2010-2019
Il-Verità u l-Pjan
Ottubru 2018


Il-Verità u l-Pjan

Meta aħna nfittxu biex inkunu nafu l-verità dwar xi reliġjon, aħna għandna nużaw metodi spiritwali li jagħtu ġieħ lil dik it-tfittxija.

Ir-rivelazzjoni moderna tiddefinixxi l-verità bħala “għarfien tal-affarijiet kif inhuma, u kif kienu u kif sejrin ikunu” (Doctrine and Covenants 93:24). Din hija definizzjoni perfetta għall-pjan tas-salvazzjoni u għal “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja.”

Aħna ninsabu ngħixu fi żmien ikkaratterizzat minn informazzjoni daqstant abbundanti u mifruxa. Iżda mhux din l-informazzjoni kollha hija vera. Hekk kif aħna nkunu qed nfittxu l-verità, jeħtieġ li noqogħdu attenti meta niġu biex nagħżlu s-sorsi tagħna f’ dik it-tfittxija. Aħna m’għandniex nikkunsidraw ċerta prominenza jew awtorità sekulari bħala s-sors ikkwalifikaw tal-verità. Aħna għandna noqogħdu attenti dwar kemm aħna nafdaw fuq informazzjoni jew pariri offruti lilna mill-istilel tad-divertiment, minn xi atleti prominenti jew minn xi sorsi anonimi fuq l-internet. Kompetenza f’ xi qasam m’għandniex inqisuha bħala kompetenza fil-verità ta’ suġġetti oħra.

Aħna għandna wkoll noqogħdu attenti dwar il-motivazzjoni ta’ min ikun qed jipprovdilna l-informazzjoni. Huwa għalhekk li l-iskrittura twiddibna kontra l-frodi saċerdotali (ara 2 Nephi 26:29). Jekk is-sors ikun wieħed anonimu jew mhux magħruf, l-informazzjoni taf tkun waħda li m’għandekx toqgħod fuqha.

Id-deċiżjonijiet personali tagħna għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni minn sorsi li huma kkwalifikati fuq is-suġġett u ħielsa minn kwalunkwe motivazzjoni egoista.

I.

Meta aħna nfittxu biex inkunu nafu l-verità dwar xi reliġjon, aħna għandna nużaw metodi spiritwali li jagħtu ġieħ lil dik it-tfittxija: it-talb, ix-xhieda tal-Ispirtu s-Santu, u l-istudju tal-iskrittura u kliem il-profeti moderni. Jiena dejjem nitnikket meta nisma’ dwar xi ħadd li jirrapporta li hu m’għadx għandu fidi f’ dak li kien jemmen fih minħabba xi tagħlim sekulari. Dawk li darba kellhom ċerta viżjoni spiritwali jistgħu jsofru minn ċerta għama spiritwali li jkunu kkawżaw huma stess. Kif qal il-President Henry B. Eyring, “Il-problema tagħhom ma tkunx qegħdha f’ dak li huma jaħsbu li jkunu qed jaraw; tkun tinsab f’ dak li għadhom ma jistgħux jaraw.”1

Il-metodi tax-xjenza jwassluna lejn dik li nsejħulha verità xjentifika. Iżda “verità xjentifika” mhijiex l-għan sħiħ tal-ħajja. Dawk li ma jitgħallmux “permezz tal-istudju kif ukoll permezz tal-fidi” (Doctrine and Covenants 88:118) jillimitaw l-għarfien tagħhom tal-verità għal dak biss li huma jistgħu jivverifikaw permezz ta’ mezzi xjentifiċi. Dan iwassal biex ipoġġi ċerti limiti artifiċjali fuq it-tfittxija tagħhom għall-verità.

Il-President James E. Faust qal: “Dawk li ġew mgħammdin ikunu qed ipoġġu r-ruħ eterna tagħhom fil-periklu meta bi traskuraġni huma jfittxu biss is-sors sekulari ta’ tagħlim. Aħna nemmnu li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għandha fiha l-milja tal-evanġelju ta’ Kristu, liema evanġelju huwa l-essenza tal-verità u tal-illuminazzjoni eterna.”2

Aħna niksbu l-verità u l-ferħ dejjiem meta nsiru nafu l-verità u naġixxu skont din l-istess verità dwar min aħna verament, dwar it-tifsira tal-ħajja mortali u fejn aħna sejrin meta mmutu. Din il-verità ma nistgħux nitgħallmuha permezz ta’ metodi xjentifiċi jew sekulari.

II.

Issa jiena se nitkellem dwar il-veritajiet tal-evanġelju rrestawrat li huma fundamentali għad-duttrina tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Jekk jogħġobkom ikkunsidraw dawn il-veritajiet bir-reqqa. Huma jispjegaw bejn wieħed u ieħor id-duttrina u d-drawwiet tagħna, u jista’ jkun li jinkludu wkoll xi ħwejjeġ li mhux dejjem nifhmuhom sew.

Alla hu reali, u huwa l-Missier kollu mħabba tal-ispirti ta’ dawk kollha li qatt għexu jew għad iridu jgħixu fid-dinja.

Is-sess tagħna, jekk aħniex irġiel jew nisa, huwa xi ħaġa eterna. Qabel ma aħna twelidna f’ din id-dinja, aħna lkoll konna ngħixu bħal spirti, irġiel jew nisa, fil-preżenza ta’ Alla.

Aħna għandna kif smajna lill-Kor tat-Tabernaklu fil-Pjazza tat-Tempju jkanta “Jien Se Nimxi Wara l-Pjan ta’ Alla.”3 Dan huwa l-pjan li Alla stabbilixxa biex l-ulied spirti Tiegħu kollha jkunu jistgħu jagħmlu progress etern. Dak il-pjan huwa importanti ħafna għal kull wieħed u waħda minna.

Bħala parti minn dak il-pjan, Alla ħoloq din id-dinja bħala post fejn l-ulied spirti maħbubin Tiegħu jkunu jistgħu jitwieldu hawn fil-mortalità biex jirċievu ġisem fiżiku u jkollhom l-opportunità li jagħmlu progress etern billi jagħmlu għażliet tajbin.

Biex ikunu sinifikanti, l-għażliet mortali għandhom isiru bejn il-forzi opposti tat-tajjeb u l-ħażin. Kien hemm bżonn ta’ oppożizzjoni, u għalhekk, kien hemm bżonn ta’ avversarju, li kien tkeċċa ‘l barra mill-preżenza ta’ Alla minħabba ribelljoni u ngħata ċ-ċans li huwa jħajjar lil ulied Alla biex jaġixxu kontra l-pjan ta’ Alla.

L-għan tal-pjan ta’ Alla kien li jagħti lil uliedu l-opportunità li jagħżlu l-ħajja eterna. Dan seta’ jseħħ biss billi huma jesperjenzaw il-ħajja mortali u, wara l-mewt, permezz tat-tkabbir postmortali fid-dinja tal-ispirti.

Tul il-ħajja mortali tagħna, aħna lkoll se nispiċċaw nitħammġu permezz tad-dnub hekk kif aħna nħallu t-tentazzjonijiet tal-avversarju jegħlbuna u eventwalment aħna lkoll se mmutu. Aħna aċċettajna dawk l-isfidi għaliex emminna fl-assigurazzjoni tal-pjan li Alla Missierna kien se jipprovdilna Salvatur, lill-Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu, li eventwalment kien se jeħlisna permezz ta’ resurrezzjoni universali biex aħna nerġgħu ngħixu permezz ta’ ġisem ħaj wara l-mewt. Is-Salvatur kien se jipprovdi wkoll att tal-fidwa biex iħallas il-prezz għalina lkoll biex inkunu nistgħu nitnaddfu mid-dnub jekk aħna dejjem insegwu l-kundizzjonijiet li tana Hu. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-fidi fi Kristu, l-indiema, il-magħmudija, id-don tal-Ispirtu s-Santu, u ordinanzi oħra mwettqa permezz tal-awtorità saċerdotali.

Il-pjan kbir ta’ ferħ ta’ Alla jipprovdilna bilanċ perfett bejn il-ġustizzja eterna u l-ħniena li aħna nistgħu niksbu permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Jagħtina ċ-ċans ukoll li niġu ttrasformati fi ħlejjaq ġodda fi Kristu.

Alla li tant iħobbna jilħaq lil kull wieħed u waħda minna. Aħna nafu li permezz tal-imħabba Tiegħu u l-Att tal-Fidwa tal-Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu, “l-umanità kollha tista’ ssalva, b’ ubbidjenza lejn il-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju Tiegħu (Artikli tal-Fidi 1:3; enfażi miżjuda).

Huwa bix-xieraq mela li l-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija magħrufa bħala Knisja ċċentrata madwar il-familja. Iżda dak li mhux kulħadd jifhem hu li l-Knisja hija ċċentrata daqstant fuq il-familja minħabba raġuni li tmur lil hinn mir-relazzjonijiet mortali tagħna. Ir-relazzjonijiet eterni huma wkoll parti fundamentali mit-teoloġija tagħna. “Il-familja hija ordnata minn Alla.”4 Skont il-pjan kbir ta’ Ħallieq li tant iħobbna, il-missjoni tal-Knisja rrestawrata Tiegħu hi li tgħin lil ulied Alla jiksbu l-barka divina tal-eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali, li nistgħu niksbuha biss permezz ta’ żwieġ etern bejn raġel u mara (ara Doctrine and Covenants 131:1–3). Aħna naffermaw it-tagħlim tal-Mulej li “is-sess tagħna, aħniex maskili jew femminili, huwa karatteristika essenzjali tal-identità u l-għan primortali, mortali u etern ta’ kull individwu” u li “iż-żwieġ bejn raġel u mara huwa essenzjali għall-pjan etern Tiegħu.”5

Finalment, l-imħabba ta’ Alla tant hija kbira li, ħlief il-veru ftit li deliberatament isiru wlied it-telfien, Huwa pprovda destin ta’ glorja għal kull wieħed u waħda minn uliedu. “Kull wieħed u waħda minn uliedu” jinkludi wkoll lil dawk kollha li mietu. Aħna nwettqu ordinanzi għalihom bi prokura fit-tempji tagħna. L-għan tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu hu li tikkwalifika lil uliedu għall-ogħla grad ta’ glorja, li huwa l-eżaltazzjoni jew il-ħajja eterna. Għal dawk li ma jixtiqux dan jew li ma jikkwalifikawx, Alla pprovda saltniet oħra ta’ glorja, li madankollu huma ta’ grad anqas.

Kull min jifhem dawn il-veritajiet eterni jista’ jifhem għaliex aħna l-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem naħsbu kif naħsbu u naġixxu kif naġixxu.

III.

Issa se nsemmi xi applikazzjonijiet ta’ dawn il-veritajiet eterni, li nistgħu nifhmuhom biss fid-dawl tal-pjan ta’ Alla.

L-ewwel, aħna nonoraw l-għażla ħielsa ta’ kull individwu. Ħafna huma konxji tal-isforzi kbar tal-Knisja rrestawrata biex tippromwovi l-libertà reliġjuża fl-Istati Uniti u madwar id-dinja. Dawn l-isforzi ma jippromwovux biss l-interessi tagħna iżda, skont il-pjan Tiegħu, jaraw kif jgħinu lill-ulied kollha ta’ Alla milli jgawdu mil-libertà li jagħżlu.

It-tieni, aħna poplu missjunarju. Xi kultant aħna niġu mistoqsijin għalfejn aħna nibagħtu l-missjunarji f’ daqstant pajjiżi, saħansitra fost popolazzjonijiet Kristjani. Aħna niġu mistoqsijin ħafna wkoll dwar għalfejn aħna nikkontribwixxu daqstant miljuni ta’ dollari f’ għajnuna umanitarja lil persuni li mhumiex membri tal-Knisja tagħna u għalfejn aħna ma norbtux din l-għajnuna mal-isforz missjunarji tagħna. Aħna nagħmlu dan għaliex aħna nonoraw lin-nies mortali kollha bħala wlied Alla—ħutna—u aħna rridu naqsmu l-abbundanza spiritwali u temporali tagħna ma’ kulħadd.

It-tielet, għalina l-ħajja mortali hija waħda sagra. L-impenn tagħna lejn il-pjan ta’ Alla jeħtieġ minna li aħna nopponu l-abort u l-ewtanasja.

Ir-raba’, xi wħud ma jħossuhomx komdi bil-pożizzjoni tal-Knisja tagħna fejn jidħol iż-żwieġ u fejn jidħlu t-tfal. L-għarfien tagħna tal-pjan żvelat ta’ Alla tas-salvazzjoni jeħtieġ minna li aħna nopponu l-pressjoni soċjali u legali kurrenti biex nibdlu l-pożizzjoni tagħna fejn jidħol iż-żwieġ tradizzjonali u biex nagħmlu xi tibdil li jħawwad jew jibdel is-sess tal-persuna jew jomoġenizza d-differenza li hemm bejn l-irġiel u n-nisa. Aħna nafu li r-relazzjonijiet, l-identità u l-funzjonijiet tal-irġiel u n-nisa huma essenzjali biex jiġi fis-seħħ il-pjan kbir ta’ Alla.

Il-ħames, aħna wkoll għandna perspettiva distintiva dwar it-tfal. Aħna nħarsu lejn it-twelid u t-trobbija tat-tfal bħala parti mill-pjan ta’ Alla u dmir sagru u ta’ ferħ għal dawk li ġew mogħtijin il-qawwa li jipparteċipaw fih. Aħna nemmnu li l-akbar teżor li għandna kemm fid-dinja kif ukoll fis-smewwiet huma wliedna u l-posterità tagħna. Għalhekk, aħna għandna ngħallmu u niddefendu l-prinċipji u d-drawwiet li jipprovdu l-aqwa kundizzjonijiet għall-iżvilupp u l-ferħ tat-tfal—it-tfal kollha kemm huma.

Finalment, aħna wlied għeżież ta’ Missierna tas-Smewwiet, li għallimna li l-istat tagħna bħala rġiel u nisa, li ż-żwieġ bejn raġel u mara, u li aħna nwelldu u nrabbu t-tfal huma kollha essenzjali fil-pjan kbir ta’ ferħ Tiegħu. Il-pożizzjoni tagħna dwar dawn l-affarijiet daqstant fundamentali spiss jipprovokaw ċerta oppożizzjoni lejn il-Knisja. Aħna nikkunsidraw dan bħala xi ħaġa inevitabbli. L-oppożizzjoni hija parti mill-pjan, u l-aktar oppożizzjoni aggressiva ta’ Satana hija indirizzata lejn dak li hu l-aktar importanti fil-pjan ta’ Alla. Huwa jipprova jeqred il-ħidma ta’ Alla. Il-metodi ewlenin tiegħu huma li jiddiskredita lis-Salvatur u l-awtorità divina Tiegħu, li jġib fix-xejn l-effett tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, li jiskuraġġixxi l-indiema, li jimita r-rivelazzjoni u li jikkontradixxi r-responsabbiltà individwali. Huwa jfittex ukoll li jħawwad is-sess tal-bniedem, jekk hux raġel jew mara, jagħti stampa falza taż-żwieġ u jiskuraġġixxi li koppja jkollha t-tfal—speċjalment minn dawk il-ġenituri li lesti li jrabbu lil uliedhom fil-verità.

IV.

Il-ħidma tal-Mulej tinsab miexja ‘l quddiem minkejja l-oppożizzjoni organizzata u kostanti li tikkonfrontana hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nipprattikaw it-tagħlim tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Għal dawk li jaqgħu għall-pressjoni tal-oppożizzjoni, jiena noffrilkom dawn is-suġġerimenti.

Ftakru fil-prinċipju tal-indiema li saret possibbli bil-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Kif ħeġġiġna l-Presbiteru Neal A. Maxwell, aħna m’għadniex inkunu fost dawk “li jippruvaw ibiddlu l-Knisja minflok ma jibdlu lilhom infushom.”6

Kif ħeġġiġna l-Presbiteru Jeffrey R. Holland:

Żommu sod ma’ dak li diġà tafu u ieqfu sodi sakemm tiksbu aktar għarfien.

“… F’ din il-Knisja, dak li nafu dejjem se jegħleb dak li ma nafux.” 7

Eżerċitaw il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, li huwa l-ewwel prinċipju tal-evanġelju.

Finalment, fittxu l-għajnuna. Il-mexxejja tagħna tal-Knisja jħobbukom u jfittxu li jiksbu l-gwida spiritwali biex ikunu jistgħu jgħinukom. Aħna nipprovdu bosta riżorsi bħal dawk li ssibu f’ LDS.org, u ċertu sapport ieħor għall-istudju tal-evanġelju fid-dar. Aħna għandna wkoll aħwa fil-ministeru, irġiel u nisa, imsejħin biex jassistukom b’ imħabba.

Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna jrid li wliedu jkollhom il-ferħ li huwa l-għan tal-ħolqien tagħna. Dak id-destin kollu ferħ huwa l-ħajja eterna, li aħna nistgħu niksbu billi nibqgħu mexjin ‘il quddiem f’ dik li l-profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, spiss isejħilha bħala “it-triq tal-patt.” Dan hu dak li huwa qal fl-ewwel messaġġ tiegħu bħala President tal-Knisja: “Komplu mexjin fit-triq tal-patt. L-impenn tagħkom li timxu wara s-Salvatur billi tagħmlu l-patti Miegħu u mbagħad iżżommu dawk il-patti jwasslu biex jinfetaħ bieb għal kull barka u privileġġ spiritwali disponibbli għall-irġiel, għan-nisa u għat-tfal kollha madwar id-dinja.”8

Jiena b’ solennità nixhed li l-ħwejjeġ li jiena tkellimt dwarhom huma veri u huma saru possibbli permezz tat-tagħlim u l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, li għamel dak kollu possibbli skont il-pjan ta’ Alla, il-Missier Etern tagħna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Henry B. Eyring, To Draw Closer to God: A Collection of Discourses (1997), 143.

  2. James E. Faust, “The Abundant Life,” Ensign, Nov. 1985, 9.

  3. “I Will Follow God’s Plan,” Children’s Songbook, 164–65.

  4. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Mejju 2017, 145.

  5. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” 145.

  6. Neal A. Maxwell, If Thou Endure It Well (1996), 101.

  7. Jeffrey R. Holland, “Lord, I Believe,” Liahona, Mejju 2013, 94; enfażi fl-oriġinal.

  8. Russell M. Nelson, “Hekk Kif Nimxu ‘l Quddiem Flimkien,” Liahona, Apr. 2018, 7.