2010-2019
Il-Parteċipazzjoni tal-Aħwa Nisa fil-Ġabra ta’ Iżrael
Ottubru 2018


Il-Parteċipazzjoni tal-Aħwa Nisa fil-Ġabra ta’ Iżrael

Qed nestendi appell profetiku lilkom, in-nisa tal-Knisja, biex tfasslu l-futur billi tgħinu fil-ġabra ta’ wlied Iżrael imxerrdin ma’ kullimkien.

Kemm hija ħaġa sabiħa li ninsab hawn magħkom, għeżież ħuti mill-aktar prezzjużi. Nittama li esperjenza li jien kelli m’ilux tagħtikom idea dwar kif jiena nħossni dwarkom u dwar l-abbiltajiet divini li intom mogħnijin bihom.

Darba waħda meta kont qed nitkellem ma’ kongregazzjoni ġewwa l-Amerka t’ Isfel, jiena tant bdejt nidħol b’ passjoni fis-suġġett li kont qed nindirizza li f’ dak il-mument kruċjali, jiena għidt “Bħala omm ta’ għaxart itfal, jiena nista’ ngħidilkom li …” U mbagħad komplejt bil-messaġġ tiegħi.

Lanqas biss kont irrealizzajt li kont użajt il-kelma omm. It-traduttur, li kien assuma li jiena kont għidt kelma bi żball, bidel il-kelma omm għal missier, biex b’hekk il-membri tal-kongregazzjoni qatt ma saru jafu li jien kont irreferejt għalija nnifsi bħala omm. Iżda marti Wendy semgħetni ngħidha, u hija verament iggustat iż-żelqa Freudjana tiegħi.

F’ dak il-mument, ix-xewqa kbira ta’ qalbi li jien nagħmel differenza fid-dinja—kif taf tagħmilha biss omm— spiċċajt esprimejtha b’ fommi. Tul ħajti, kull darba li jiena ġejt mistoqsi għalfejn jiena għażilt li nsir tabib, jiena dejjem weġibt bl-istess mod: “Għaliex ma stajtx nagħżel li nkun omm.”

Jekk jogħġobkom innutaw li kull meta jiena nuża l-kelma omm, jiena mhux biss inkun qed nirreferi għal dawk in-nisa li welldu l-ulied jew li adottaw it-tfal f’ ħajjithom. Jiena nkun qed nirreferi għall-ulied nisa adulti kollha tal-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet. Kull mara hija omm b’ virtù tad-destin divin u etern tagħha.

Għalhekk illejla, bħala missier ta’ għaxart itfal—disat ibniet u tifel—u bħala President tal-Knisja, jiena nitlob li intom verament tkunu tafu kif jiena nħossni dwarkom—dwar min intom verament u dwar it-tajjeb kollu li intom tistgħu twettqu. Ħadd ma jista’ jwettaq dak li kapaċi twettaq mara twajba. Ħadd ma jista’ jiddupplika l-influwenza ta’ mara.

L-irġiel huma kapaċi jikkomunikaw l-imħabba li Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur għandhom lejn l-oħrajn u ħafna drabi dan jirnexxielhom jagħmluh. Iżda n-nisa għandhom don speċjali f’ dan ir-rigward—għotja mqaddsa divina. Intom għandkom il-kapaċità li tħossu x’ verament jeħtieġ dak li jkun—u meta. Intom tistgħu tgħinu, tfarrġu, tgħallmu u ssaħħu lil dak li jkun fil-mument veru ta’ bżonn.

In-nisa jħarsu lejn l-affarijiet differenti mill-irġiel, u intom lanqas biss tistgħu timmaġinaw kemm aħna neħtieġu l-perspettiva tagħkom! In-natura tagħkom twassalkom biex taħsbu f’ ħaddieħor l-ewwel, li tikkunsidraw l-effett li kull ma tagħmlu jħalli fuq ħaddieħor.

Kif semma l-President Eyring, kienet l-Omm glorjuża tagħna Eva—bil-viżjoni mill-aktar influwenti tagħha tal-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet—li tat bidu għal dak li aħna nsejħulha “il-Waqgħa.” L-għażla għaqlija u kuraġġjuża tagħha u d-deċiżjoni ta’ Adam li jissapportjaha waslu biex ġabu fis-seħħ il-pjan ta’ ferħ ta’ Alla. Huma għamluha possibbli għal kull wieħed u waħda minna li niġu fid-dinja, li nirċievu ġisem, u nagħtu prova li aħna sejrin nagħżlu li niddefendu lil Ġesù Kristu bħalissa, l-istess kif għamilna fid-dinja primortali.

Għeżież ħuti, intom għandkom fikom ċerti doni u tendenzi spiritwali speċjali. Illejla jiena nitlobkom, bit-tama kollha f’ qalbi biex titolbu ħalli tifhmu x’inhuma d-doni spiritwali tagħkom—biex tikkultivawhom, tużawhom u tespanduhom saħansitra aktar milli għamiltu s’issa. Hekk kif tagħmlu dan intom taslu biex tibdlu d-dinja.

Bħala nisa, intom tispiraw lil ħaddieħor u tistabbilixxu ċertu standard li dak li jkun ikun jixtieq li jimitah. Ippermettuli nagħtikom ftit aktar informazzjoni dwar tnejn mill-affarijiet li ħabbarna fl-aħħar konferenza ġenerali li kellna. Intom, għeżież ħuti, kontu importanti f’ kull waħda minnhom.

L-ewwel, il-ministeru. L-istandard suprem għall-ministeru hu dak li wriena s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Ġeneralment, in-nisa huma, u minn dejjem kienu, aktar viċin ta’ dak l-istandard mill-irġiel. Meta intom tkunu qed timministraw verament, intom timxu wara dak li intom tħossu ġewwa fikom biex tgħinu lil ħaddieħor jesperjenza aktar l-imħabba tas-Salvatur. L-inklinazzjoni li timministraw hija xi ħaġa istintiva fin-nisa twajbin. Jiena naf nisa li kuljum jitolbu, “Lil min tridni ngħin illum?”

Qabel it-tħabbira li saret f’ April 2018 dwar il-mod ogħla u aktar qaddis kif aħna għandna nieħdu ħsieb ħaddieħor, it-tendenza ta’ xi rġiel kienet li huma jingassaw l-ismijiet ta’ dawk li huma kienu ġew assenjati li jżuru bħala għalliem tad-dar biex jindikaw li “lesti” u jkomplu b’ dak li għandhom jagħmlu.

Iżda meta intom ħassejtu li xi oħt li kontu l-għalliema taż-żjajjar tagħha kienet teħtieġ l-għajnuna, intom dejjem irrispondejtu minnufih u mbagħad komplejtu bis-servizz tagħkom matul ix-xahar. Għalhekk, kien il-mod kif intom dejjem għamiltu t-tagħlim taż-żjajjar tagħkom li ispirana biex aħna ngħaddu għas-servizz ogħla tal-ministeru.

It-tieni, fl-aħħar konferenza ġenerali, aħna rristrutturajna wkoll il-kwora tas-Saċerdozju Melkisedeku. Meta aħna bdejna nitolbu biex naraw kif kellna ngħinu lill-irġiel tal-Knisja jkunu aktar effettivi fir-responsabbiltajiet tagħhom, aħna, bir-reqqa kollha, ikkunsidrajna l-eżempju tas-Soċjetà tal-Għajnuna.

Fis-Soċjetà tal-Għajnuna, in-nisa ta’ etajiet diversi u fi stadju differenti tal-ħajja jiltaqgħu flimkien. Kull diċenju tal-ħajja jġib miegħu ċerti sfidi uniċi, u madankollu, ħarsu lejkom, ġimgħa wara ġimgħa, titħalltu flimkien, tikbru u tgħallmu l-evanġelju flimkien, u tagħmlu differenza vera fid-dinja.

Issa, isegwu l-eżempju tagħkom, hemm l-irġiel li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku li huma membri tal-kworum tal-presbiteri. L-età ta’ dawn l-irġiel tvarja minn 18-il sena sa 98 sena (forsi aktar), b’ esperjenzi daqstant varji fis-saċerdozju u fil-Knisja. Dawn l-aħwa issa jistgħu joħolqu ċerta rabta aktar b’ saħħitha bejniethom bħala aħwa, u jistgħu jitgħallmu flimkien kif ukoll ibierku lil ħaddieħor b’ mod aktar effettiv.

Tiftakru li f’ Ġunju li għadda, jien u Sister Nelson tkellimna maż-żgħażagħ tal-Knisja. Aħna stediniehom biex jinkitbu fil-battaljun taż-żgħażagħ tal-Mulej biex jgħinu fil-ġabra ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Din il-ġabra hija “l-akbar sfida, l-akbar kawża, u l-akbar ħidma fid-dinja llum”!1

F’ din il-kawża verament hemm il-ħtieġa tan-nisa, għaliex in-nisa jfasslu l-futur. Għalhekk illejla jien qed nestendi appell profetiku lilkom, in-nisa tal-Knisja, biex tfasslu l-futur billi tgħinu fil-ġabra ta’ wlied Iżrael imxerrdin ma’ kullimkien.

Minn fejn għandkom tibdew?

Ippermettuli noffri erba’ stediniet:

L-ewwel, jien nistedinkom biex tipparteċipaw f’ 10 ijiem sawm mill-midja soċjali u minn kull tip ta’ midja oħra li tista’ twasslilkom ċerti ħsibijiet negattivi u impuri f’ moħħkom. Itolbu biex tkunu tafu liema influwenzi għandkom twarrbu waqt is-sawma tagħkom. L-effett ta’ din is-sawma ta’ 10 ijiem jafu jissorprendukom. X’ tinnotaw wara li intom tagħmlu waqfa minn ċerti perspettivi tad-dinja li kienu qegħdin jaffettwaw ħażin l-ispirtu tagħkom? Ħassejtu fikom bħal bidla f’ dak li issa intom tixtiequ li tibdew tqattgħu aktar ħin u l-enerġija fih? Iċċaqalu xi ftit il-prijoritajiet tagħkom mill-ordni li kienu fiha qabel—anke jekk bi ftit? Nitlobkom biex tniżżlu kull ħsieb li jiġikom u wara araw li taġixxu skont kif imexxikom dak li tħossu.

It-tieni, jiena nistedinkom biex bejn issa u l-aħħar tas-sena intom taqraw il-Ktieb ta’ Mormon. Tidher kemm tidher bħala xi ħaġa impossibbli bl-affarijiet kollha li għandkom x’ tagħmlu f’ ħajjitkom, jekk intom taċċettaw din l-istedina b’ sinċerità kbira f’ qalbkom, il-Mulej jgħinkom issibu mod kif intom tistgħu twettqu dan. U, hekk kif intom tistudjaw bl-għajnuna tat-talb, jiena nwegħidkom li s-smewwiet jaslu biex iberkukom. Il-Mulej iberikkom b’ aktar ispirazzjoni u rivelazzjoni.

Hekk kif intom tkunu qed taqraw, jiena nħeġġiġkom biex timmarkaw kull vers li jitkellem dwar is-Salvatur jew li fih hemm xi referenza għalih. Imbagħad, araw li l-intenzjoni tagħkom tkun li titkellmu dwar Kristu, tifirħu fi Kristu u tippridkaw dwar Kristu mal-familji u l-ħbieb tagħkom.2 Kemm intom kif ukoll huma taslu biex tersqu aktar viċin is-Salvatur permezz ta’ dan il-proċess. U f’ ħajjitkom jibda jseħħ ċertu tibdil, kif ukoll iseħħu l-mirakli.

It-tħabbira li għamilna dalgħodu kienet tirrigwarda l-iskeda l-ġdida tal-Ħadd u l-kurrikulu iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja. Għeżież ħuti, intom is-sigriet għas-suċċess ta’ dan l-isforz ġdid ikkoordinat u bbilanċjat kif aħna ngħallmu l-evanġelju. Jekk jogħġobkom għallmu lil dawk li intom tħobbu x’intom qegħdin titgħallmu mill-iskrittura. Għallmuhom kif għandhom iduru lejn is-Salvatur għall-fejqan Tiegħu u l-qawwa Tiegħu li tista’ tnaddafhom meta huma jidinbu. U għallmuhom kif huma jistgħu jiddependu fuq il-qawwa Tiegħu li tista’ ssaħħahom f’ kull jum ta’ ħajjithom.

It-tielet, stabbilixxu mod kif intom tattendu t-tempju regolarment. Dan jaf jeħtieġ minnkom xi ftit aktar sagrifiċċju f’ ħajjitkom. Aktar ħin regolari ġewwa t-tempju jagħti ċans lill-Mulej li jgħallimkom kif intom tistgħu taċċessaw il-qawwa tas-saċerdozju Tiegħu li permezz tagħha intom ġejtu mogħnija fit-tempju Tiegħu. Għal dawk fostkom li toqogħdu ‘l bogħod minn xi tempju, jiena nistedinkom biex bl-għajnuna tat-talb tistudjaw dwar it-tempji kemm permezz tal-iskrittura kif ukoll permezz ta’ kliem il-profeti ħajjin. Fittxu li tkunu tafu aktar, li tifhmu aktar, li tħossu aktar dwar it-tempju minn qatt qabel.

Fid-devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ f’ Ġunju li għadda, jiena tkellimt dwar wieħed żagħżugħ li ħajtu inbidlet verament meta l-ġenituri tiegħu bidlulu l-ismartfon tiegħu u minfloku tawh mowbajl mingħajr aċċess għall-internet. Omm dan iż-żagħżugħ hija mara ta’ fidi mill-aktar kuraġġuża. Hija rat lil binha jinklina ruħu lejn ċerti għażliet li setgħu żammewh milli jservi missjoni. Hija marret titlob ġewwa t-tempju biex tkun taf kif setgħet l-aħjar tgħin lil binha. Imbagħad hija aġixxiet skont dak li ħasset ġewwa fiha.

Hija qalet: “Jiena ħassejt l-Ispirtu jiggwidani biex niċċekkja l-mowbajl ta’ ibni f’ ċerti ħinijiet speċifiċi biex nara niskoprix xi affarijiet speċifiċi. Jiena ma tantx naf ninnaviga dawn l-ismartfons, iżda l-Ispirtu ggwidani f’ dik il-midja soċjali li jien stess lanqas biss nuża! Jiena naf li l-Ispirtu jgħin lil dawk il-ġenituri li qed ifittxu li jiksbu ċerta gwida kif għandhom jipproteġu lil uliedhom. Għall-ewwel ibni verament ħassu rrabjat għalija. … Iżda wara biss tliet ijiem, huwa ġie jirringrazzjani! Huwa seta’ jara d-differenza.”

L-imġieba u l-attitudni ta’ ibni nbidlu drammatikament. Huwa sar jgħin aktar fid-dar, jitbissem aktar u attent aktar fil-knisja. Huwa verament kien kuntent li għadda żmien iservi fil-battisterju tat-tempju u jħejji lilu nnifsu biex iservi missjoni.

Ir-raba’ stedina, għalikom kollha, għandkom kemm għandkom età, hi li tipparteċipaw bi sħiħ fis-Soċjetà tal-Għajnuna. Inħeġġiġkom biex tistudjaw id-dikjarazzjoni kurrenti li tiddikjara x’inhu l-għan tas-Soċjetà tal-Għajnuna. Hija verament tispirakom. Taf ukoll tiggwidakom biex intom tiżviluppaw id-dikjarazzjoni li tiddikjara x’inhu l-għan tal-istess ħajjitkom. Jiena wkoll nitlobkom b’ ħerqa biex tesperjenzaw il-veritajiet li hemm fid-dikjarazzjoni tas-Soċjetà tal-Għajnuna li ġiet ippubblikata kważi 20 sena ilu.3 Kopja ta’ din id-dikjarazzjoni tinsab fi gwarniċ li hu mdendel mal-ħajt tal-uffiċċju tal-Ewwel Presidenza. Jiena nħossni kommoss kull darba li naqraha. Hi tiddeskrivi intom min intom u dan li jridkom tkunu l-Mulej preċiżament f’dan iż-żmien hekk kif intom tagħmlu l-parti tagħkom biex tgħinu fil-ġabra ta’ wlied Iżrael imxerrdin ma’ kullimkien.

Għeżież ħuti, aħna għandna bżonnkom! Aħna “neħtieġu l-qawwa tagħkom, il-konverżjoni tagħkom,il-konvinzjoni tagħkom, l-abbiltà tagħkom li tmexxu, l-għerf tagħkom, u l-ilħna tagħkom.”4 Fil-verità aħna ma nistgħux niġbru lil Iżrael mingħajrkom.

Jiena nħobbkom u nirringrazzjakom u issa nberikkom bl-abbiltà li tħallu l-affarijiet tad-dinja warajkom hekk kif intom tassistu f’ din il-ħidma kruċjali u urġenti. Flimkien aħna nistgħu nwettqu dak kollu li jridna nwettqu Missierna tas-Smewwiet biex inħejju d-dinja għat-Tieni Miġja ta’ Ibnu l-Għażiż.

Ġesù hu l-Kristu. Din hi l-Knisja Tiegħu. Ta’ dan jiena nixhed f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), Hopeofisrael.lds.org.

  2. Ara 2 Nephi 25:26.

  3. Dawn id-dokumenti huma disponibbli onlajn. Għad-dikjarazzjoni dwar l-għan tas-Soċjetà tal-Għajnuna, ara lds.org/callings/relief-society. Għad-dikjarazzjoni tas-Soċjetà tal-Għajnuna, ara Mary Ellen Smoot, “Rejoice, Daughters of Zion,” Liahona, Jan. 2000, 111–14.

  4. Russell M. Nelson, “Appell lil Ħuti n-Nisa,” Liahona, Nov. 2015, 96; enfażi miżjuda.