma ma’ ibnu li fil-fatt il-mudell li jimxi fuqu l-Mulej meta aħna neżerċitaw il-fidi tagħna fih u nimxu wara l-kunsill Tiegħu fi ħwejjeġ żgħar u sempliċi hu li jberikna b’ għadd ta’ mirakli żgħar kuljum, u maż-żmien, b’ għemejjel meraviljużi.”3

Il-President Howard W. Hunter għallem li “ħafna drabi tkun fil-fatt l-aktar ħaġa komuni … li jkollha l-aktar effett pożittiv fil-ħajja ta’ ħaddieħor, kuntrarju għall-affarijiet li d-dinja tagħraf li jistgħu jwasslu għal affarijiet kbar.”4

Tagħlim sekulari mill-aktar persważiv dwar dan l-istess prinċipju huwa dak li qal l-eks Senatur Dan Coats ta’ Indjana, li kiteb: “L-uniku tħejjija għal dik id-deċiżjoni waħdanija daqstant profonda li tista’ twassal biex tibdel ħajja ta’ bniedem, jew saħansitra ta’ nazzjon, hija l-mijiet u eluf ta’ deċiżjonijiet li jafu jidhru insinifikanti li bilkemm inkunu konxji li għamilniehom u li jaslu biex jiddetermina min verament aħna, deċiżjonijiet li aħna nagħmlu fil-privat.”5

Dawk id-deċiżjonijiet privati “li jafu jidhru insinifikanti” jinkludu kif aħna nużaw il-ħin tagħna, x’ naraw fuq it-televiżjoni u fuq l-internet, x’ naqraw, l-arti u l-mużika li nżommu madwarna fuq ix-xogħol u fid-dar, x’ tip ta’ divertiment infittxu u kif aħna napplikaw l-impenn tagħna li nkunu onesti u veritiera. Ħaġa oħra li taf tidher żgħira u sempliċi hi li aħna nkunu ċiviċi u ferrieħa fil-mod kif aħna personalment ninteraġixxu ma’ ħaddieħor.

L-ebda waħda minn dawn il-ħwejjeġ żgħar u sempliċi mixtieqa ma jaslu biex jelevawna għall-ħwejjeġ kbar sakemm aħna ma nipprattikawhomx kontinwament b’ mod konsistenti.Il-President Brigham Young ġie rapportat li qal: “Ħajjitna magħmula minn ċirkustanzi żgħar u sempliċi li jammontaw għal xi ħaġa verament kbira meta aħna npoġġuhom flimkien, u jaslu biex jiddefinixxu l-ħajja sħiħa ta’ bniedem.”6

Aħna ninsabu mdawrin permezz ta’ influwenzi diversi tal-midja u deterjorament kbir kulturali li jwasslulna biex inbaxxu l-istandards tagħna jekk aħna ma nibqgħux nirreżistu kontinwament.Biex inkomplu navvanzaw lejn l-għan divin tagħna, jeħtieġ li aħna kontinwament inkomplu naqdfu ‘l quddiem. Żgur li jgħin li aħna nkunu parti minn tìm li jinsab jaqdef flimkien magħna, bħal group qaddiefa jaqdfu kollha flimkien. Biex nestendi ftit aktar dan l-eżempju, il-kurrenti kulturali tant huma b’ saħħithom li jekk aħna nieqfu naqdfu, aħna nispiċċaw ninġarrew ‘l isfel lejn destinazzjoni li aħna ma nixtiqux nispiċċaw fiha iżda li ssir waħda inevitabbli jekk aħna ma nkomplux naqdfu kontinwament ‘il quddiem.

Wara li semma avveniment li ma tantx kien jidher daqstant importanti iżda li ħalla warajh konsegwenzi mill-aktar kbar, Nefi kiteb, “U għalhekk permezz ta’ ħwejjeġ żgħar il-Mulej iġib fis-seħħ ħwejjeġ kbar” (1 Nephi 16:29). Fit-Testment il-Qadim insibu eżempju mill-aktar memorabbli dwar dan. Hemm naqraw kif niżlu fuq l-Iżraelin għadd kbir ta’ sriep velenużi. Bosta nies mietu wara li huma ngidmu minnhom (ara Numbers 21:6). Meta Mosè talab għall-għajnuna, huwa ġie ispirat li jagħmel “serp tal-bronż, u arbulah bħal stendard.” Imbagħad, “kull min kien jigdmu s-serp kien iħares lejn is-serp tal-bronż, u kien ifiq u jgħix” (vers 9). Ħaġa daqstant żgħira wasslet għal riżultat daqshekk mirakoluż! Madankollu, kif spjega Nefi meta huwa għallem dan l-eżempju lil dawk li kienu qed jirribellaw kontra l-Mulej, anke meta l-Mulej ħejja mod mill-aktar sempliċi kif huma setgħu jfiequ, “minħabba s-sempliċità tal-metodu, jew il-faċilità tiegħu, kienu ħafna li ntilfu” (1 Nephi 17:41).

Dak l-eżempju u dak it-tagħlim ifakkarna li s-sempliċità tal-metodu jew il-faċilità ta’ dak li nintalbu nagħmlu ma jfissirx li mhumiex importanti biex aħna nkunu nistgħu niksbu x-xewqa ġusta tagħna.

Bl-istess mod, anke ċerti għemejjel ta’ diżubbidjenza jew nuqqasijiet żgħar li ma nimxux wara ċerti drawwiet xierqa jafu jiġbduna ‘l isfel lejn xi ħaġa li aħna ġejna mwissija biex nevitaw. Il-Kelma tal-Għerf tipprovdilna eżempju ta’ dan. L-istess kif l-effett fil-ġisem ta’ sigarett wieħed jew tazza waħda alkoħol jew doża waħda ta’ xi droga oħra jafu ma jħallu l-ebda effett fuq il-ġisem. Iżda maż-żmien, l-effett huwa wieħed qawwi u jista’ jkun wieħed irriversibbli. Ftakru fil-qsim li kien hemm fil-bankina kaġun ta’ numru ta’ espansjonijiet gradwali żgħar tal-għerq tas-siġra. Ħaġa waħda hi ċerta, li hija li l-konsegwenzi terribbli li jista’ jkun hemm jekk aħna nieħdu xi ħaġa li tista’ ssir vizzjuża, bħad-drogi li jattakkaw ġisimna jew xi materjal pornografiku li jiddegrada ħsibijietna, xi ħaġa li nistgħu nevitawha kompletament sakemm qatt ma jkollna x’ naqsmu magħha l-ewwel darba—lanqas darba.

Bosta snin ilu, il-President M. Russell Ballard iddeskriva lil dawk li kienu qed jisimgħuh waqt konferenza ġenerali “kif ħwejjeġ żgħar u sempliċi jistgħu jkunu negattivi u distruttivi għas-salvazzjoni ta’ dak li jkun.” Huwa għallem: “Bħall-fibri dgħajfa li jiffurmaw ħajta, imbagħad linja ħajt minsuġ u finalment ħabel, dawn il-ħwejjeġ żgħar marbutin flimkien jistgħu jsiru b’ saħħithom wisq biex tkun tista’ tkissirhom. Aħna għandna dejjem inkunu konxji tal-qawwa li l-ħwejjeġ żgħar u sempliċi jista’ jkollhom biex jibnu l-ispiritwalità tagħna,” huwa qal. “Fl-istess ħin, għandna nkunu konxji li Satana juża wkoll ħwejjeġ żgħar u sempliċi biex imexxina lejn id-disperazzjoni u l-miżerja.”7

Il-President Wheelwright widdeb dwar xi ħaġa simili lin-nies li kien qed ikellem fl-Universita’ ta’ BYU-Ħawajj: “Huwa meta aħna ma nagħmlux il-ħwejjeġ żgħar u sempliċi li l-fidi tagħna tonqsilna, li l-mirakli jieqfu u ma nibqgħux mexjin ‘il quddiem lejn il-Mulej u s-saltna Tiegħu iżda nibdew niddeterjoraw hekk kif minflok infittxu s-saltna ta’ Alla nibdew infittxu ħwejjeġ temporali u ambizzjonijiet għall-affarijiet tad-dinja.”8

Biex nipproteġu ruħna kontra l-effetti negattivi u kumulattivi li jeqirdu l-progress spiritwali tagħna, jeħtieġ li aħna nimxu wara l-mudell spiritwali tal-ħwejjeġ żgħar u sempliċi. Il-Presbiteru David A. Bednar iddeskriva dan il-prinċipju waqt Konferenza għan-Nisa ġewwa BYU: “Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna dwar in-natura u l-importanza tal-mudell spiritwali mit-teknika ta’ … l-ilma jqattar bilmod ħafna fil-ħamrija,” b’ kuntrast ma’ li aħna ngħarrqu jew nixħtu ammont kbir ta’ ilma fejn ma jkunx meħtieġ.

Huwa spjega: “It-taqtir kontinwu ta’ ilma jippenetra verament tajjeb fl-art u jipprovdi livell għoli ta’ umdità fil-ħamrija biex fiha jkunu jistgħu jikbru l-pjanti. Bl-istess mod, jekk jien u intom, b’ mod iffokat u frekwenti, nirċievu ammont konsistenti ta’ qtar magħmul minn nutriment spiritwali, imbagħad l-għeruq tal-evanġelju jkunu jistgħu jippenetraw fil-fond ta’ ruħna u jrabbu fina sisien sodi li jkunu jistgħu jipproduċu frott mill-aktar straordinarju u delizzjuż.”

Huwa kompla billi qal, “Il-mudell spiritwali ta’ ħwejjeġ żgħar u sempliċi li jġib fis-seħħ ħwejjeġ kbar jipproduċi fina ċerta fermezza u sodezza, devozzjoni akbar u konverżjoni aktar sħiħa lejn il-Mulej Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu.”9

Il-Profeta Joseph Smith għallem dan il-prinċipju fi kliem li llum jagħmel parti mid-Duttrina u Patti: “L-ebda bniedem m’għandu jgħoddhom bħala ħwejjeġ żgħar; għaliex hemm wisq fihom … fuq xiex il-qaddisin jistgħu jiddependu” (D&C 123:15).

B’ rabta mal-ewwel attentati li kienu saru biex titwaqqaf il-Knisja f’ Missouri, il-Mulej talab biex tinżamm il-paċenzja għaliex “kollox jiġi fis-seħħ fi żmienu” (D&C 64:32). Imbagħad Huwa ta din it-tagħlima kbira: “Għalhekk, qatt tieqfu tagħmlu t-tajjeb, għaliex intom qed tibnu l-pedament ta’ ħidma mill-aqwa. U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu ħwejjeġ kbar” (D&C 64:33).

Jiena nemmen li aħna lkoll nixtiequ li nimxu wara l-isfida li ppreżentalna l-President Russell M. Nelson li nibqgħu mexjin ‘il quddiem “fit-triq tal-patt.”10 L-impenn tagħna li nagħmlu dan jista’ jissaħħaħ billi b’ mod konsistenti aħna nimxu wara l-“ħwejjeġ żgħar” li aħna mgħallmin permezz tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u l-mexxejja tal-Knisja Tiegħu. Jiena nixhed dwaru u nsejjaħ sabiex jinżlu l-barkiet Tiegħu fuq dawk kollha li jippruvaw jibqgħu fit-triq Tiegħu tal-patt, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “Ferm Kbira l-Imħabba u Kbir Wisq Hu l-Għerf,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 19.

  2. “Have I Done Any Good?” Hymns, no. 223.

  3. Steven C. Wheelwright, “The Power of Small and Simple Things” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young–Ħawajj devotional, 31 ta’ Aww. 2007), 2, devotional.byuh.edu.

  4. Teachings of Presidents of the Church: Howard W. Hunter (2015), 165.

  5. Dan Coats, “America’s Youth: A Crisis of Character,” Imprimis, vol. 20, nu. 9 (Sept. 1991), 4; ara wkoll Presbiteru Wilford Andersen fil-kolonna tiegħu f’ Mesa Tribune, Mejju 1996.

  6. Brigham Young, diskors ġewwa t-Tabernaklu ta’ Ogden, 19 ta’ Lulju, 1877, kif irappurtat f’ “Discourse,” Deseret News, 17 ta’ Ott, 1877, 578.

  7. M. Russell Ballard, “Small and Simple Things,” Ensign, Mejju 1990, 7, 8.

  8. Steven C. Wheelwright, “The Power of Small and Simple Things,” 3.

  9. David A. Bednar, “By Small and Simple Things Are Great Things Brought to Pass” (Konferenza tan-Nisa fl-Università ta’ Brigham Young, 29 ta’ Apr., 2011), womensconference.byu.edu.

  10. Russell M. Nelson, “Hekk Kif Nimxu ‘l Quddiem Flimkien,” Liahona, Apr. 2018, 7.