Skrittura
2 Nefi 10


Kapitlu 10

Ġakobb jispjega li l‑Lhud se jsallbu lil Alla tagħhom—Huma se jinxterdu sakemm jibdew jemmnu fih—L‑Amerika se tkun art ta’ ħelsien fejn l‑ebda sultan ma jsaltan—Irrekonċiljaw irwieħkom ma’ Alla u iksbu s‑salvazzjoni permezz tal‑grazzja tiegħu. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa jiena, Ġakobb, se nerġa’ nkellimkom, għeżież ħuti, dwar din il‑fergħa ġusta li tkellimt dwarha.

2 Għax araw, il‑wegħdiet li aħna ksibna huma wegħdiet li ngħataw lilna skont il‑ġisem; għalhekk, kif ġie muri lili li ħafna minn uliedna sejrin jinqerdu fil‑ġisem minħabba n‑nuqqas ta’ twemmin, madankollu, Alla se jkun ħanin ma’ ħafna oħrajn; u wliedna sejrin jiġu rrestawrati, sabiex huma jkunu jistgħu jiksbu dak li jagħtihom il‑veru għarfien tal‑Feddej tagħhom.

3 Għalhekk, kif għidtilkom, bla dubju hu meħtieġ li Kristu—għax fl‑aħħar lejl l‑anġlu qalli li dan għandu jkun ismu—għandu jiġi fost il‑Lhud, fost dawk li huma l‑aktar parti ħażina tad‑dinja; u huma se jsallbuh—għax hekk hu meħtieġ għal Alla tagħna, u m’hawn l‑ebda ġens ieħor fuq l‑art li jasal isallab lil Alla tiegħu.

4 Għax kieku l‑mirakli mill‑aktar kbar twettqu fost ġnus oħra huma kienu jindmu, u kienu jkunu jafu li hu Alla tagħhom.

5 Iżda minħabba l‑frodi saċerdotali u ħżunithom, dawk f’Ġerusalemm se jwebbsu rashom kontrih, tant li hu jiġi msallab.

6 Għalhekk, minħabba ħżunithom huma se jintlaqtu minn qerda sħiħa, u mill‑ġuħ, mill‑pesta, u mit‑tixrid tad‑demm; u dawk li mhumiex se jinqerdu sejrin jinxterdu fost il‑ġnus kollha.

7 Għax araw, dan jgħid il‑Mulej Alla: Meta jasal il‑jum li huma jemmnu fija, li jiena Kristu, imbagħad jien nagħmel patt ma’ missirijiethom li huma jiġu rrestawrati mill‑ġdid fil‑ġisem, fuq l‑art, fl‑artijiet ta’ wirthom.

8 U għad jiġri li huma sejrin jinġabru flimkien mid‑dispersjoni twila tagħhom, mill‑gżejjer tal‑baħar, u mill‑erba’ naħat tad‑dinja; u l‑ġnus tal‑Ġentili sejrin ikunu kbar f’għajnejja, jgħid Alla, fejn jien se nġorrhom lejn l‑artijiet ta’ wirthom.

9 Iva, is‑slaten tal‑Ġentili se jkunu l‑missirijiet li jrabbuhom, u l‑irġejjen tagħhom se jkunu l‑ommijiet li jreddgħuhom; għalhekk, il‑wegħdiet tal‑Mulej huma kbar għall‑Ġentili, għax huwa qal dan, u min jista’ jmerih?

10 Iżda araw, din l‑art, jgħid Alla, se tkun l‑art ta’ wirtkom, u l‑Ġentili se jkunu mberkin fuq din l‑art.

11 U din l‑art se tkun art ta’ ħelsien għall‑Ġentili, u mhu se jkun hawn l‑ebda slaten fuq l‑art, li se jaħkmu fuq il‑Ġentili.

12 U jiena sejjer niffortifika din l‑art kontra l‑ġnus l‑oħra kollha.

13 U dak li jeħodha kontra Sijon sejjer jinqered, jgħid Alla.

14 Għax dak li jaħtar sultan kontrija sejjer jinqered, għax jiena, il‑Mulej, is‑sultan tas‑smewwiet, se nkun is‑sultan tagħhom, u se nkun għal dejjem dawl għal dawk li jisimgħu kliemi.

15 U huwa għalhekk li l‑patti tiegħi jeħtieġ jiġu fis‑seħħ, li jien għamilt ma’ wlied il‑bnedmin, li se nagħmel magħhom waqt li għadhom fil‑ġisem, jeħtieġ li jien neqred l‑għemejjel sigrieti tad‑dlam, u tal‑qtil, u l‑għemejjel mistkerrha.

16 Għalhekk, dawk li jeħduha kontra Sijon, kemm il‑Lhudi kif ukoll il‑Ġentil, kemm l‑ilsir kif ukoll il‑ħieles, kemm ir‑raġel kif ukoll il‑mara, sejrin jinqerdu; għax huma dawk li huma l‑prostituta tad‑dinja kollha; għax dawk li mhumiex miegħi huma kontrija, jgħid Alla tagħna.

17 Għax jiena se nġib fis‑seħħ il‑wegħdiet tiegħi li jien għamilt ma’ wlied il‑bnedmin, li se nagħmel magħhom waqt li huma fil‑ġisem—

18 Għalhekk, għeżież ħuti, hekk jgħid Alla tagħna: Jien sejjer ngħakkes lil nislek permezz ta’ id il‑Ġentili; madankollu, jien se nrattab qalb il‑Ġentili, li jkunu għalihom bħallikieku missierhom, għalhekk, il‑Ġentili se jkunu mberkin u magħdudin fost id‑dar ta’ Iżrael.

19 Għalhekk, jien se nikkonsagra din l‑art lil nislek, u lil dawk li sejrin jingħaddu ma’ nislek, għal dejjem, bħala l‑art ta’ wirthom; għax hija art magħżula, jgħidli Alla, fost kull art oħra, għalhekk il‑bnedmin kollha li jgħammru fiha jien irridhom li jqimuni, jgħid Alla.

20 U issa, għeżież ħuti, peress li l‑ħanin Alla tagħna tana daqstant għarfien kbir dwar dawn il‑ħwejjeġ, ejjew niftakru fih, u niċħdu dnubietna, u ma nniżżlux rasna ’l isfel, għax aħna ma ġejniex imwarrbin; madankollu, aħna ġejna imkeċċijin mill‑art ta’ wirtna; iżda aħna ġejna mmexxijin lejn art aħjar, għax il‑Mulej għamel il‑baħar triqitna, u aħna ninsabu fuq gżira tal‑baħar.

21 Iżda kbar huma l‑wegħdiet tal‑Mulej li għamel ma’ dawk li huma fuq il‑gżejjer tal‑baħar; għalhekk peress li tgħid gżejjer, bilfors li hawn aktar minn din, u huma jinsabu mgħammra wkoll b’ħutna.

22 Għax araw, il‑Mulej Alla wera t‑triq minn żmien għall‑ieħor lil hinn mid‑dar ta’ Iżrael, skont ir‑rieda u x‑xewqa tiegħu. U issa araw, il‑Mulej jiftakar f’dawk kollha li ġew maqtugħin, għalhekk hu jiftakar fina wkoll.

23 Għalhekk, imlew qalbkom bil‑ferħ u ftakru li intom ħielsa li taġixxu għalikom infuskom—li tagħżlu t‑triq tal‑mewt ta’ dejjem jew it‑triq tal‑ħajja eterna.

24 Għalhekk, għeżież ħuti, irrekonċiljaw irwieħkom mar‑rieda ta’ Alla, u mhux mar‑rieda tax‑xitan u tal‑ġisem; u ftakru, wara li tirrekonċiljaw irwieħkom ma’ Alla, huwa biss fil‑grazzja u permezz tal‑grazzja ta’ Alla li intom issalvaw.

25 Għalhekk, jalla Alla jqajjimkom mill‑mewt permezz tal‑qawwa tal‑qawmien, kif ukoll mill‑mewt ta’ dejjem permezz tal‑qawwa tal‑espjazzjoni, ħalli tkunu tistgħu tintlaqgħu fis‑saltna eterna ta’ Alla, biex tkunu tistgħu tfaħħruh permezz tal‑grazzja divina. Ammen.