Konferenza Ġenerali
Tibżax: Biss Inti Emmen!
konferenza ġenerali April 2022


Tibżax: Biss Inti Emmen!

Ibdew it-tfittxija tagħkom għall-kuntentizza billi tħaddnu t-tajjeb li diġà rċevejtu mingħand dak li jagħtina kull rigal tajjeb.

Jien se nindirizza d-diskors tiegħi llum liż-żgħażagħ tal-Knisja, jiġifieri lil dawk kollha li huma tal-età tal-President Russell M. Nelson jew iżgħar. Rari nuża viżwali, iżda llum ma jtinix li ma nużax din.

Immaġni
Ittra minn Marin Arnold

Din il- cri de couer irċevejtha mingħand il-ħabiba tiegħi Marin Arnold, li għandha tmien snin iżda kitbitha meta kellha seba’ snin. Se nittraduċilkom l-Eġizzjan riformat tagħha:

Għażiż Isqof,

Il-konferenza ġenerali

kienet vera tedjanti għalfejn

Ikollna

Nagħmluha? għidli għalfejn

Dejjem tiegħek, Marin

Arnold.1

Mela, Marin, id-diskors li se nagħti bla dubju se jerġa’ jiddiżappuntak. Iżda meta tikteb lill-isqof tiegħek biex tagħmel ilment, importanti li tgħidlu li jien jisimni “Kearon. Il-Presbiteru Patrick Kearon.”

Għal kważi sentejn sħaħ pandemija ta’ proporzjonijiet bibliċi ħakmet lill-pjaneta tagħna, u filwaqt li dik il-pesta staġnat kważi kull ħaġa soċjali, ovvjament, ma waqqfitx politikament il-brutalità, il-vjolenza, u l-aggressjoni krudili—nazzjonali jew internazzjonali. U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, għadna niffaċċjaw sfidi fit-tul soċjali u kulturali, li jvarjaw minn deprivazzjoni ekonomika sa ħsara ambjentali għal inugwaljanza razzjali u aktar.

Irwiefen qawwija u jiem mudlama bħal dawn jistgħu jaqtgħu qalb iż-żgħażagħ fostna, dawk li lejhom inħarsu għall-ottimiżmu u l-entużjażmu fejn jidħol l-għada ta’ ħajjitna. Intqal li “il-qawwa taż-żgħażagħ hija l-ġid komuni għad-dinja kollha. Iż- … żgħażagħ … huma l-uċuħ tal- … ġejjieni tagħna.”2 Barra minn hekk, uliedna huma l-werrieta li f’idejhom se jitpoġġa d-destin ta’ din il-Knisja.

Meta tikkonsidra ż-żminijiet kurrenti li qegħdin fihom, tifhem li l-idealiżmu taż-żgħażagħ qed jonqos xi ftit. Dott. Laurie Santos, professur fl-Università ta’ Yale, m’ilux ħolqot kors bl-isem Psikoloġija u l-Ħajja Tajba. “L-ewwel sena li ġie offrut il-kors, kważi kwart tal-grupp [sħiħ] tal-istudenti mhux gradwati nkitbu fiha.”3 Wara, ’il fuq minn 64 miljun persuna żaru l-podcast tagħha. Meta kitbet dwar dan il-fenomenu, waħda ġurnalista nnotat kemm kienet ħaġa diffiċli tara daqstant studenti żgħażagħ u intelliġenti—u anke adulti—b’disperazzjoni “jfittxu xi ħaġa li huma tilfu” jew, agħar minn hekk, jittamaw għal xi ħaġa li qatt ma kellhom.4

L-appell tiegħi llum liż-żgħażagħ tagħna, u lilkom il-ġenituri u l-adulti li tiggwidawhom, hu li tibdew it-tfittxija tagħkom għall-kuntentizza billi tħaddnu t-tajjeb li diġà rċevejtu mingħand dak li jagħtina kull rigal tajjeb.5 Fil-mument preċiż li bosta fid-dinja qed jistaqsu mistoqsijiet profondi tar-ruħ, aħna jeħtieġ li nweġbuhom permezz tal-“aħbar it-tajba”6 tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, li twassal il-missjoni u l-messaġġ tas-Salvatur tad-dinja, toffri l-aktar mod eternament sinifikanti kemm biex insibu t-tajjeb kif ukoll biex nagħmlu t-tajjeb fi żmien daqstant bżonnjuż.

Il-President Russell M. Nelson qal li din il-ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ għandha l-kapaċità li jkollha “impatt akbar għat-tajjeb fuq id-dinja mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilha.”7 Aħna, aktar minn kull nies oħra, għandna għalfejn “inkantaw l-għanja tal-imħabba feddejja,”8 iżda dan jeħtieġ minna d-dixxiplina—“id-dixxipulat,” tista’ ssejħilha—dik it-tip li tipproteġina kontra ċerti attitudnijiet u vizzji distruttivi li joħorġuna ’l barra mit-tonalità t-tajba hekk kif nippruvaw inkantaw dik l-għanja tas-salvazzjoni eterna.

Anke jekk nibqgħu “fuq in-naħa xemxija tat-triq,”9 minn żmien għall-ieħor nistgħu naħbtu ma’ dak l-individwu li hu determinat li jsib xi ħaġa skoraġġanti u ħażina dwar kollox. Il-motto tiegħu tafuh: “L-aktar li jkun dlam hu qabel jiġi dlam ċappa.” X’viżjoni malinna u x’eżistenza miżerabbli! Iva, xi kultant inkunu rridu naħarbu minn fejn ninsabu, iżda ċertament m’għandna qatt naħarbu minn dak li aħna—ulied Alla l-ħaj li jħobbna, li hu dejjem lest li jaħfrilna, u li qatt u qatt ma jabbandunana. Intom l-aktar possessjoni prezzjuża tiegħu. Intom uliedu, li għalikom Huwa ta profeti u wegħdiet, doni spiritwali u rivelazzjonijiet, mirakli u messaġġi, u anġli fuq iż-żewġ naħat tal-velu.10

Hu takom ukoll knisja li ssaħħaħ il-familji għall-mortalità u torbothom flimkien għall-eternità. Tipprovdi aktar minn 31,000 qasam u fergħa li fihom in-nies jinġabru u jkantaw u jsumu, u jitolbu għal xulxin u jagħtu minn dak li għandhom lill-foqra. Dan hu fejn kull persuna għandha isem, tgħodd, u tiġi mministrata, u fejn ħbieb u ġirien lajċi jservu b’mod volontarju lil xulxin f’sejħiet li jvarjaw minn ħidma klerikali għal dmir ta’ kustodja. Eluf ta’ adulti żgħażagħ—kif ukoll koppji anzjani—iservu missjonijiet minn buthom bla ma jkunu jafu fejn se jservu, u membri kbar u żgħar jerħulha lejn it-tempji biex iwettqu ordinanzi sagri neċessarji biex jorbtu l-familja umana flimkien—attività tant importanti f’dinja daqstant maqsuma iżda waħda li tiddikjara li din it-tip ta’ firda hija biss temporanja. Dawn huma ftit mir-raġunijiet li nagħtu għat-“tama li tinsab fina.”11

Bla dubju, fi żmienna, kwalunkwe dixxiplu ta’ Ġesù Kristu qed jiffaċċja problemi mill-aktar diffiċli. Il-mexxejja ta’ din il-Knisja qed jagħtu ħajjithom biex ifittxu l-gwida tal-Mulej fir-reżoluzzjoni ta’ dawn l-isfidi. Jekk xi wħud ma jiġux risolti għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd, jista’ jkun li huma jikkonstitwixxu parti mis-salib li Ġesù qal li jeħtieġ inġorru sabiex nimxu warajh.12 Hu preċiżament għaliex se jkun hemm żminijiet mudlama u problemi diffiċli li Alla wiegħed li Hu, minn sħaba matul il-jum u kolonna tan-nar matul il-lejl, sejjer jiggwida lill-profeti, jagħti virga tal-ħadid, jiftaħ bieb dejjaq li jwassal għal mogħdija stretta, u fuq kollox jagħtina l-qawwa li ntemmu l-vjaġġ.13

Għalhekk jekk jogħġobkom, ibqgħu għall-ikla kollha anke jekk m’intomx ċerti mill-brokkoli. Imxu fid-dawl tiegħu u isilfu x-xemgħa tagħkom għall-kawża.14 Sewwa jgħidu fil-Primarja: Ġesù verament “iridkom bħala raġġ tax-xemx.”15

Meta l-mexxej Lhudi Ġajru talab lil Ġesù biex ifejjaq lil bintu ta’ 12-il sena li kienet qiegħda tmut id-dar, il-folla tant żammet lis-Salvatur lura li wieħed qaddej mar jiġri fuq il-missier anzjuż u qallu, “Bintek mietet; tħabbtux iżjed lill-Imgħallem.”

“Iżda Ġesù, meta sama’ dan, qal lill-kap: Tibżax, biss inti emmen, u hi tfiq.”16

U hekk ġara. U anke intom. “Tibżax: biss inti emmen.”

Peress li lkoll kemm intom f’din l-udjenza intom prezzjużi għal Alla u għal dil-Knisja, jien se nagħlaq b’din id-dikjarazzjoni appostolika speċjali. Qabel ma intom irċevejtu d-don tal-Ispirtu s-Santu, intom kellkom fil-fond ta’ ruħkom id-Dawl ta’ Kristu,17 dak “id-dawl li jinsab f’kollox, … jagħti l-ħajja lil kollox,”18 u huwa l-influwenza għat-tajjeb fil-qlub tan-nies kollha li qatt għexu jew iridu jgħixu. Dak id-dawl ġie mogħti biex jipproteġikom u jgħallimkom. Wieħed mill-messaġġi ewlenin tiegħu hu li l-ħajja hija l-aktar rigal prezzjuż fost ir-rigali kollha, rigal li jista’ jinkiseb eternament biss permezz tal-Espjazzjoni tal-Mulej Ġesù Kristu. Bħala d-Dawl u l-Ħajja tad-Dinja,19 l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla ġie biex jagħtina l-ħajja billi għeleb il-mewt.

Jeħtieġ nikkommettu ruħna b’mod sħiħ għal dak ir-rigal tal-ħajja u naraw kif ngħinu lil dawk li jinsabu f’riskju li jitilfu dan ir-rigal sagru. Intom il-mexxejja, il-konsulenti, il-ħbieb, u l-familja—oqogħdu attenti għal xi sinjali ta’ dipressjoni, disperazzjoni, jew xi ħjiel li persuna qed tweġġa’ lilha nnifisha. Offru li tgħinuha. Isimgħuha. Agħmlu xi tip ta’ intervent kif inhu xieraq.

Lilkom iż-żgħażagħ li qed tisimgħuni li qed issibuha diffiċli, huma x’inhuma l-problemi jew id-diffikultajiet tagħkom, li tmutu permezz ta’ suwiċidju bla dubju mhuwiex is-soluzzjoni. Dan mhuwiex se jnaqqas l-uġigħ li qed tħossu jew li taħsbu li qegħdin tikkawżaw. F’dinja li għandha bżonn kemm jista’ jkun dawl, jekk jogħġobkom araw li ma tinjorawx id-dawl etern li Alla poġġa fir-ruħ tagħkom minn qabel ma nħolqot din id-dinja. Tkellmu ma’ xi ħadd. Itolbu l-għajnuna. Araw li ma teqirdux ħajja li Kristu ta l-ħajja tiegħu biex jippreservaha. Intom tistgħu tissaportu d-diffikultajiet ta’ dil-ħajja mortali għaliex aħna ngħinukom iġġorruhom. Intom aktar b’saħħitkom milli taħsbu. L-għajnuna hija disponibbli, mingħand ħaddieħor u speċjalment mingħand Alla. Intom maħbubin u apprezzati u meħtieġa. Aħna għandna bżonnkom! “Tibżax: biss inti emmen.”

Xi ħadd li ffaċċja ċirkustanzi ferm aktar ta’ disperazzjoni minkom u minni, darba għajjat: “Ibqgħu mexjin ’il quddiem għeżież żgħażagħ ħbieb tiegħi. Kuraġġ, … u ibqgħu mexjin sar-rebħa! Ħallu lil qalbkom tifraħ, u kunu verament kuntenti.”20 Verament għandna għalfejn inkunu kuntenti. Għandna lil xulxin, u għandna lilu. Nitlobkom biex ma ċċaħduniex miċ-ċans li ngawdukom, fl-isem sagru u qaddis tal-Mulej Ġesù Kristu, l-Imgħallem tagħna, ammen.