Konferenza Ġenerali
Ngħallmu l-Awto-Dipendenza lit-Tfal u ż-Żgħażagħ
konferenza ġenerali April 2022


Ngħallmu l-Awto-Dipendenza lit-Tfal u ż-Żgħażagħ

Ejjew nimxu wara s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu billi nkunu awto-dipendenti tul ħajjitna, u ngħallmu dan lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

Se nitkellem dwar l-awto-dipendenza u kif nistgħu ngħallmuha lit-tfal u ż-żgħażagħ. L-awto-dipendenza jaf hawn min iħares lejha bħala xi ħaġa għall-adulti. L-esperjenza għallmitni li l-aktar adulti viċin li jkunu awto-dipendenti huma dawk li ġew mgħallmin l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u ilhom jipprattikaw id-duttrina u l-prinċipji tiegħu mit-tfulija u ż-żgħożija.

L-aħjar mod kif nista’ nispjegalkom dan hu permezz ta’ eżempju eċċellenti mir-realtà tal-ħajja. Wilfried Vanie, is-seba’ ħutu, u ommu ngħaqdu mal-Knisja f’Abidjan, fil-Kosta tal-Avorju, meta kellu sitt snin. Huwa tgħammed meta kellu tmien snin. Missieru, li kien jipprovdi l-għajxien ewlieni fil-familja, miet meta Wilfried kellu ħdax-il sena.

Minkejja li ħassu mnikket minħabba s-sitwazzjoni fil-familja, Wilfried iddeċieda li jkompli l-iskola bl-inkuraġġiment ta’ ommu u l-appoġġ mill-Knisja. Huwa ggradwa mill-iskola sekondarja u serva missjoni full-time fil-Missjoni ta’ Cape Coast, fil-Ghana, fejn hemm tgħallem l-Ingliż. Wara l-missjoni tiegħu, huwa mar l-università u kiseb diploma fl-ekkawnts u l-finanzi. Minkejja li ma kienx faċli li jikseb impjieg f’dan il-qasam, huwa sab jaħdem fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità.

Hu beda bħala wejter ġo lukanda ta’ ħames stilel, iżda l-passjoni tiegħu li javvanza wasslitu biex ikompli jitgħallem sakemm sar receptionist bilingwi hemmhekk. Meta fetħet lukanda ġdida, hu ġie impjegat bħala awditur ta’ billejl. Aktar tard hu nkiteb f’BYU–Pathway Worldwide u bħalissa qed jistudja kors biex jikseb ċertifikat fl-ospitalità u l-maniġment tat-turiżmu. Ix-xewqa tiegħu hi li xi darba jsir maniġer ta’ lukanda ta’ livell għoli. Wilfried jista’ jipprovdi għas-sieħba eterna tiegħu u għaż-żewġ uliedhom, kif ukoll jista’ jgħin lil ommu u lil ħutu. Bħalissa hu qed iservi fil-Knisja bħala membru tal-kunsill il-kbir tal-wited.

L-awto-dipendenza nistgħu niddefinixxuha bħala “l-abbiltà, l-impenn, u l-isforz biex nipprovdu l-bżonnijiet spiritwali u temporali tal-ħajja, għalina u għall-familja.”1 Li nagħmlu li nistgħu biex inkunu awto-dipendenti hi parti mill-ħidma tagħna tul it-triq tal-patt li twassalna lura għand Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu. Tgħinna nsaħħu l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u b’ferħ torbotna miegħu permezz tal-patti u l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni. L-awto-dipendenza hija duttrina tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, mhux xi programm. Hija proċess li jdum ħajjitna kollha, mhux xi avveniment.

Aħna nsiru awto-dipendenti tul ħajjitna billi nikbru fil-qawwa spiritwali, intejbu s-saħħa fiżika u emozzjonali tagħna, billi niksbu l-edukazzjoni u impjieg, u billi nkunu mħejjijin b’mod temporali.2 Se jasal xi żmien f’ħajjitna meta ngħidu issa lest minn dan? Le, dan hu proċess ta’ tagħlim, tkabbir, u ħidma għal tul ħajjitna. Ma jintemm qatt; huwa proċess kontinwu ta’ kuljum.

Kif nistgħu ngħallmu d-duttrina u l-prinċipji tal-awto-dipendenza lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna? Mod importanti hu li napplikaw regolarment il-prinċipji tal-programm Tfal u Żgħażagħ. Il-ġenituri u t-tfal jitgħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, jipparteċipaw fis-servizz u fl-attivitajiet, u jaħdmu flimkien fl-erba’ oqsma tal-iżvilupp personali li huma uniċi għal kull tifel u tifla. M’għadux aktar l-istess programm preskritt għal kulħadd.

Iċ- Children’s Guidebook jgħid: “Meta Ġesù kien daqsek, Huwa tgħallem u kiber. Int ukoll qed titgħallem u tikber. L-iskrittura tgħid: ‘Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin, u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin’ (Luqa 2:52).”3 Din l-iskrittura tirreferi għat-tkabbir u t-tagħlim fl-aspett spiritwali, bħala l-grazzja quddiem Alla; fl-aspett soċjali, il-grazzja quddiem il-bniedem; fl-aspett fiżiku, is-snin; u fl-aspett intelletwali, l-għerf. Dawn l-oqsma ta’ żvilupp japplikaw għalina lkoll irrispettivament l-età tagħna. Meta għandna ngħallmuhom? F’ Dewteronomju 6:6–7 naqraw:

“Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum:

“Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.”

Aħna ngħallmu dawn il-ħwejjeġ lil uliedna permezz tal-eżempju tajjeb tagħna, u billi naħdmu u nservu magħhom, nistudjaw l-iskrittura, u nimxu wara t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu kif mgħallem mill-profeti.

Jien semmejt li fil-programm Tfal u Żgħażagħ, it-tfal jagħżlu għanijiet differenti f’kull waħda mill-erba’ oqsma ta’ żvilupp. Importanti li huma joħolqu l-għanijiet tagħhom f’kull qasam. Il-ġenituri u l-għalliema jistgħu jgħallmu, jiddiskutu, u juruhom appoġġ.

Per eżempju, in-neputija tagħna Miranda tħossha verament motivata li tikber spiritwalment hekk kif tieħu sehem fil-klassijiet tas-seminarju ta’ kmieni filgħodu. Hi bdiet tinteressa ruħha billi tisma’ kummenti pożittivi minn studenti tas-seminarju oħra fil-qasam tagħha. Ommha m’għandhiex għalfejn toqgħod tqajjimha għall-klassi. Hi tqum weħidha u tkun diġà kkonnettjata mal-konferenza bil-vidjo fil-ħin mifthiem tas-sitta u għoxrin ta’ filgħodu għax hi żviluppat ċerti drawwiet tajbin li jgħinuha tagħmel dan. M’ilux il-ġenituri tiegħi qaluli li Miranda issa qed titkellem ferm aktar meta tmur iżżurhom, għax kibret fl-awtostima magħha. Dawn huma lezzjonijiet għall-ħajja u l-iżvilupp b’riżultati evidenti.

Il-ġenituri, in-nanniet, il-mexxejja, u l-ħbieb jassistu fit-tkabbir u l-iżvilupp tat-tfal. L-aħwa li jimministraw b’impenn sħiħ, flimkien mal-mexxejja tas-saċerdozju u tal-organizzazzjoni tal-qasam jipprovdu s-sapport tagħhom. “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” tgħid: “Skont pjan divin, il-missirijiet għandhom jippresedu fuq il-familji tagħhom bl-imħabba u s-sewwa, u huma responsabbli li jipprovdu l-bżonnijiet tal-ħajja u l-protezzjoni għall-familji tagħhom. L-ommijiet huma responsabbli primarjament mit-trobbija ta’ wliedhom. F’dawn ir-responsabbiltajiet sagri, il-missierijiet u l-ommijiet għandhom l-obbligu li jgħinu lil xulxin bħala sħab indaqs. … Il-familji estiżi għandhom jipprovdu l-appoġġ tagħhom meta jkun meħtieġ.”4 L-aħħar linja tirreferi, fost l-oħrajn, għan-nanniet.

Waqt li qed inservu fil-Punent tal-Afrika, marti Nuria għamlet biċċa xogħol meraviljuża timministra u tibqa’ f’kuntatt mal-familja u n-neputijiet tagħna fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku. Hi tagħmel dan bl-użu tat-teknoloġija. Hi taqra l-kotba lin-neputijiet aktar żgħar. Hi tgħallem lin-neputijiet aktar kbar suġġetti bħall-istorja tal-familja tagħna, ix-xjenza, l-istorja tal-Puerto Rico, l-Artikli tal-Fidi, u l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Illum il-ġurnata d-distanza ma tillimitax il-konnessjoni, l-appartenenza, il-ministeru, u t-tagħlim tagħna fost il-ġenerazzjoni li għadha tielgħa fil-familji tagħna. Meta nkun nista’, anke jiena ningħaqad ma’ Nuria biex ngħallem lin-neputijiet għeżież tagħna, nurihom mħabbti, u nfissidhom u ndaħħaqhom xi ftit.

Jeħtieġ tinnotaw ix-xebh ispirat li hemm bejn il-programm Tfal u Żgħażagħ u l-bini tal-awto-dipendenza. Kull waħda mill-erba’ oqsma ta’ żvilupp hi verament simili. Il-qawwa spiritwali fl-awto-dipendenza hi relatata mal-ispiritwali fi Tfal u Żgħażagħ. Is-saħħa fiżika u emozzjonali fl-awto-dipendenza tingħaqad mal-fiżiku u s-soċjali fi Tfal u Żgħażagħ. L-edukazzjoni, l-impjieg, u t-tħejjija temporali fl-awto-dipendenza jixbhu l-intelletwali fil-programm Tfal u Żgħażagħ.

Biex nagħlaq, ejjew nimxu wara s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu billi nkunu awto-dipendenti tul ħajjitna, u ngħallmu dan lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. L-aħjar mod kif nagħmlu dan hu billi

  1. inkunu ta’ eżempji tajjeb ta’ servizz lejn ħaddieħor,

  2. ngħixu u ngħallmu d-duttrina u l-prinċipji tal-awto-dipendenza, u

  3. nobdu l-kmandament li nibnu l-awto-dipendenza bħala parti mill-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Doctrine and Covenants 104:15–16 jgħid:

“Hu l-għan tiegħi li nipprovdi għall-qaddisin tiegħi, għax kull ħaġa hija tiegħi.

“Iżda jeħtieġ li dan isir bil-mod li rrid jien; u araw dan hu l-mod li jien, il-Mulej, ordnajt ħalli nipprovdi għall-qaddisin tiegħi, biex il-foqra jogħlew, filwaqt li l-għonja jitniżżlu.”

Din hi l-Knisja ta’ Ġesù Kristu. L-evanġelju tiegħu jbierek lill-familji hawn fuq din l-art u tul l-eternitajiet. Jiggwidana f’ħajjitna hekk kif nagħmlu li nistgħu biex insiru familji eterni. Jien naf li dan huwa minnu. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 22.0, ChurchofJesusChrist.org.

  2. Ara General Handbook, 22.1.

  3. Personal Development: Children’s Guidebook (2019), 4.

  4. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” ChurchofJesusChrist.org.