2010-2019
Ibqgħu fid-Dgħajsa u Żommu Sod!
Ottubru 2014


Ibqgħu fid-Dgħajsa u Żommu Sod!

Jekk aħna nibqgħu niffukaw fuq il-Mulej, aħna mwegħdin barka li tisboq kull barka oħra.

Riċentiment, ħabib tiegħi ħa lil ibnu fuq eskursjoni fix-Xmara Kolorado permezz tal-Kanjon Cataract, li jinsab fix-xlokk ta’ Utah. Il-kanjon huwa famuż għall-ilmijiet mill-aktar qawwija fuq medda ta’ 14-il mil (23 km) u jista’ jkun verament perikoluż.

Bi tħejjija għall-avventura tagħhom, huma taw ħarsa tajba lejn il-websajt tas-Servizz tal-Park Nazzjonali, li fiha informazzjoni importanti dwar tħejjija personali u ċerti perikli komuni li ma tantx tinduna bihom.

Fil-bidu tal-vjaġġ tagħhom, wieħed mill-aktar gwidi tax-xmara li kellu esperjenza ta ħarsa lejn ċerti struzzjonijiet importanti ta’ sigurtà, fejn għamel enfażi fuq tliet regoli li kienu jiżguraw li l-grupp kolllu jgħaddu bla ebda periklu minn fuq l-ilmijiet. ”L-ewwel regola: ibqgħu fuq id-dgħajsa! It-tieni regola: ilbes dejjem il-ġakketta ta’ salvataġġ! It-tielet regola: żomm dejjem b’ żewġ idejn!” Imbagħad huwa reġa’ tenna, b’ enfażi akbar, ”Fuq kollox, ftakru l-ewwel regola: ibqgħu fuq id-dgħajsa!”

Din l-avventura tfakkarni fil-vjaġġ mortali tagħna. Ħafna minna nesperjenzaw perjodi f’ ħajjitna fejn nieħdu gost bl-ilmijiet trankwilli tal-ħajja. F’ mumenti oħra, aħna nħabbtu wiċċna ma’ ilmijiet qawwija u perikolużi li b’ mod metaforiku nistgħu nqabbluhom ma’ dawk li nsibu fil-medda ta’ 14-il mil tul il-Kanjon Cataract—sfidi li jistgħu jinkludu kwistjonijiet ta’ saħħa, kemm fiżika kif ukoll mentali, il-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalina, xi ħolm jew tamiet li taru mar-riħ, u—għal xi wħud—anke kriżi ta’ fidi meta huma jħabbtu wiċċhom mal-problemi, mal-mistoqsijiet u mad-dubji tal-ħajja.

Il-Mulej fit-tjubija Tiegħu pprovdielna l-għajnuna, li tinkludi dgħajsa, ċerti affarijiet essenzjali bħal ġkieket tas-salvataġġ u gwidi tax-xmara ta’ esperjenza li jiggwidawna, kif ukoll struzzjonijiet tas-sigurtà biex jgħinuna naqsmu x-xmara tal-ħajja lejn id-destinazzjoni finali tagħna.

Ejjew nagħtu ħarsa lejn l-ewwel regola: ibqgħu fuq id-dgħajsa!

Il-President Brigham Young ħafna drabi uża t-termini ”il-Vapur l-Antik ta’ Sijon” bħala metafora għall-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.

Darba minnhom huwa qal: ”Aħna ninsabu f’ nofs ta’ baħar. Tqum maltempata, u, kif jgħidu l-baħrin, hija taħdem b’ mod iebes. ’Jiena mhux se nibqa’ hawn,’ tenna wieħed; ’Jien ma nemminx li dan huwa l-”Vapur Sijon.”’ ’Iżda aħna ninsabu f’ nofs ta’ baħar.’ ’Ma jimpurtanix, jiena mhux se nibqa’ hawn.’ Neża’ l-kowt u ntefa’ fil-baħar. B’hekk mhux se jispiċċa jegħreq? Iva. L-istess dawk li jitilqu minn din il-Knisja. Din hija l-”Vapur l-Antik ta’ Sijon,’ ejjew nibqgħu fih.”1

F’ okkażjoni oħra, il-President Young qal li huwa jinkwieta wkoll dwar nies li jitilfu triqithom meta qed jiġu mberkin—meta l-ħajja tkun sejra tajjeb: ”Huwa meta t-temp ikun bnazzi, meta l-vapur l-antik ta’ Sijon ikun qed isalpa permezz ta’ daqsxejn żiffa u meta kollox ikun kwiet fuq il-gverta tal-vapur, li xi wħud mill-aħwa jkunu jridu joħorġu ’l barra bid-dgħajjes iż-żgħar biex … jgħumu, u xi wħud jispiċċaw jegħrqu, oħrajn jinġarrew mal-kurrent, u xi oħrajn jirnexxielhom jerġgħu lura fil-vapur. Ejjew nibqgħu fuq il-vapur l-antik u huwa jdaħħalna mingħajr periklu fil-port; m’ għandkomx għalfejn toqogħdu tinkwetaw.”2

U finalment, il-President Young fakkar lill-Qaddisin: ”Aħna ninsabu fuq il-vapur l-antik ta’ Sijon. … Alla jinsab fit-tmun u hemm se jibqa’. … Kollox sew, kantaw Hallelujah, għax il-Mulej jinsab hawn. Huwa jiddetta, jiggwida u jidderieġi. Jekk in-nies ikollhom kunfidenza sħiħa f’ Alla tagħhom, qatt ma jinsew il-patti tagħhom jew lil Alla tagħhom, Huwa jiggwidana b’ mod tajjeb.”3

Meta nikkunsidraw l-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom illum, kif nistgħu nibqgħu fuq il-Vapur l-Antik ta’ Sijon?

Dan hu x’ għandna nagħmlu. Għandna bżonn nesperjenzaw konverżjoni kontinwa billi nkabbru l-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu u l-fedeltà tagħna lejn l-evanġelju Tiegħu tul ħajjitna—mhux darba biss iżda regolarment. Alma staqsa, ”U issa araw, jiena ngħidilkom, ħuti, jekk intom esperjenzajtu bidla f’ qalbkom, u jekk ħassejtu li tgħannu l-għanja tal-imħabba feddejja, jiena nistaqsikom, tħossukom hekk f’ dan il-mument?”4

Il-gwidi tax-xmara ta’ esperjenza illum nistgħu nxebbhuhom mal-appostli u l-profeti tal-Knisja u mal-mexxejja ispirati lokali tas-saċerdozju u dawk awżiljari. Huma jgħinuna naslu mingħajr periklu fid-destinazzjoni finali tagħna.

Riċentiment, jiena tkellimt fis-seminar li sar għall-presidenti tal-missjoni ġodda u tajt parir lil dawn il-mexxejja:

”Żommu l-għajnejn tal-missjoni fuq il-mexxejja tal-Knisja. … Aħna m’aħniex se mmexxukom u … ma nistgħux immexxukom fi triq żbaljata.

”U hekk kif tgħallmu lill-missjunarji tagħkom sabiex jiffukaw għajnejhom fuqna, għallmuhom sabiex qatt ma jimxu wara dawk li jaħsbu li jafu aktar kif jamministraw l-affarijiet tal-Knisja milli jafu … Missierna tas-Smewwiet u l-Mulej Ġesù Kristu jafu” permezz tal-mexxej tas-saċerdozju li għandhom l-imfietaħ li jippresedu.

”Jiena skoprejt fil-ministeru tiegħi li dawk li ħassewhom mitlufa u konfużi huma tipikament dawk li ħafna drabi … insew li meta l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax jitkellmu b’ leħen wieħed, dan ikun leħen il-Mulej għal dak iż-żmien. Il-Mulej ifakkarna, ”Kemm jekk permezz ta’ leħni jew ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.’ [D&C 1:38].”5

Fi kliem ieħor, huma jħallu l-Vapur l-Antik ta’ Sijon—huma jaqbdu triq oħra; huma jaqgħu f’ apostasija. Traġikament, huma ħafna drabi jesperjenzaw għal żmien qasir u eventwalment għal żmien twil ċerti konsegwenzi li ma jkunux qed jistennewhom, mhux għalihom biss iżda wkoll għall-familji tagħhom.

Il-mexxejja lokali tagħna tal-Knisja, bħall-gwidi tax-xmara ta’ esperjenza, ġew mgħallmin permezz tal-esperjenzi tal-ħajja; ġew mħarrġin u mgħallmin minn appostli u profeti u uffiċjali oħra tal-Knisja u l-aktar importanti, ġew mgħallmin mill-Mulej innifsu.

F’ okkażjoni oħra tul din is-sena, jiena kellimt lill-adulti żgħażagħ tal-Knisja fix-xandira tas-CES devotional. Jiena għedt:

”Jiena smajt li xi nies jaħsbu li l-mexxejja tal-Knisja ma jafux x’inhu jiġri madwar id-dinja. Dak li huma jinsew hu li aħna rġiel u nisa ta’ esperjenza, u li għexna ħajjitna f’ tant postijiet varji u ħdimna ma’ bosta nies li ġejjin minn tipi ta’ ħajja differenti. Ix-xogħol assenjat lilna bħalissa litteralment joħodna madwar id-dinja, fejn aħna niltaqgħu mal-mexxejja politiċi, reliġjużi, umanitarji u negozjanti tad-dinja. Għalkemm aħna ltqajna ma’ mexxejja fil-White House ġewwa Washington, D.C., u mexxejja ta’ ġnus u reliġjonijiet madwar id-dinja, aħna ltqajna wkoll mal-aktar familji u nies umli fid-dinja. …

”Meta intom bil-ħsieb tikkunsidraw il-ħajja u l-ministeru tagħna, intom hemm ċans kbir li taqblu li aħna naraw u nesperjenzaw id-dinja b’ modi li ftit jesperjenzawha. Tindunaw li nafu x’inhu jiġri madwarna aktar minn ħafna nies oħra. …

”… Hemm xi ħaġa dwar l-għerf individwali u kkumbinat tal-mexxejja tal-Knisja li għandna twasslilkom xi ftit faraġ. Aħna esperjenzajna kollox, inkluż il-konsegwenzi ta’ ċerti liġijiet u policies pubbliċi differenti, ċerti diżappunti, traġedji, u mwiet fil-familji tagħna. Aħna mhux maqtugħin milll-ħajja tagħkom.”6

Flimkien mal-ewwel regola kif applikajtha jiena, ftakru wkoll it-tieni u t-tielet regola: dejjem ilbsu l-ġakketta tas-salvataġġ u żommu sod b’ żewġ idejn. Kliem il-Mulej jinsab fl-iskrittura u fit-tagħlim tal-appostli u l-profeti. Dan jipprovdielna kunsill u direzzjoni li, meta nimxu warajh, ikun għalina bħal ġakketta tas-salvataġġ u jgħinna nkunu nafu kif nistgħu nżommu biż-żewġ idejn.

Għandna bżonn li nsiru bħal ulied Mosija, li ”issaħħu fl-għarfien tal-verità.” Nistgħu nsiru rġiel u nisa ”ta’ għarfien tajjeb.” Dan jista’ jseħħ biss jekk aħna ”nfittxu fl-iskrittura b’ diliġenza, sabiex inkunu nafu l-kelma ta’ Alla.”7

Meta nfittxu l-iskrittura u l-kliem ta’ appostli u profeti, kemm tal-passat kif ukoll dawk kurrenti, aħna għandna niffukaw fuq li nistudjaw, ngħixu u nħobbu d-duttrina ta’ Kristu.

Barra milli niżviluppaw id-drawwa li personalment naqraw mill-iskrittura, għandna nkunu bħal ulied Mosija u ngħaddu ħina ”fit-talb u s-sawm.”8

Jidher li dawn il-ħwejjeġ li diffiċli tikkalkula l-valur veru tagħhom huma ta’ importanza kbira. Ibqgħu ffukati fuq dawn il-ħwejjeġ sempliċi u evitaw li tħallu ħwejjeġ oħra jtellfukom.

Filwaqt li naf nies li ma baqgħux fid-dgħajsa u li ma baqgħux iżommu sod b’ idejhom it-tnejn tul il-mumenti ta’ prova u nkwiet jew li ma baqgħux fid-dgħajsa tul iż-żmien ta’ kalma, jiena osservajt li ħafna minnhom ma baqgħux jiffukaw fuq il-veritajiet ċentrali tal-evanġelju—ir-raġunijiet ewlenin għalfejn huma ngħaqdu mal-Knisja; ir-raġunijiet li huma baqgħu kompletament leali u attivi li jgħixu l-istandards tal-evanġelju u li jbierku lil ħaddieħor permezz tas-servizz iddedikat u kkonsagrat tagħhom; u l-mod li bih il-Knisja kienet tagħmel parti f’ ħajjithom bħala ”post ta’ sosteniment u tkabbir spiritwali.”9

Joseph Smith għallem din il-verità mill-aktar importanti: “Il-prinċipji fundamentali tar-reliġjon tagħna huma t-testimonjanza tal-Appostli u l-Profeti, dwar Ġesù Kristu, li Huwa miet, ġie midfun, u reġa’ qam fit-tielet jum, u tela’ s-sema; u kull ħaġa oħra marbuta mar-reliġjon tagħna hija biss żjieda ma’ dan.”10

Jekk aħna nibqgħu niffukaw fuq il-Mulej, aħna mwegħdin barka li tisboq kull barka oħra. Għalhekk ibqgħu mexjin fit-triq b’ fidi soda fi Kristu, b’ tama qawwija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin fit-triq, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.”11

Xi kultant ċerti Qaddisin tal-Aħħar Jiem fidili u xi investigaturi sinċiera jibdew jiffokaw fuq ”iż-żidiet” minflok fuq il-prinċipji fundamentali. Dan ifisser, li Satana jara x’ jagħmel biex ibegħidna mill-messaġġi sempliċi u ċari tal-evanġelju rrestawrat. Dawk li jaqgħu għal din it-tentazzjoni ħafna drabi jispiċċaw jieqfu jieħdu sehem fis-sagrament peress li jibdew jiffukaw, anke jinkwetaw, fuq it-tagħlim u d-drawwiet anqas importanti.

Xi oħrajn jafu jiffukaw fuq ċerti mistoqsijiet u dubji li huma jesperjenzaw. M’hemmx dubju, li jkollok ċerti mistoqsijiet u li tesperjenza ċerti dubju ma jfissirx li ma tistax tkun dixxiplu ddedikat. Riċentiment, il-Kunsill tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu ddikjaraw: ”Aħna nifhmu li minn żmien għall-ieħor il-membri tal-Knisja jafu jkollhom xi mistoqsijiet dwar ċerta duttrina, storja jew drawwiet tal-Knisja. Il-membri huma dejjem ħielsa li jistaqsu dawn il-mistoqsijiet u b’ mod ferventi jfittxu li jiksbu għarfien akbar.”12

Tfakru, li Joseph Smith innifsu kellu ċerti mistoqsijiet li permezz tagħhom ingħata bidu għar-Restawrazzjoni. Huwa kien bniedem li dejjem ried ikun jaf u, bħal Abraham, sab tweġiba għall-aktar mistoqsijiet importanti tal-ħajja.

Il-mistoqsijiet importanti jiffukaw fuq l-aktar ħwejjeġ importanti—il-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet u l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur. It-tfittxija tagħna għandha twassalna sabiex insiru dixxipli aktar twajba, ġentili, mimlija mħabba u maħfra, paċenzjużi u ddedikati. Għandna nkunu lesti, kif għallem Pawlu, li ”nerfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk inkunu qegħdin inħarsu l-liġi ta’ Kristu.”13

Li nerfgħu t-tagħbija ta’ xulxin ifisser li ngħinu, nissapportjaw u nifhmu lil kulħadd, inkluż lill-morda, lil min hu dgħajjef, lill-foqra fl-ispirtu u l-ġisem, lil dawk li jinsabu jfittxu u lil min hu fl-inkwiet, kif ukoll lil membri-dixxipli oħra—inkluż il-mexxejja tal-Knisja li ġew imsejħin mill-Mulej biex iservu għal xi żmien.

Ħuti, ibqgħu fid-dgħajsa, użaw il-ġkieket tas-salvataġġ tagħkom u żommu sod b’ idejkom it-tnejn. Evitaw kull distrazzjoni! U jekk xi ħadd minnkom waqa’ barra mid-dgħajsa, aħna se nfittxuk, se nsibuk, se namministrawlek u se nerġgħu ntellgħuk lura fil-Vapur l-Antik ta’ Sijon, fejn Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu jinsabu fuq it-tmun u se jiggwidawna b’ mod tajjeb, u ta’ dan jiena nixhed f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Teachings of Presidents of the Church: Brigham Young (1997), 82–83.

  2. Brigham Young, “Discourse,” Deseret News, Jan. 27, 1858, 373.

  3. Brigham Young, “Remarks,” Deseret News, Nov. 18, 1857, 291.

  4. Alma 5:26.

  5. M. Russell Ballard, “Mission Leadership” (indirizz mogħti waqt is-seminar għall-presidenti tal-missjoni ġodda, 25 ta’ Ġunju, 2014), 8.

  6. M. Russell Ballard, “Be Still, and Know That I Am God” (Church Educational System devotional, 4 ta’  Mejju, 2014); lds.org/broadcasts.

  7. Alma 17:2.

  8. Alma 17:3.

  9. Ittra tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, 28 ta’  Ġunju, 2014.

  10. Joseph Smith, Elders’ Journal, Lulju 1838, 44.

  11. 2 Nephi 31:20.

  12. Ittra tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, 28 ta’  Ġunju, 2014.

  13. Galatin 6:2.