Skrittura
2 Nefi 23


Kapitlu 23

Il‑qerda ta’ Babilonja hija simbolu tal‑qerda fit‑Tieni Miġja—Dan se jkun jum ta’ korla u vendetta—Babilonja (id‑dinja) se taqa’ darba għal dejjem—Qabbel Isaija 13. Madwar 559–545 Q.K.

1 Il‑kundanna ta’ Babilonja, li ra Isaija bin Amos.

2 Fuq muntanja għolja tellgħu stendard, għollu leħinkom lejhom, xejjrulhom idkom, ħalli jidħlu minn bwieb in‑nobbli.

3 Jien tajt l‑ordni lill‑qaddisin tiegħi, sejjaħt ukoll lill‑qalbiena tiegħi, għax għadbi mhuwiex fuq dawk li jifirħu bil‑glorja tiegħi.

4 L‑istorbju tal‑kotra fuq il‑muntanji bħal ta’ poplu kbir, l‑istorbju tar‑rewwixta tas‑saltniet tal‑ġnus miġmugħa flimkien, il‑Mulej tal‑Eżerċti jiġbor l‑eżerċti tal‑gwerra.

5 Ġejjin minn art imbiegħda, minn truf is‑smewwiet, sewwasew, il‑Mulej, u t‑tagħmir ta’ għadbu, biex jagħmel ħerba mill‑art kollha.

6 Ixhru, għax qorob jum il‑Mulej; se jasal bħal qerda mingħand is‑Setgħan.

7 Għalhekk idejn kulħadd jintelqu, u qalb kull bniedem tinħall;

8 U lkoll jitwerwru; uġigħ u niket jaqbadhom; miblugħin iħarsu lejn xulxin; wiċċhom ikun bħall‑fjammi.

9 Araw, jum il‑Mulej għad jasal, kiefer kemm bil‑għadab kif ukoll bil‑qilla tal‑korla, biex jagħmel mill‑art ħerba; u jeqred minnha l‑midinbin.

10 Għax il‑kwiekeb tas‑smewwiet u l‑ġemgħat tagħhom ma jarmux aktar id‑dawl tagħhom; hi u tielgħa, ix‑xemx tiddallam, u l‑qamar ma jroxx dawlu.

11 U jien nikkastiga d‑dinja għal ħżunitha, u l‑ħżiena għal ħtijiethom; nġib fix‑xejn il‑kburija tal‑imkabbrin, u s‑suppervja tat‑terribbli mmidd mal‑art.

12 Nagħmel il‑bniedem aktar prezzjuż mid‑deheb fin; sewwasew il‑bniedem aktar mill‑feles dehbi ta’ Ofir.

13 Għalhekk, nriegħed is‑smewwiet, u minn sisienha titheżheż l‑art, bil‑qilla tal‑Mulej tal‑Eżerċti, u f’jum in‑nar tal‑korla tiegħu.

14 U jkun bħal ċriev ikkaċċjat, u bħal nagħġa li m’hemm ħadd jiġborha; u jdur kull wieħed lejn il‑poplu tiegħu, u kull bniedem lejn artu jaħrab.

15 Kull min hu mkabbar, jinfduh; iva, u kull min hu ħaġa waħda mal‑ħżiena, jaqa’ permezz tax‑xabla.

16 Itertqulhom l‑uliedhom quddiem għajnejhom; jisirqulhom ’il djarhom u san‑nisa jistuprawlhom.

17 Araw, jien inqajjem għalihom il‑Medi, li ma jħarisx lejn il‑fidda u d‑deheb, u ma jeħux pjaċir bihom.

18 Qwieshom itertqu wkoll iż‑żgħażagħ; u ma jkollhom l‑ebda ħniena għal frott il‑ġuf; għajnejhom mhumiex se jeħilsuha lit‑tfal.

19 U Babilonja, il‑glorja tas‑saltniet, is‑sbuħija tal‑maestà tal‑Kaldin, għad tkun bħal Sodoma u Gomorra, meta ġġarrfu b’idejn Alla.

20 Qatt aktar ma titgħammar, minn nisel għal nisel ħadd aktar ma joqgħod fiha: lanqas l‑Għarbi ma jtella l‑għarix fiha; u r‑rgħajja lanqas ma jserrħu l‑merħla tagħhom hemm.

21 Imma hemm jistrieħu l‑bhejjem selvaġġi tax‑xagħri; u djarhom ikunu mimlijin ngħam; u jgħammru hemm il‑kokki, u jiżfnu hemm is‑satri.

22 U l‑bhejjem selvaġġi tal‑gżejjer inewwħu fil‑ħerba ta’ djarhom, u d‑draguni fi djarhom tal‑pjaċir; u s‑siegħa tagħha waslet, u jiemha iżjed ma jtulux. Għax jien ma ndumx ma neqridha; iva, għax jien se nkun ħanin mal‑poplu tiegħi, iżda l‑ħżiena se jinqerdu.