2010-2019
Dak li Jeħtieġ li Jifhem Kull Raġel li Jħaddan is-Saċerdozju Aroniku
April 2018


Dak li Jeħtieġ li Jifhem Kull Raġel li Jħaddan is-Saċerdozju Aroniku

L-ordinazzjoni tagħkom fis-Saċerdozju Aroniku hija fil-qofol tal-ħidma tagħna li ngħinu lil ulied Alla jirċievu l-qawwa tal-att tal-fidwa ta’ Kristu.

L-Aħwa, huwa privileġġ għalija li ninsab hawn magħkom f’ din il-konferenza storika. Meta jiena kont għadni kif sirt president tal-missjoni, jien kelli entużjażmu kbir biex nilqa’ l-ewwel grupp ta’ missjunarji ġodda. Ftit mill-missjunarji tagħna b’ aktar esperjenza kienu qed jippreparaw għal laqgħa qasira magħhom. Jiena nnotajt li huma kienu qabdu s-siġġijiet tat-tfal u qegħduhom nofs ċirku.

“Għalfejn poġġejtu s-siġġijiet iż-żgħar?” staqsejthom jiena.

Il-missjunarji, b’ leħen timidu, wieġbu, “Għall-missjunarji l-ġodda.”

Jiena nemmen li l-mod kif aħna nħarsu lejn ħaddieħor iħalli impatt mill-aktar sinifikattiv fuq il-perċezzjoni tagħhom ta’ min huma verament u ta’ x’ kapaċi jsiru.1 Dak inhar il-missjunarji l-ġodda tagħna poġġew bilqiegħda fuq siġġijiet li jpoġġu fuqhom l-adulti.

Xi kultant, nibża’ li lill-ġuvintur tagħna tas-Saċerdozju Aroniku, aħna, b’ mod figurattiv, nagħtuhom siġġijiet tat-tfal biex ipoġġu fuqhom minflok ma nippruvaw ngħinuhom jaraw li Alla lilhom tahom responsabbiltà sagra u ħidma importanti ħafna xi jwettqu.

Il-President Thomas S. Monson qalilna li l-ġuvintur jeħtieġ li jifhmu “xi tfisser … li tkun tħaddan is-saċerdozju ta’ Alla. Jeħtieġ li huma jiġu ggwidati biex ikunu spiritwalment konxji tal-qdusija tas-sejħa li ġew ordnati fiha.”2

Illum jiena nitlob li l-Ispirtu s-Santu jiggwidana lejn għarfien akbar tal-qawwa u l-qdusija tas-Saċerdozju Aroniku u jispirana biex niffokaw b’ aktar diliġenza fuq id-drawwiet tagħna tas-saċerdozju. Il-messaġġ tiegħi hu indirizzat għal dawk kollha li jħaddnu s-saċerdozju Aroniku, inkluż dawk li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku.

Il-Presbiteru Dale G. Renlund għallem li l-għan tas-saċerdozju hu li jipprovdi lil ulied Alla aċċess għal-qawwa tal-att tal-fidwa ta’ Ġesù Kristu.3 Biex aħna nirċievu l-qawwa tal-att tal-fidwa ta’ Kristu f’ ħajjitna, jeħtieġ li aħna nemmnu fih, nindmu minn dnubietna, nagħmlu u nżommu ċerti patti sagri permezz ta’ ordinanzi u nirċievu l-Ispirtu s-Santu.4 Dawn mhumiex prinċipji li napplikaw biss darba f’ ħajjitna; pjuttost, huma jaħdmu flimkien, isaħħu lil xulxin u jibnu wieħed fuq l-ieħor fi proċess kontinwu ta’ progressjoni divina biex “nersqu lejn Kristu u nipperfezzjonaw ruħna fih.”5

Għalhekk, x’inhu l-irwol tas-Saċerdozju Aroniku f’ dan kollu? Kif jgħinna niksbu aċċess għall-qawwa tal-att tal-fidwa ta’ Kristu? Jien nemmen li t-tweġiba nsibuha fl-imfietaħ tas-Saċerdozju Aroniku—l-imfietaħ tal-ministeru tal-anġli u tal-evanġelju preparatorju.6

Il-Ministeru tal-Anġli

Ejjew nibdew b’ aspett wieħed tal-ministeru tal-anġli. Qabel ma’ wlied Alla jista’ jkollhom il-fidi f’ Ġesù Kristu, jeħtieġ li l-ewwel huma jkunu jafu dwaru u jiġi mgħallmin l-evanġelju Tiegħu. Kif qal l-Appostlu Pawlu:

“Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?

“Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta? …

“Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu.”7

Mill-bidu taż-żminijiet, Alla “bagħat anġli biex jimministraw lil ulied il-bnedmin, biex iħabbru … il-miġja ta’ Kristu.”8 L-anġli huma esseri divini li jwasslu l-messaġġ ta’ Alla.9 Kemm fl-Ebrajk kif ukoll fil-Grieg, il-kelma anġlu tfisser “messaġġier.”10

Bl-istess mod kif l-anġli huma messaġġiera awtorizzati mibgħuta minn Alla biex jiddikjaraw il-kelma Tiegħu u għalhekk jibnu l-fidi, aħna li nħaddnu s-Saċerdozju Aroniku ġejna ordnati biex “ngħallmu u nistiednu lil kulħadd biex jersaq lejn Kristu.”11 Huwa dmir tas-saċerdozju li aħna nxandru l-evanġelju. U l-qawwa marbuta ma’ dan id-dmir mhijiex biss għall-profeti jew saħansitra għall-missjunarji. Hija wkoll għalikom!12

Għalhekk aħna kif nistgħu niksbu din il-qawwa? Kif jista’ djaknu ta’ 12-il sena—jew xi wieħed minna—jwassal il-fidi fi Kristu fil-qlub ta’ wlied Alla? Nibdew billi ngħożżu l-kelma Tiegħu ħalli aħna jkollna fina l-qawwa tagħha.13 Huwa wiegħed li jekk aħna nagħmlu dan, aħna jkollna magħna “il-qawwa ta’ Alla li nikkonvinċu l-bnedmin.”14 Din taf tkun opportunità li aħna ngħallmu f’ xi laqgħa tal-kworum jew waqt żjara f’ xi dar ta’ membru. Taf tkun f’ xi okkażjoni anqas formali, bħal waqt xi konverżazzjoni ma’ xi ħabib jew ma’ xi membru tal-familja. Tkun xi tkun l-okkażjoni, jekk aħna nkunu mħejjijin tajjeb, aħna nkunu nistgħu ngħallmu l-evanġelju kif jgħallmuh l-anġli: bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.15

Immaġni
Jacob u Brother Holmes

M’ilux jiena smajt lil Jacob, wieħed li jħaddan is-Saċerdozju Aroniku ġewwa Papua New Guinea, jixhed dwar il-qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon u kif din għenitu jirreżisti l-ħażen u jimxi wara l-Ispirtu. Kliemu kabbar il-fidi tiegħi u l-fidi ta’ ħaddieħor. Il-fidi tiegħi kibret ukoll hekk kif jiena smajt ġuvintur li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku jgħallmu u jixhdu waqt il-laqgħat tal-kworum tagħhom.

Intom il-ġuvintur, intom messaġġiera awtorizzati. Permezz ta’ kliemkom u għemilkom, intom tistgħu twasslu l-fidi fi Kristu fi qlub ulied Alla.16 Kif qal il-President Russell M. Nelson, “Intom tkunu għalihom anġli li jimministrawlhom.”17

L-Evanġelju Preparatorju

Fidi akbar fi Kristu dejjem twassal għal xewqa biex aħna ninbidlu jew nindmu.18 Għalhekk hija ħaġa loġika li l-muftieħ tal-ministeru tal-anġli jkun akkumpanjat mill-muftieħ tal-evanġelju preparatorju, “l-evanġelju tal-indiema u tal-magħmudija u tal-maħfra tad-dnubiet.”19

Hekk kif intom tistudjaw id-dmirijiet tagħkom tas-Saċerdozju Aroniku, intom taraw kmand ċar li għandkom tistiednu lill-oħrajn biex jindmu u jibdew mexjin ‘il quddiem.20 Dan ma jfissirx li aħna nieqfu f’ xi kantuniera fit-triq u nibdew ngħajtu, “Indmu!” Ħafna drabi, ikun ifisser li nkunu aħna stess li nindmu, aħna li stess naħfru u hekk kif aħna nimministraw lil ħaddieħor, aħna noffru t-tama u l-paċi li ġġib magħha l-indiema—u dan għaliex inkunu esperjenzajnieha aħna stess.

Jiena qattajt ħafna ħin ma’ ġuvintur li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku waqt xi żjara tagħhom għand xi membri sħabhom tal-kworum. Jiena stajt nara li b’ għemilhom huma rattbu l-qlub u għenu lil ħuthom iħossu fihom l-imħabba ta’ Alla. Jiena smajt wieħed żagħżugħ jaqsam it-testimonjanza tiegħu ma’ sħabu dwar il-qawwa tal-indiema. Hekk kif huwa għamel dan, sħabu ħassew qalbhom tirtab, bdew juru ċertu impenn u ħassew fihom il-qawwa tal-fejqan ta’ Kristu.

Il-President Gordon B. Hinckley għallem: “Li tindem hija ħaġa. Li niġu meħlusin u maħfura minn dnubietna hija ħaġa oħra.Il-qawwa li twassal għal dan tinsab fis-Saċerdozju Aroniku.”21 L-ordinanzi tas-Saċerdozju Aroniku tal-magħmudija u tas-sagrament iwasslu għall-indiema tagħna għall-maħfra tad-dnubiet kif ukoll jagħtu xhieda tagħha.22 Il-President Dallin H. Oaks spjega dan b’ dan il-mod: “Aħna mitlubin nindmu minn dnubietna u nersqu lejn il-Mulej b’ qalb maqsuma u spirtu sogħbien u nieħdu sehem fis-sagrament. … Meta aħna nġeddu l-patt tagħna tal-magħmudija b’ dan l-mod, il-Mulej iġedded fina l-effett tal-magħmudija li jnaddafna.”23

L-Aħwa, huwa privileġġ sagru li aħna nistgħu namministraw ordinanzi li jwasslu l-maħfra tad-dnubiet lil qlub li jindmu permezz tal-qawwa tal-att tal-fidwa tas-Salvatur.24

M’ilux jiena sirt naf dwar wieħed qassis, li kien isibha xi ftit bi tqila biex jesprimi ruħu, li għall-ewwel darba kien se jbierek is-sagrament. Hekk kif huwa għamel dan, kemm hu kif ukoll il-kongregazzjoni ġew maħkumin minn spirtu mill-aktar qawwi.Aktar tard fil-laqgħa, huwa qasam testimonjanza mill-aktar sempliċi iżda ċara tiegħu dwar il-qawwa ta’ Alla li hu ħass waqt dik l-ordinanza.

Immaġni
Il-kworum tal-qassisin mal-familja Mbuelongo

Ġewwa Sydney, l-Awstralja, erba’ membri tal-kworum tal-qassisin għammdu lil uħud mill-membri tal-familja Mbuelongo. Omm wieħed minn dawn il-qassisin qaltli dwar l-impatt kbir li din l-esperjenza ħalliet fuq binha.Dawn il-qassisin waslu biex bdew jifhmu xi tfisser li tkun “ikkummissjonat minn Ġesù Kristu.”25

Kif tafu, illum qassis jista’ jkun huwa stess li jgħammed bi prokura ġewwa t-tempju. Ibni ta’ 17-il sena m’ilux għammed lili f’ isem uħud mill-antenati tagħna. It-tnejn li aħna ħassejna fina gratitudni mill-aktar profondi għas-Saċerdozju Aroniku u għall-privileġġ li aħna għandna li nistgħu nagħmlu dan għas-salvazzjoni ta’ wlied Alla.

Intom il-ġuvintur, hekk kif b’ diliġenza intom tingaġġaw ruħkom fid-dmirijiet tagħkom tas-saċerdozju, intom tkunu qed tipparteċipaw flimkien ma’ Alla fil-ħidma Tiegħu “li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”26 Esperjenzi bħal dawn ikabbru x-xewqa tagħkom u jħejjukom biex bħala missjunarji intom tgħallmu l-indiema u tgħammdu lil dawk li jikkonvertu. Huma jħejjukom ukoll għal ħajja ta’ servizz fis-Saċerdozju Melkisedeku.

Ġwanni l-Battista, l-Eżempju Tagħna

Aħna, li nħaddnu s-Saċerdozju Aroniku, għandna l-privileġġ u d-dmir li nkunu qaddejja flimkien ma’ Ġwanni l-Battista. Ġwanni ntbagħat bħala messaġġier awtorizzat biex jagħti xhieda ta’ Kristu u biex jistieden lil kulħadd biex jindem u jitgħammed—jiġifieri, huwa eżerċita l-imfietaħ tas-Saċerdozju Aroniku li aħna ddiskutejna. Imbagħad Ġwanni ddikjara, “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni … : hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.”27

Għalhekk, is-Saċerdozju Aroniku, bl-imfietaħ tal-ministeru tal-anġli u l-evanġelju preparatorju, iħejji t-triq biex ulied Alla jirċievu, permezz tas-Saċerdozju Melkisedeku, id-don tal-Ispirtu s-Santu, l-akbar don li aħna nistgħu nirċievu f’ din il-ħajja.28

X’ responsabbiltà mill-aktar profonda li Alla ta lil dawk li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku!

Stedina u Wegħda

Intom, il-ġenituri u l-mexxejja tas-saċerdozju, intom tagħrfu veramentl-importanza tal-kunsill tal-President Monson li jgħin lill-ġuvintur jifhmu “xi tfisser … li tħaddan is-saċerdozju ta’ Alla”?29 Li huma jifhmu u jkabbru s-Saċerdozju Aroniku iħejjihom biex huma jkunu rġiel li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku b’ mod fidil, missjunarji mimlijin qawwa u rġiel miżżewġin u missirijiet twajba.Permezz tas-servizz tagħhom, huma jkunu jistgħu jifhmu u jħossu r-realtà tal-qawwa tas-saċerdozju, il-qawwa li wieħed jaġixxi f’ isem Kristu għas-salvazzjoni ta’ wlied Alla.

Intom il-ġuvintur, Alla għandu ħidma għalikom xi twettqu.30 L-ordinazzjoni tagħkom fis-Saċerdozju Aroniku hija fil-qofol tal-ħidma tagħna biex ngħinu lil ulied Alla jirċievu l-qawwa tal-att tal-fidwa ta’ Kristu. Jiena nwegħidkom li hekk kif intom tpoġġu dawn id-dmirijiet sagri fiċ-ċentru ta’ ħajjitkom, intom tħossu l-qawwa ta’ Alla aktar minn qatt qabel. Intom tibdew tifhmu l-identità tagħkom bħala wlied Alla, imsejħin b’ sejħa qaddisa biex twettqu l-ħidma Tiegħu. U, bħal Ġwanni l-Battista, intom tgħinu tħejju t-triq għall-miġja ta’ Ibnu. Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed f’ isem Ġesu Kristu, amen.

Noti

  1. Hekk ġara lil Mosè. Wara l-laqgħa meraviljuża tiegħu ma’ Alla, huwa beda jħares lejh innifsu b’ mod differenti—bħala bin Alla. Din il-perspettiva għenitu jirreżisti lil Satana, li sejjaħlu “bin il-bniedem” (ara Moses 1:1–20). Ara wkoll Thomas S. Monson, “See Others as They May Become,” Liahona, Nov. 2012, 68–71; Dale G. Renlund, “Through God’s Eyes,” Liahona, Nov. 2015, 93–94.

  2. Thomas S. Monson, laqgħa tal-konferenza ġenerali għat-tmexxija, Mar. 2011.

  3. Ara Dale G. Renlund, “The Priesthood and the Savior’s Atoning Power,” Liahona, Nov. 2017, 64–67.

  4. Ara 2 Nephi 31–32; 3 Nephi 11:30–41; 27:13–21; Ether 4:18–19; Moses 6:52–68; 8:24.

  5. Moroni 10:32; ara wkoll Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service (2004), 6.

  6. Ara Doctrine and Covenants 13:1; 84:26–27; 107:20.

  7. Rumani 10:14–15, 17. Joseph Smith għallem din l-istess verità: “Il-fidi niżviluppawha billi nisimgħu l-kelma ta’ Alla, permezz tat-testimonjanza tal-qaddejja ta’ Alla; dik it-testimonjanza dejjem tkun akkumpanjata mill-Ispirtu tal-profezija u r-rivelazzjoni” (Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 385).

  8. Moroni 7:22; ara Alma 12:28–30; 13:21–24; 32:22–23; 39:17–19; Helaman 5:11; Moroni 7:21–25, 29–32; Doctrine and Covenants 20:35; 29:41–42; Moses 5:58; ara wkoll Mattew 28:19; Rumani 10:13–17.

  9. Ara George Q. Cannon, Gospel Truth, sel. Jerreld L. Newquist (1987), 54.

  10. Ara James Strong, The New Strong’s Exhaustive Concordance of the Bible (1984), sezzjoni tad-dizzjunarju tal-Ebrajk u l-Kaldi, 66, sezzjoni tad-dizzjunarju tal-Grieg, 7.

  11. Doctrine and Covenants 20:59.

  12. Ara Henry B. Eyring, “Biex Huwa Wkoll Ikun Jista’ Jissaħħaħ,” Liahona, Nov. 2016, 75–78; Alma 17:3; Helaman 5:18; 6:4–5; Doctrine and Covenants 28:3.

  13. Ara 1 Ġwanni 2:14; Alma 17:2; 26:13; 32:42. Fulfilling My Duty to God: For Aaronic Priesthood Holders huwa għodda mill-aktar prezzjuża biex tgħinkom twettqu dan.

  14. Doctrine and Covenants 11:21; ara wkoll Doctrine and Covenants 84:85.

  15. Ara 2 Nephi 32:3; Doctrine and Covenants 42:14; 50:17–22.

  16. Ara Moroni 7:25.

  17. Russell M. Nelson, “Honoring the Priesthood,” Ensign, Mejju 1993, 40; ara wkoll Alma 27:4.

  18. Ara Alma 34:17; Helaman 14:13.

  19. Doctrine and Covenants 84:27.

  20. Ara Doctrine and Covenants 20:46, 51–59, 73–79. Fulfilling My Duty to God: For Aaronic Priesthood Holders huwa għodda mill-aktar prezzjuża biex tgħinna nifhmu d-dmirijiet tagħna.

  21. Gordon B. Hinckley, “The Aaronic Priesthood—a Gift from God,” Ensign, Mejju 1988, 46.

  22. Il-Presbiteru D. Todd Christofferson spjega: “Il-magħmudija tal-ilma hija l-aħħar u l-akbar pass fil-proċess tal-indiema. Ir-rinunzja tad-dnub, flimkien mal-patt ta’ ubbidjenza tagħna, iwasslu għall-indiema tagħna; fil-fatt, l-indiema ma tkunx kompluta mingħajr dak il-patt” (“Building Faith in Christ,” Liahona, Sett. 2012, 14–15). Ara wkoll D. Todd Christofferson, “The Divine Gift of Repentance,” Liahona, Nov. 2011, 38–41; Joseph Smith Translation, Matthew 26:24 (fl-appendiċi tal-Bibbja).

    L-ordinanza tas-sagrament tagħtina “opportunità biex kull ġimgħa aħna nġeddu l-patti sagri li jagħtuna ċ-ċans li ngawdu mill-grazzja tal-fidwa tas-Salvatur bl-istess effett spiritwali li jnaddafna tal-magħmudija u l-konferma” (“Understanding Our Covenants with God,” Liahona, Lulju 2012, 21). Ara wkoll Dallin H. Oaks, “Always Have His Spirit,” Ensign, Nov. 1996, 59–61.

  23. Dallin H. Oaks, “The Aaronic Priesthood and the Sacrament,” Liahona, Jan. 1999, 44.

  24. Il-Presbiteru David A. Bednar spjega: “L-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni li huma amministrati fil-Knisja rrestawrata tal-Mulej huma aktar minn sempliċiment ritwali jew atti simboliċi. Pjuttost, huma jikkonstitwixxu metodi awtorizzati li permezz tagħhom il-barkiet u l-qawwiet tas-sema jistgħu jsiru parti mill-ħajja individwali tagħna” (“Always Retain a Remission of Your Sins,” Liahona, Mejju 2016, 60).

  25. Doctrine and Covenants 20:73.

  26. Moses 1:39.

  27. Mattew 3:11.

  28. Ħafna mexxejja tal-Knisja identifikaw l-Ispirtu s-Santu bħala l-akbar rigal li jista’ jkollna fil-ħajja mortali tagħna.

    Il-President Dallin H. Oaks qal, “Li jkollna dejjem magħna s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu hija l-aktar possessjoni prezzjuża li aħna jista’ jkollna fil-ħajja mortali tagħna” (“The Aaronic Priesthood and the Sacrament,” Liahona, Jan. 1999, 44).

    Il-Presbiteru Bruce R. McConkie għallem: “Jekk inħarsu minn perspettiva eterna, il-ħajja eterna hija l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla. Iżda jekk inħarsu biss mill-perspettiva mortali, id-don tal-Ispirtu s-Santu huwa l-akbar rigal li bniedem mortali jista’ jgawdi” ” Instructor, Frar 1965, 57).

    Il-President Wilford Woodruff xehed: “Jekk intom ikollkom magħkom l-Ispirtu s-Santu—li kulħadd għandu jkollu—jiena ngħidilkom li m’hemm l-ebda barka akbar, m’hemm l-ebda testimonjanza akbar mogħtija lill-bniedem fid-dinja. Intom tafu tesperjenzaw l-amministrazzjoni tal-anġli; intom tafu taraw b’ għajnejkom ħafna mirakli; intom tafu taraw bosta għeġubijiet; iżda jiena niddikjara li d-don tal-Ispirtu s-Santu huwa l-akbar rigal li jista’ jingħata lill-bniedem” (Teachings of Presidents of the Church: Wilford Woodruff [2004], 49).

    U l-Presbiteru David A. Bednar żied: “Il-kmandamenti mingħand Alla li aħna nobdu u l-kunsill ispirat mingħand il-mexxejja tal-Knisja li aħna nimxu warajh prinċipalmentjiffokaw fuq li aħna niksbu s-sħubija tal-Ispirtu. Fundamentalment, it-tagħlim u l-attivitajiet tal-evanġelju huma ċċentrati fuq li aħna nersqu lejn Kristu billi nirċievu l-Ispirtu s-Santu f’ ħajjitna” (“Receive the Holy Ghost,” Liahona, Nov. 2010, 97).

  29. Thomas S. Monson, laqgħa tal-konferenza ġenerali għat-tmexxija, Mar. 2011.

  30. Ara Moses 1:6.