2010-2019
Insalvaw fl-Għaqda
Ottubru 2014


Insalvaw fl-Għaqda

Sabiex nassistu lis-Salvatur, aħna rridu naħdmu f’ għaqda u armonija. Kulħadd, f’ kull pożizzjoni u f’ kull sejħa, huwa importanti.

Aħna spiss nisimgħu lill-President Thomas S. Monson jgħid, ”Ilħqu lil ħaddieħor ħa ssalvawh.”1 Jiġi f’ moħħi rakkont mit-Testment il-Ġdid. Huwa eżempju perfett ta’ kif il-membri u l-missjunarji jistgħu jaħdmu flimkien f’ għaqda permezz tal-kunsilli tal-qasam sabiex jilħqu lil ħaddieħor ħa jsalvawh. L-istorja tinsab f’ Mark 2:1–5. Insib li l-esperjenzi li Ġesù uża sabiex jgħallimna ċerta duttrina jew prinċipji huma dejjem stejjer li jispirawna u faċli nifhmuhom.

Wieħed mill-karattri f’ dan ir-rakkont huwa raġel mifluġ, xi ħadd li mhux kapaċi jiċċaqlaq mingħajr għajnuna. Kulma seta’ jagħmel dan ir-raġel kien li jibqa’ d-dar, jistenna min isalvah.

Fi żmienna, jista’ jiġri b’ dan il-mod. Erba’ membri kienu qed iwettqu xogħol assenjat lilhom mill-isqof sabiex iżuru f’ daru wieħed raġel li kien mifluġ. Nista’ nimmaġina li waħda minnhom kienet ġejja mis-Soċjetà tal-Għajnuna, wieħed mill-kworum tal-presbiteri, wieħed mis-Saċerdozju Aroniku, u, l-aħħar u mhux l-inqas, wieħed kien missjunarju full-time. Fl-aħħar kunsill tal-qasam li kellhom, wara li ddiskutew flimkien dwar il-bżonnijiet fil-qasam, l-isqof inkarigahom sabiex imorru ”jsalvaw.” Dawn l-erbgħa ġew inkarigati sabiex jgħinu lil dan ir-raġel mifluġ. Huma ma setgħux joqogħdu jistennewh sabiex jiġi l-knisja waħdu. Huma kellhom imorru jżuruh fid-dar tiegħu. Huma kellhom imorru jfittxuh, u hekk għamlu. Ir-raġel ittieħed għand Ġesù.

”U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies” (Mark 2:3).

Madankollu, fil-kamra kien hemm wisq nies. Huma ma setgħux jidħlu mill-bieb. Jiena żgur li huma ppruvaw minn kollox, iżda sempliċiment ma setgħux jgħaddu. Jista’ jkun li ma ppjanawx li l-affarijiet kienu se jkunu daqshekk diffiċli. Waqt li kienu qed jippruvaw ”isalvaw” sabu ma wiċċhom ċerti ostakli. Iżda ma qatgħux qalbhom. Huma ma ħallewx lir-raġel mifluġ ħdejn il-bieb. Huwa ddiskutew flimkien dwar x’ kellhom jagħmlu—kif setgħu jieħdu r-raġel għand Ġesù Kristu biex ifejqu. Il-ħidma biex jassistu lil Ġesù Kristu jsalva l-erwieħ, ta’ lanqas għalihom, ma kenitx waħda impossibli. Huwa ħarġu bi pjan—mhux wieħed faċli, iżda ħadmu flimkien skont il-pjan.

”Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta’ fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mindud il-mifluġ.” (Mark 2:4).

Huma tellgħuh fuq is-saqaf. Jekk nassumu li ma kienx hemm taraġ fuq barra biex jitilgħu minnu, ħadu ħin mhux ħażin biex ilkoll kemm huma telgħu fuq is-saqaf. Jiena naħseb li ħadmu b’ dan il-mod: iż-żagħżugħ mill-qasam tiegħu kien aktarx l-ewwel wieħed li tela’ fuq is-saqaf. Peress li kien żgħir u mimli enerġija, ma tantx kien diffiċli għalih. Is-sieħeb tiegħu tat-tagħlim tad-dar mill-kworum tal-presbiteri u l-missjunarju full-time, twil u b’ saħħtu, aktarx imbuttaw kemm felħu minn wara. Is-sister mis-Soċjetà tal-Għajnuna aktarx fakkrithom sabiex joqgħodu attenti u bdiet tgħidilhom kliem ta’ inkuraġġiment. L-irġiel imbagħad aktarx kixfu s-saqaf filwaqt li s-sister kompliet tfarraġ lir-raġel hekk kif beda jistenna biex jitfejjaq—sabiex ikun kapaċi jiċċaqlaq waħdu u jkun indipendenti.

Huma kellhom jaħdmu kollha flimkien minħabba x-xogħol assenjat lilhom. Fil-mument kruċjali, kien hemm bżonn ta’ koordinazzjoni u attenzjoni sħiħa biex iniżżlu r-raġel mifluġ minn ġewwa s-saqaf. L-erbgħa min-nies kellhom jaħdmu f’ għaqda u armonija. Ma setax ikun hemm nuqqas ta’ ftehim bejniethom. Kellhom bżonn iniżżlu lir-raġel mifluġ flimkien kemm jista’ jkun. Jekk xi ħadd minnhom kien iħalli l-ħabel jinżel daqsxejn aktar mit-tlieta l-oħra, ir-raġel kien jispiċċa jaqa’ minn ġos-sodda. Huwa ma setax jgħin b’ idejh minħabba l-kundizzjoni dgħajfa tiegħu.

Sabiex nassistu lis-Salvatur, aħna rridu naħdmu f’ għaqda u f’ armonija. Kulħadd, f’ kull pożizzjoni u f’ kull sejħa, huwa importanti. Irridu nkunu magħqudin fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu.

Finalment, ir-raġel mifluġ tpoġġa quddiem Ġesù. ”Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: Ibni, dnubietek maħfura.” (Mark 2:5). Ġesù wera ħniena miegħu u fejqu—mhux biss fiżikament iżda wkoll spiritwalment: ”Ibni, dnubietek maħfura.” Din mhix ħaġa meraviljuża? Aħna mhux ilkoll nixtiequ li jiġrilna dan? Jiena żgur li rrid.

Nafu lil xi ħadd f’ ħajjitna li jinsab mifluġ spiritwalment, xi ħadd li ma jistax jiġi lura l-Knisja waħdu? Dan jista’ jkun wieħed minn uliedna, wieħed mill-ġenituri tagħna, ir-raġel jew il-mara tagħna jew anke xi ħabib.

B’ tant missjunarji full-time li issa jinsabu disponibbli f’ kull unit tal-Knisja, ikun għaqli jekk l-isqfijiet u l-presidenti tal-fergħa jagħmlu użu aħjar tal-kunsilli tal-qasam jew tal-fergħa tagħhom. L-isqof jista’ jistieden lil kull membru tal-kunsill tal-qasam sabiex iġib lista ta’ ismijiet ta’ dawk li jeħtieġu l-għajnuna. Il-membri tal-kunsill tal-qasam jiddiskutu sewwa flimkien dwar kif l-aħjar li jistgħu jgħinu. L-isqfijiet jisimgħu b’ attenzjoni l-ideat tagħhom u jassenjaw lill-membri.

Il-missjunarji full-time huma riżorsi kbar għall-qasam f’ dawn l-isforzi ta’ salvataġġ. Huma għadhom żgħar u kollhom enerġija. Huma jħobbu jkollhom lista ta’ ismijiet speċifiċi biex tgħinhom fil-ħidma tagħhom. Huma jieħdu gost jaħdmu flimkien mal-membri tal-qasam. Huma jafu li dawn għalihom huma opportunitajiet kif jistgħu jsibu lil xi ħadd. Huma ddedikati biex jistabbilixxu s-saltna tal-Mulej. Huma għandhom testimonjanza b’ saħħitha li huma jistgħu jsiru aktar jixbhu lil Kristu jekk jipparteċipaw f’ dawn l-isforzi ta’ salvataġġ.

Biex nikkonkludi, ippermettuli naqsam magħkom teżor ieħor moħbi li jinsab f’ dan ir-rakkont mill-iskrittura. Jinsab f’ vers 5: ”Meta Ġesù ra l-fidi tagħhom” (enfażi miżjuda). Ma kontx innutajt din qabel—il-fidi tagħhom. Il-fidi kkombinata tagħna taffettwa wkoll il-benesseri tal-oħrajn.

Min kienu dawk in-nies li semma Ġesù? Jistgħu faċilment jinkludu l-erbgħa li ġarrew lir-raġel mifluġ, ir-raġel innifsu, in-nies li talbu għalih, u dawk kollha li kienu jinsabu hemmhekk jisimgħu lil Ġesù jippriedka u jistennew bil-ħerqa f’ qalbhom il-miraklu li kien se jwettaq. Jistgħu jinkludu wkoll lill-mara tiegħu, lil xi ġenitur, lil xi iben jew bint, lil xi missjunarju, lill-presidenti tal-kworum, lill-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna, lill-isqof u lil xi ħabib li jinsab ’il bogħod. Nistgħu lkoll ngħinu lil xulxin. Nistgħu dejjem inkunu okkupati b’ ħerqa kbira fit-tfittxija tagħna biex insalvaw lil dawk fil-bżonn.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa Alla tal-mirakli. Ġesù Kristu jħobbna lkoll u għandu l-qawwa li jsalva u jfejjaq, kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment. Meta aħna nassistuh fil-missjoni Tiegħu li jsalva l-erwieħ, aħna wkoll insalvaw fil-proċess. Jiena nixhed dan fl-isem imqaddes Tiegħu, l-istess Ġesù Kristu, amen.

Nota

  1. Ara, per eżempju, Thomas S. Monson, “Our Responsibility to Rescue,” Ensign jew Liahona, Ott. 2013, 5.