2010-2019
Iggwidati Lura d-Dar Bla Periklu
Ottubru 2014


Iggwidati Lura d-Dar Bla Periklu

Aħna nħarsu lejn is-smewwiet għal dak is-sens ta’ direzzjoni kostanti, ħalli fuqha nfasslu u nterrqu triq għaqlija u xierqa.

L-aħwa, aħna ninsabu miġburin flimkien bħala grupp b’ saħħtu ta’ saċerdozju, kemm hawnhekk fiċ-Ċentru tal-Konferenza kif ukoll f’ diversi postijiet madwar id-dinja. Jiena nħossni onorat u fl-istess ħin mimli sens ta’ umiltà minħabba r-responsabbiltà li għandi li nindirizzakom. Nitlob sabiex l-Ispirtu tal-Mulej ikun miegħi kif nagħmel dan.

Sebgħa u sebgħin sena ilu, fl-14 ta’  Frar, 1939, ġo Hamburg, il-Ġermanja, kienet qed tiġi ċċelebrata festa pubblika. Fost diskorsi ferventi, għajjat ta’ ferħ mill-folla u daqq ta’ innijiet patriottiċi, il-bastiment ġdid Bismarck ġie salpat għall-ewwel darba fil-baħar vija x-xmara Elba. Dan, l-aktar bastiment setgħan f’ wiċċ il-baħar, kien spettaklu meraviljuż ta’ difiża u makkaniżmu. Il-kostruzzjoni tiegħu kienet teħtieġ aktar minn 57,000 pjan dettaljat għall-kanuni ta’ 380 millimetru kkontrollati bir-radar fuq turretta tripla. Il-bastiment kien jikkonsisti fi 28,000 mil (45,000km) ta’ ċirkuwiti tal-elettriku. Kien jiżen 35,000 tunellata u l-qafas tiegħu kien jipprovdilu sigura massima. Ta’ dehra maestuża, kobor ġigantesk, b’qawwa formidabbli ta’ artillerija, dan il-koloss setgħan kien meqjus li ma jista’ jegħreq qatt.

L-appuntament mad-destin għall-Bismarckwasal ftit aktar minn sentejn wara, meta fl-24 ta’ Mejju, 1941, l-aktar żewġ bastimenti tal-gwerra b’ saħħithom fil-flotta Brittanika, il- Prince of Wales u l- Hood, spiċċaw f’ battalja mal- Bismarck u l-krużer Ġermaniż Prinz Eugen. Wara ħames minuti il-Bismarckk niżżel fil-qiegħ tal-Atlantiku lill- Hood u minn ekwipaġġ ta’ 1,400, tlieta biss baqgħu ħajjin. Il-bastiment l-ieħor Brittaniku, il- Prince of Wales, sofra ħsara kbira u ċeda.

Fit-tlett ijiem ta’ wara Bismarck reġa’ spiċċa f’ diversi battalji oħra ma’ bastimenti u ajruplani Brittaniċi. B’ kollox, il-Brittaniċi użaw il-qawwa ta’ ħames bastimenti, żewġ aircraft carriers, 11 il-krużer u 21 distrojer fl-isforz tagħhom li jsibu u jegħrqu l-qawwa li kien il-Bismarck.

Matul dawn il-battalji, bomba wara l-oħra ħallew warajhom biss ħsara superfiċjali fuq il- Bismarck.. Tgħid verament ma setax jegħreq? Imbagħad intlaqat b’ torpido, illi ġġammjat t-tmun tal- Bismarck. It-tiswija li saritlu kienet għalxejn. Bil-kanuni lesti biex jisparaw u l-ekwipaġġ ippreparat, il- Bismarck seta’ biss idur ċirku żgħir. Viċin tiegħu kien hemm il-qawwa tal-forza tal-ajru Ġermaniża. Il- Bismarck ma setax jasal sħiħ ġol-port tiegħu. Lanqas ma setgħu jipprovdulu port ieħor biex jidħol fih, għax il- Bismarck kien tilef il-kapaċità li jbaħħar f’rotta ggwidata. Mingħajr tmun, mingħajr għajnuna, mingħajr port. Kien riesaq lejn tmiemu. Il-Brittaniċi bdew jisparaw minn kull naħa hekk kif l-ekwipaġġ Ġermaniż qerdu u għerrqu l-bastiment li qabel kien meqjus bħala kbir wisq biex jinqered. Il-mewġ imġewwaħ tal-Atlantiku l-ewwel beda jfaqqa’ mal-ġenb tal-bastiment u wara bela’ l-mimmi ta’ għajnejn il-flotta Ġermaniża. Il- Bismarck kien daqshekk.1

Bħall- Bismarck, aħna lkoll miraklu tal-inġinerija. Il-ħolqien tagħna, madankollu, mhux xogħol ta’ ġenju uman. Il-bniedem jista’ jħaddem l-aktar makkinarju kumpless iżda ma jistax jagħtih il-ħajja jew jagħtih il-qawwa tar-raġuni u tal-ġudizzju. Dawn huma doni divini, mogħtija biss minn Alla.

Bħat-tmun mill-aktar importanti ta’ vapur, ħuti, aħna ġejna mogħtija gwida li turina d-direzzjoni li għandna ngħaddu minnha. Il-fanal tal-Mulej jagħti d-dawl lilna lkoll hekk kif insalpaw fuq l-ibħra tal-ħajja. L-għan tagħna hu li naqbdu rotta dritta lejn l-għan mixtieq tagħna—sewwasew is-saltna ċelestjali ta’ Alla. Bniedem mingħajr skop huwa bħal vapur mingħajr tmun, li ftit li xejn ikollu ċans li jasal sal-port. Aħna lkoll ingħatajna sinjal: fasslu r-rotta, tellgħu l-qlugħ, irranġaw it-tmun u itilqu għall-vjaġġ.

L-istess bħall-qawwa tal- Bismarck, hekk hu l-bniedem. Il-forza tat-turbini u l-qawwa tal-iskrejjen huma kollha ta’ xejn mingħajr dak is-sens ta’ direzzjoni, dak il-kontroll tal-enerġija, dak il-kontroll li ġej mill-qawwa li jipprovdi t-tmun, li għalkemm ma jidhirx, u relattivament żgħir fil-qis tiegħu, huwa assolutament essenzjali fil-funzjoni tal-bastiment.

Missierna jipprovdilna x-xemx, il-qamar u l-kwiekeb—galassji ċelestjali biex jiggwidaw lill-baħħara li jbaħħru r-rotot ta’ fuq il-baħar. Għalina, hekk kif aħna nimxu fit-toroq tal-ħajja, Huwa jipprovdilna mappa ċara u jurina t-triq lejn id-destinazzjoni mixtieqa tagħna. Huwa jwissina: oqgħodu attenti minn xi devjazzjoni, xi periklu jew nasba. Ma nistgħux nitqarrqu minn dawk li jippruvaw jiżżvijawna mit-triq, dawk li b’ makkakerija jippruvaw jiġbru n-nies warajhom u jwassluhom fit-triq tad-dnub. Minflok, aħna nieqfu biex nitolbu; nisimgħu minn dak il-leħen sieket u ċkejken li jtenni fil-fond ta’ ruħna l-istedina ġentili tal-Imgħallem, ”Imxi warajja.”2

Madankollu hemm oħrajn li ma jisimgħux, ma jobdux, jippreferu jimxu fi triq li joħolqu huma stess. Ħafna drabi jispiċċaw jaqgħu għat-tentazzjonijiet li jinsabu madwarna lkoll u li jidhru tant attraenti.

Bħala rġiel li nħaddnu s-saċerdozju, aħna tpoġġejna hawn fid-dinja fi żminijiet ta’ nkwiet. Aħna ngħixu f’ dinja kumplessa b’ bosta kurrenti konfliġġenti ma’ kullimkien. Ċerti skemi politiċi jtellfu l-istabbilità ta’ ġnus sħaħ, tiranni b’ kilba għall-poter, u partijiet mis-soċjetà jidhru li huma ddestinati li jibqgħu dejjem ittrattati ħażin, miċħudin minn kull opportunità u abbandunati b’ sentiment ta’ falliment. Il-filosofiji tal-bniedem jiddu f’ widnejna u d-dnub jinsab madwarna kullimkien.

Aħna għandna r-responsabbiltà li nkunu denji tal-barkiet glorjużi kollha li Missierna tas-Smewwiet għandu lesti għalina. Kull fejn immorru, is-saċerdozju tagħna jimxi magħna. Qegħdin nieqfu f’ postijiet qaddisa? Jekk jogħġobkom, qabel tpoġġu lilkom infuskom u s-saċerdozju tagħkom fil-periklu billi tiffrekwentaw postijiet jew tieħdu sehem f’ attivitajiet li mhumiex denji tagħkom jew ta’ dak is-saċerdozju, ieqfu ftit biex tikkunsidraw il-konsegwenzi.

Aħna, li ġejna ordnati għas-saċerdozju ta’ Alla nistgħu nagħmlu differenza. Meta nżommu l-purità personali tagħna u nonoraw is-saċerdozju tagħna, aħna nsiru eżempju tas-sewwa li oħrajn jistgħu jimxu warajh. L-Appostlu Pawlu widdeb, ”Kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa.”3 Huwa kiteb ukoll li d-dixxipli ta’ Kristu għandhom ikunu ”jiddu fid-dinja bħal kwiekeb.”4 Jekk nipprovdu eżempju tas-sewwa aħna ngħinu ndawlu dinja li aktar ma tmur aktar qed tiddallam.

Ħafna minnkom tiftakru lill-President N. Eldon Tanner, li serva bħala kunsillier għall-erba’ Presidenti tal-Knisja. Huwa tana eżempju kostanti tas-sewwa tul il-karriera tiegħu fl-industrija, tul is-servizz tiegħu fil-gvern fil-Kanada u bħala Appostlu ta’ Ġesù Kristu. Huwa tana dan il-kunsill ispirat: ”Xejn ma jġibilna ferħ akbar u suċċess akbar f’ ħajjitna milli ngħixu skont it-tagħlim tal-evanġelju. Kunu ta’ eżempju; kunu nies li tinfluwenzaw għat-tajjeb.”

Huwa kompla: ”Kull wieħed minna ġie ordnat minn qabel it-twelid għal ċerta ħidma bħala l-qaddej magħżul ta’ Alla li lilu ra den li jagħtih is-saċerdozju u l-qawwa li jaġixxi f’ ismu. Dejjem ftakru li n-nies jinsabu jħarsu lejn l-eżempju tagħkom bħala mexxejja u intom tinsabu tinfluwenzaw il-ħajja tal-individwi kemm għat-tajjeb kif ukoll għall-ħażin, liema influwenza tibqa’ tinħass fil-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.”5

Aħna nissaħħu bil-verità li l-akbar forza fid-dinja llum hija l-qawwa ta’ Alla hekk kif hi taħdem permezz tal-bniedem. Biex insalpaw mingħajr periklu fuq l-ibħra tal-mortalità, aħna għandna bżonn il-gwida ta’ Baħri Etern—sewwasew il-kbir Ġehova. Aħna nfittxu u nduru lejn is-smewwiet sabiex niksbu għajnuna divina.

Eżempju magħruf ta’ wieħed li ma ħarisx lejn is-smewwiet huwa dak ta’ Kajjin, iben Adam u Eva. Setgħan fil-potenzjal iżda dgħajjef fir-rieda, Kajjin ippermetta r-regħba, l-għira, id-diżubbidjenza u saħansitra l-qtil ta’ bniedem iwebbsulu dak it-tmun personali li seta’ ggwidah lejn is-sigurtà u l-eżaltazzjoni. Kajjin fittex aktar il-ħwejjeġ tad-dinja milli dawk tas-smewwiet; huwa waqa’.

Fi żmien ieħor u permezz ta’ sultan ħażin, ġie ppruvat qaddej ta’ Alla. Megħjun bl-ispirazzjoni tas-smewwiet, Danjel interpreta lis-sultan dak li kien hemm miktub fuq il-ħajt. Dwar ir-rigali li ġew offruti lilu—saħansitra libsa twila rjali, kullana tad-deheb u qawwa politika—Danjel qal, ”Ħa jibqgħu għalik ir-rigali tiegħek, u d-doni tiegħek agħtihom lil ħaddieħor.”6 Rikkezzi kbar u setgħa kbira ġew offruti lil Danjel, rigali li kienu jirrappreżentaw il-ħwejjeġ tad-dinja u mhux ta’ Alla. Danjel irreżista u baqa’ fidil.

Aktar tard, meta Danjel beda jqim lil Alla minkejja digriet li kien jiddikjara li ma setax jagħmel dan, huwa ġie mitfuħ ġewwa l-għar tal-iljuni. Ir-rakkont bibbliku jgħidilna li l-għada filgħodu, ”Tellgħu lil Danjel mill-ħofra, u sabu li ma kienet ġratlu ebda ħsara, għaliex hu kien ittama f’ … Alla.”7 Fi żmien mill-aktar kritiku, id-determinazzjon ta’ Danjel li jibqa’ għaddej fid-direzzjoni ġusta wasslitlu protezzjoni divina u pprovdietlu santwarju ta’ sigurtà. Din it-tip ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà jistgħu jkunu tagħna wkoll hekk kif aħna nibqgħu għaddejjin fid-direzzjoni ġusta lejn id-dar eterna tagħna.

L-arloġġ tal-istorja, bħar-ramel tal-ampulletta, jimmarka l-passaġġ taż-żmien. Kast ġdid jokkupa l-palk tal-ħajja. Il-problemi ta’ żmienna jippruvaw jhedduna. Tul l-istorja tad-dinja, Satana ħadem bla heda biex jipprova jeqred lid-dixxipli tas-Salvatur. Jekk naqgħu għall-istigazzjoni tiegħu, aħna—l-istess bħall- Bismarckis-setgħan—aħna nitilfu dak it-tmun li jista’ jiggwidana lejn is-sigurtà. Minflok, minkejja li mdawrin bis-sofistikazzjoni tal-ħajja moderna, aħna nħarsu lejn is-smewwiet għal dak is-sens ta’ direzzjoni kostanti, li tgħinna nfasslu u nimxu fi triq għaqlija u xierqa. Missierna tas-Smewwiet ma jħallix it-talba sinċiera mingħajr tweġiba. Hekk kif infittxu l-għajnuna divina, it-tmun tagħna, b’ kuntrast ma’ dak tal- Bismarck, ma jfallix.

Hekk kif nibqgħu għaddejjin fil-vjaġġ individwali tagħna, jalla aħna nsalpaw mingħajr periklu fuq l-ibħra tal-ħajja. Jalla jkollna l-kuraġġ ta’ Danjel, li nibqgħu dejjem leali u fidili minkejja d-dnub u t-tentazzjoni li jgħammru madwarna. Jalla t-testimonjanzi tagħna jkunu profondi u b’ saħħithom daqs ta’ Ġakobb, ħu Nefi, li, meta ġie kkonfrontat minn wieħed li pprova b’ kull mod jeqridlu l-fidi tiegħu, huwa ddikjara, ”Ma kien hemm l-ebda ċans niċċaqlaq.”8

Bit-tmun tal-fidi jiggwida l-passaġġ tagħna, ħuti, aħna wkoll nistgħu nsibu triqitna lura d-dar mingħajr periklu—dar għand Alla, biex ngħammru miegħu għall-eternità. Li jkun hekk għal kull wieħed minna, hija t-talba tiegħi fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tagħna, amen.