2010-2019
Il-Viżjoni u l-Fidwa tal-Mejtin
Ottubru 2018


Il-Viżjoni u l-Fidwa tal-Mejtin

Jiena nixhed li l-viżjoni li rċieva l-President Joseph F. Smith hija veru. Jiena nixhed li kull persuna tista’ ssir taf il-verità tagħha.

Ħuti, jiena ħejjejt id-diskors tiegħi ftit taż-żmien qabel mal-għażiża marti, Barbara, għaddiet għal ħajja oħra. Jiena u l-familja tiegħi nirringrazzjakom għall-imħabba tagħkom u t-tjubija li intom urejtu. Nitlob li l-Mulej iberikni hekk kif jien se nkellimkom dalgħodu.

F’ Ottubru 1918, sewwasew 100 sena ilu, il-President Joseph F. Smith irċieva viżjoni mill-aktar glorjuża. Wara kważi 65 sena ta’ servizz dedikat lejn il-Mulej fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem u ftit ġimgħat biss qabel il-mewt tiegħu fid-19 ta’ Novembru, 1918, huwa poġġa bilqiegħda fil-kamra tiegħu u beda jixtarr dwar is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa ta’ Kristu u beda jaqra d-deskrizzjoni tal-Appostlu Pietru dwar il-ministeru tas-Salvatur fid-dinja tal-Ispirti wara l-Kruċifissjoni Tiegħu.

Huwa kiteb: “Jien u naqra, verament ħassejtni impressjonat. … Hekk kif bdejt nixtarr dwar dawn il-ħwejjeġ … , l-għajnejn tal-għarfien tiegħi nfetħu, u l-Ispirtu tal-Mulej niżel fuqi u jiena rajt l-eżerċti tal-mejtin.”1 It-test komplet tal-viżjoni nsibuh f’ Duttrina u Patti 138.

Ippermettuli nipprovdilkom xi ftit informazzjoni sabiex aħna nkunu nistgħu napprezzaw b’ mod sħiħ lil Joseph F. li għadda ħajtu kollha jħejji lilu nnifsu biex jirċievi din ir-rivelazzjoni meraviljuża.

Immaġni
Joseph u Hyrum Smith fuq iż-żiemel

Fl-1906, meta huwa kien President tal-Knisja, huwa mar iżur Nauvoo u hemmhekk beda jirrifletti dwar memorja li kellu ta’ meta kien għad kellu 5 snin. Huwa qal: “Dan huwa l-post eżatt fejn jiena kont meta [iz-ziju Joseph u missieri, Hyrum] waqfu hawn biż-żiemel fi triqithom lejn Carthage. Mingħajr ma niżel minn fuq iż-żiemel, missieri inklina ruħu minn fuq is-sarġ u refagħni. Huwa biesni għall-aħħar darba u reġa’ niżżilni u jien rajtu jerġa’ jibda jitbiegħed minn ħdejja.”2

Il-jum li fih Joseph F. reġa’ rahom quddiemu, ommu, Mary Fielding Smith, refgħatu f’ dirgħajha biex ikun jista’ jara iż-żewġ martri mimdudin ħdejn xulxin wara li huma kienu nqatlu b’ mod mill-aktar brutali ġewwa ċ-Ċella ta’ Carthage fis-27 ta’ Ġunju, 1844.

Sentejn wara, Joseph F., flimkien mal-familja tiegħu u ma’ ommu Mary Fielding Smith, mara mill-aktar fidila, ħallew darhom ġewwa Nauvoo u telqu lejn Winter Quarters. Minkejja li lanqas biss kien għad kellu tmien snin, Joseph F. kien jeħtieġ li jsuq wieħed mill-gruppi tal-gniedes, minn Montrose, Iowa, sa Winter Quarters u aktar tard kellu jerġa’ jsuqhom sal-Wied ta’ Salt Lake, fejn waslu meta huwa kellu kważi 10 snin. Nittama li intom is-subien u l-ġuvintur tinsabu lkoll tisimgħuni u nittama li intom tirrealizzaw x’ responsabbiltà kien qed iġorr Joseph F. meta huwa kien għadu daqsxejn ta’ tifel u kemm kien mistenni minnu.

Erba’ snin biss wara, fl-1852, meta huwa kellu 13-il sena, l-għażiża ommu mietet— ħalliet warajha lil Joseph u lil ħutu ltiema.3

Fl-1854, Joseph F. ġie msejjaħ sabiex jaqdi missjoni fil-Gżejjer tal-Hawaii meta huwa kien għad kellu biss 15-il sena. Din il-missjoni, li damet aktar minn tliet snin, kienet il-bidu ta’ ħajja ta’ servizz fil-Knisja.

Meta, fl-1859, Joseph F. reġa’ lura f’ Utah, huwa żżewweġ.4 Fis-snin ta’ wara, ħajtu kienet waħda mill-aktar attiva minħabba x-xogħol li kellu, id-dmirijiet tal-familja, kif ukoll minħabba li serva żewġ missjonijiet oħra. Fl-1 ta’ Lulju, 1866, fl-età ta’ 27 sena, il-ħajja ta’ Joseph F. inbidlet għal dejjem meta huwa ġie ordnat bħala Appostlu minn Brigham Young. F’ Ottubru tas-sena ta’ wara, huwa mela l-vojt li kien hemm fil-Kunsill tat-Tnax.5 Huwa serva bħala l-kunsillier ta’ Brigham Young, John Taylor, Wilford Woodruff u Lorenzo Snow qabel ma huwa stess sar President fl-1901.6

Joseph F. u martu Julina laqgħu fil-familja l-ewwel tarbija tagħhom, Mercy Josephine.7 Hija kellha biss sentejn u nofs meta hi għaddiet għal ħajja oħra. Ftit wara, Joseph F. kiteb: “Ilbieraħ għalaqna xahar minn meta mietet … l-għażiża tiegħi Josephine. O! li kieku kelli l-qawwa li nsalvaha u kont naraha tikber u ssir mara. Nimmissjaha kuljum u veru nħossni ninħakem minn solitudni. … Jalla Alla jaħfirli d-dgħjufija tiegħi jekk mhux sew li tħobb liċ-ċkejknin tiegħek kemm inħobbhom jien.”8

Tul ħajtu, il-President Smith tilef lil missieru, lil ommu, lil wieħed minn ħutu s-subien, lil tnejn minn ħutu l-bniet, lil tnejn min-nisa tiegħu, u tlettax il-tifel u tifla. Huwa kien jaf x’ jiġifieri li tkun imnikket u titlef lil maħbubin tiegħek.

Meta ibnu Albert Jesse miet, Joseph F. kiteb lil oħtu Martha Anna li huwa kien talab lill-Mulej biex jeħilsu u staqsa, “Għaliex ġara dan? O Alla għalfejn kellu jiġri hekk?”9

Minkejja t-talb li talab f’ dak il-mument, Joseph F. ma rċieva l-ebda tweġiba dwar dan.10 Huwa qal lil Marta Ann li “Alla qisu ma jridx jaf” dwar is-suġġett tal-mewt u d-dinja tal-ispirti. Madankollu, il-fidi tiegħu fil-wegħdiet eterni tal-Mulej kienet waħda mill-aktar ferma u soda.

Fil-mument li għażel il-Mulej, il-President Smith, permezz ta’ viżjoni mill-aktar meraviljuża li huwa kellu, f’ Ottubru tal-1918, irċieva aktar tweġibiet għat-talb tiegħu u aktar faraġ u għarfien dwar id-dinja tal-ispirti, li tant kien ilu jixtieq ikun jaf dwarha.

Dik is-sena kienet waħda partikolarment diffiċli għalih. Huwa kien imnikket ħafna minħabba n-numru ta’ mwiet fil-Gwerra Dinjija l-Kbira, liema mwiet komplew dejjem jiżdiedu biex aktar minn 20 miljun ruħ spiċċaw tilfu ħajjithom. Barra minn hekk, pandemija tal-influwenza kienet qed tinfirex mad-dinja, u ħalliet warajha aktar minn 100 miljun ruħ mejta.

Immaġni
Il-Presbiteru Hyrum Mack Smith

Matul dik is-sena, il-President Smith tilef ukoll tliet membri għeżież oħra tal-familja tiegħu. Il-Presbiteru Hyrum Mack Smith tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, li kien l-ewwel iben tiegħu u li jiġi wkoll in-nannu tiegħi, miet bla mistenni meta nfaqgħetlu l-appendiċi.

Il-President Smith kiteb: “Inħossni bla kliem—in-niket inħossu jikkunsmani! … Qalbi nħossha tinqasam; nixtieq nista’ nġibu lura! … O! Kemm kont inħobbu! … Se nibqa’ nħobbu għal dejjem. U l-istess nista’ ngħid għal uliedi kollha li jien tlift, iżda hu kien l-ewwel tifel li jiena kelli, l-ewwel wieħed li ġabli l-ferħ u t-tama ta’ isem mill-aktar etern u onorabbli fost il-bnedmin. … Mill-profondità ta’ ruħi jiena nirringrazzja lil Alla talli għoġbu jagħtihuli! Iżda … O! Kemm għandi bżonnu! Ilkoll kemm aħna għandna bżonnu! Kien verament utli għall-Knisja. … U issa, … O! x’ se nagħmel! … O! Alla għinni!”11

Ix-xahar ta’ wara, ħaten il-President Smith, Alonzo Kesler, miet f’ aċċident traġiku.12 Il-President kiteb fid-djarju tiegħu, “Dan l-aċċident fatali mill-aktar terribbli u dipressanti reġa’ għal darb’oħra tefa’ lill-familja kollha tagħna f’ niket enormi.”13

Seba’ xhur wara, f’ Settembru 1918, il-mara tat-tifel tal-President Smith, li tiġi n-nanna tiegħi, Ida Bowman Smith, mietet wara li hija welldet il-ħames tarbija tagħha, iz-ziju Hyrum.14

U kien fit-3 ta’ Ottubru, 1918, wara li kien esperjenza niket mill-aktar intens minħabba miljuni ta’ nies li dik is-sena kienu mietu minħabba l-gwerra u l-mard, kif ukoll minħabba l-imwiet tal-membri tal-familja tiegħu, li l-President Smith irċieva r-rivelazzjoni mis-smewwiet magħrufa bħala “il-viżjoni tal-fidwa tal-mejtin.”

Immaġni
Il-President Joseph F. Smith

L-għada, fis-sezzjoni tal-ftuħ tal-konferenza ġenerali ta’ Ottubru, huwa rrefera għar-rivelazzjoni li huwa kellu. Saħħet il-President Smith kienet sejra lura, madankollu huwa tkellem fil-qosor: “Jiena mhux se noqgħod insemmi dak kollu li għandi f’ moħħi dalgħodu, għax se nipposponi dan kollu għal xi jum ieħor fil-futur, jekk Alla jrid, iżda se nipprova nkellimkom dwar xi ftit minn dawk l-affarijiet li għandi f’ moħħi li jinsabu wkoll ġewwa qalbi. F’ dawn l-aħħar ħames xhur, jiena ma kontx qed ngħix waħdi. Jiena kont qed ngħammar fi spirtu ta’ talb, ta’ fidi u ta’ determinazzjoni; u għaddejt ħin nitkellem mal-Ispirtu tal-Mulej kontinwament.”15

Ir-rivelazzjoni li huwa rċieva fit-3 ta’ Ottubru farrġitlu qalbu u pprovdieltu tweġiba għall-bosta mistoqsijiet li huwa kellu. Aħna wkoll nistgħu nitfarrġu u nitgħallmu aktar dwar l-istess futur tagħna għal meta aħna u l-maħbubin tagħna mmutu u mmorru fid-dinja tal-ispirti, billi nistudjaw din ir-rivelazzjoni u nixtarru s-sinifikat tagħha bil-mod li bih aħna ngħixu ħajjitna kuljum.

Fost il-bosta affarijiet li l-President Smith ra kien hemm iż-żjara tas-Salvatur fost il-fidili fid-dinja tal-ispirtu wara li Huwa miet fuq is-salib. Minn din il-viżjoni jiena se nikkwota:

“Araw, minn fost it-twajbin, huwa organizza l-forzi tiegħu u ħatar messaġġiera, mlibbsin bil-qawwa u bl-awtorità, u bagħathom sabiex imorru u jieħdu magħhom id-dawl tal-evanġelju lil dawk li kienu jinsabu fid-dalma, sewwasew lill-ispirti kollha tal-bnedmin;16 u b’ dan il-mod l-evanġelju ġie ppridkat ukoll lill-mejtin. …

“Dawn ġew mgħallmin il-fidi f’ Alla, l-indiema minn dnubiethom, il-magħmudija f’ isimhom għall-maħfra ta’ dnubiethom u d-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tat-tqegħid tal-idejn,

“U l-prinċipji l-oħra kollha tal-evanġelju li kienu neċessarji li huma jkunu jafu sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw ħalli huma jkunu jistgħu jiġu ġġudikati skont il-bnedmin fil-ġisem, iżda jgħixu skont Alla fl-ispirtu. …

“Għax il-mejtin kienu jħarsu lejn iż-żmiel twil li l-ispirtu tagħhom jgħaddi mingħajr ġisem bħala żmien ta’ jasar.

“Lil dawn il-Mulej għallem u tahom il-qawwa li jqumu mill-imwiet, wara r-reżurezzjoni tiegħu mill-mewt, biex jidħlu fis-saltna ta’ Missieru, u hemmhekk jiġu inkurunati bl-immortalità u l-ħajja eterna,

“U jkunu jistgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom, kif wiegħed il-Mulej, u jgawdu mill-barkiet kollha li jinsabu jistennew lil dawk kollha li jħobbuh.”17

Immaġni
Statwa ta’ Joseph u Hyrum Smith

Fil-viżjoni, il-President Smith ra lil missieru, Hyrum, u lill-Profeta Joseph Smith. Kienu għaddew 74 sena mill-aħħar darba li kien rahom, meta huwa kien għadu daqsxejn ta’ tifel ċkejken ġewwa Nauvoo. Nistgħu nimmaġinaw il-ferħ li ħass meta ra lill-għeżież missieru u zijuh. Huwa jaf ħass ġewwa fih ċerta ispirazzjoni u faraġ hekk kif hu sar jaf li l-ispirti kollha jibqgħu jixbhu l-mod kif huma kien jidhru fil-ġisem mortali tagħhom u li huma jinsabu anzjużi jistennew il-jum tar-resurrezzjoni mwiegħda tagħhom. Din il-viżjoni żvelat ferm aħjar il-profondità u l-kobor tal-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet għal uliedu u għall-imħabba feddejja ta’ Kristu u l-qawwa bla paragun tal-Att tal-Fidwa Tiegħu.18

F’ dan il-100 anniversarju mill-aktar speċjali, jiena nistedinkom biex taqraw sewwa u bil-ħsieb din ir-rivelazzjoni. Hekk kif intom tagħmlu dan, jalla l-Mulej iberikkom biex tifhmu u tapprezzaw aħjar l-imħabba ta’ Alla u l-pjan ta’ ferħ u salvazzjoni Tiegħu għal uliedu.

Jiena nixhed li l-viżjoni li rċieva l-President Joseph F. Smith hija vera. Jiena nixhed kull persuna tista’ taqra din il-viżjoni u ssir taf il-verità tagħha. Dawk li f’ din il-ħajja ma jirċevux dan l-għarfien, żgur li għad isiru jafu bil-verità tiegħu meta huma jaslu lkoll fid-dinja tal-ispirti. Hemmhekk, ilkoll se nħobbu u nfaħħru lil Alla u l-Mulej Ġesù Kristu għall-pjan kbir tas-salvazzjoni u l-barkiet tar-Resurrezzjoni mwiegħda, meta l-ġisem u l-ispirtu tagħna jerġgħu, għal darb’oħra, jingħaqdu flimkien, fejn qatt aktar ma jkunu sseparati minn xulxin.19

Immaġni
Sister Barbara Ballard

Kemm jiena grat li jie naf fejn tinsab verament l-għażiża tiegħi Barbara u li aħna se nerġgħu nkunu flimkien, mal-familja tagħna, għall-eternità kollha. Li l-paċi tal-Mulej tibqa’ ssostnina issa u għal dejjem hija t-talba umli tiegħi f’ isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Doctrine and Covenants 138:6, 11.

  2. Joseph F. Smith, f’ Preston Nibley, The Presidents of the Church (1959), 228.

  3. Ara Joseph Fielding Smith, Life of Joseph F. Smith (1938), 13.

  4. Huwa żżewweġ lil Levira Clark fl-1859, lil Julina Lambson fl-1866, lil Sarah Richards fl-1868, lil Edna Lambson fl-1871, lil Alice Kimball fl-1883, u lil Mary Schwartz fl-1884.

  5. Joseph F. Smith ġie msejjaħ bħala kunsillier addizzjonali fl-Ewwel Presidenza (Brigham Young, Heber C. Kimball, u Daniel H. Wells). Huwa serva bħala t-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza għal tliet Presidenti tal-Knisja: Presidents John Taylor, Wilford Woodruff, u Lorenzo Snow.

  6. Joseph F. Smith serva bħala kunsillier għall-Ewwel Presidenza waqt l-amministrazzjoni ta’ Brigham Young u serva bħala t-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza waqt l-amministrazzjoni ta’ John Taylor, Wilford Woodruff u Lorenzo Snow. Huwa kien l-ewwel President tal-Knisja li serva fl-Ewwel Presidenza qabel ġie msejjaħ bħala President.

  7. Mercy Josephine, l-ewwel tarbja ta’ Joseph F., twieldet fl-14 ta’ Awwissu, 1867, u mietet fis-6 ta’ Ġunju, 1870.

  8. Joseph F. Smith, djarju, 7 ta’ Lulju, 1870, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, Belt ta’ Salt Lake, Utah.

  9. Joseph F. Smith lil Martha Ann Smith Harris, 26 ta’ Aww., 1883, Librerija tal-Istorja tal-Knisja; ara Richard Neitzel Holzapfel u David M. Whitchurch, My Dear Sister: The Letters between Joseph F. Smith and His Sister Martha Ann (2018), 290–91.

  10. F’ ħafna każijiet, il-Mulej idderieġa lil Joseph F. Smith, fil-ħajja personali tiegħu u fil-ministeru tiegħu bħala Appostlu u President tal-Knisja, permezz ta’ ħolm ispirat, rivelazzjoni u viżjonijiet. Ħafna drabi huwa spiċċa biex irrekordja dawn id-doni mill-aktar prezzjużi li huwa rċieva mingħand il-Mulej fid-djarji, fid-diskors, u fir-reminixxenzi tiegħu u fir-reġistri uffiċjali tal-Knisja.

  11. Joseph F. Smith, djarju, 23 ta’ Jan., 1918, Librerija tal-Istorja tal-Knisja; ortografija u kapitalizzazzjoni modernizzati; ara Joseph Fielding Smith, Life of Joseph F. Smith, 473–74.

  12. Ara “A. [P.] Kesler Is Killed in Fall from a Building,” Ogden Standard, 5 ta’ Fr., 1918, 5.

  13. Joseph F. Smith, djarju, 4 ta’ Fr., 1918, Librerija tal-Istorja tal-Knisja.

  14. Ara “Ida Bowman Smith,” Salt Lake Herald-Republican, 26 ta’ Sett., 1918, 4.

  15. Joseph F. Smith, f’ Conference Report, Ott. 1918, 2.

  16. Ara referenza għal “l-Omm glorjuża tagħna Eva” u “l-ulied fidili nisa li … aduraw lil veru Alla ħaj” (Doctrine and Covenants 138:39).

  17. Doctrine and Covenants 138:30, 33–34, 50–52.

  18. It-test tal-viżjoni deher għall-ewwel darba fit-30 ta’ Novembru, 1918, edizzjoni ta’ Deseret News, 11-il jum wara li l-President Smith għadda għal ħajja oħra, fid-19 ta’ Novembru. Ġie stampat fl-edizzjoni ta’ Diċembru ta’ Improvement Era u fl-edizzjoni ta’ Jannar 1919 editions ta’ Relief Society Magazine, il-Utah Genealogical and Historical Magazine, il-Young Woman’s Journal, u l-Millennial Star.

  19. Minkejja li ulied it-telfien se jqumu mill-imwiet, huma mhux se juru l-imħabba u t-tifħir lejn Missierna tas-Smewwiet u lejn Ġesù Kristu bħal dawk li se jirċievu xi saltna ta’ glorja. Ara Alma 11:41; Doctrine and Covenants 88:32–35.