Skrittura
2 Nefi 16


Kapitlu 16

Isaija jara lill‑Mulej—Dnubiet Isaija maħfura—Hu ġie msejjaħ biex iħabbar—Huwa jħabbar dwar il‑Lhud li warrbu t‑tagħlim ta’ Kristu—Fdal se jerġa’ lura—Qabbel Isaija 6. Madwar 559–545 Q.K.

1 Fis‑sena li fiha miet is‑sultan Għużżija, jien rajt ukoll lill‑Mulej bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq, u djul il‑libsa tiegħu kienu jimlew it‑tempju.

2 ’Il fuq minnu kien hemm is‑serafini; kull wieħed b’sitt ġwienaħ; bi tnejn għatta wiċċu, u bi tnejn għatta riġlejh, u bi tnejn ittajjar.

3 U wieħed beda jgħajjat lill‑ieħor u jgħid: Qaddis, qaddis, qaddis, hu l‑Mulej tal‑Eżerċti; l‑art kollha mimlija bil‑glorja tiegħu.

4 U s‑sisien tal‑bieb theżhżu b’leħen dak li beda jgħajjat, u d‑dar mtliet bid‑duħħan.

5 Mbagħad jiena għidt: Jaħasra għalija! mitluf jien; għax jien bniedem b’xufftejh imniġġsa; u f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar; għax rajt b’għajnejja lis‑Sultan, il‑Mulej tal‑Eżerċti.

6 Mbagħad wieħed mis‑serafini ttajjar lejja, b’faħma taqbad f’idu, li hu kien qabad bil‑pinzetti minn fuq l‑artal;

7 U messli fommi biha u qalli: Ara, din messitlek xufftejk; u ħżunitek għebet, u minn dnubek tnaddaft.

8 Mbagħad smajt ukoll leħen il‑Mulej jgħid: Lil min se nibgħat, u min se jmurilna? U jien għidt: Hawn jien; ibgħat lili.

9 U hu qal: Mur u għid lil dan il‑poplu—Jisimgħuk, iva, imma ma jifhmux; jarawk, iva, imma ma jagħrfux.

10 Semmen qalb dan il‑poplu, u soddlu widnejh, u agħlaqlu għajnejh—li ma jmurx jara b’għajnejh, u jisma’ b’widnejh, u b’qalbu jifhem, u jikkonverti u jfiq.

11 Mbagħad jien għidt: Sakemm Mulej? U hu qal: Sakemm jitħarbtu l‑bliet, u ħadd ma jgħammar fihom, u d‑djar jibqgħu bla nies, u l‑art issir ħerba sħiħa;

12 U l‑Mulej biegħed lin‑nies, u bosta jkunu l‑imkejjen mitluqa f’nofs l‑art.

13 Iżda madankollu se jkun hemm il‑waħda f’għaxra, u jerġgħu lura, u jittieklu, bħat‑terebint u l‑balluta li s‑sustanza tagħhom tinsab fihom meta jwaqqgħu l‑weraq tagħhom; b’hekk iż‑żerriegħa qaddisa tkun is‑sustanza tagħhom.