Skrittura
2 Nefi 13


Kapitlu 13

Ġuda u Ġerusalemm se jiġu kkastigati għad‑diżubbidjenza tagħhom—Il‑Mulej se jiddefendi lill‑poplu tiegħu u jagħmel ħaqq minnu—Il‑bniet ta’ Sijon huma misħuta u maħqura minħabba l‑mondanità tagħhom—Qabbel Isaija 3. Madwar 559–545 Q.K.

1 Għax araw, is‑Sid, il‑Mulej tal‑Eżerċti, se jneħħi minn Ġerusalemm, u minn Ġuda, kull appoġġ u sapport, kull matmura ħobż, u kull ħażna ta’ ilma—

2 Il‑qalbieni, u l‑gwerrier, l‑imħallef, u l‑profeta, u l‑għaqli u l‑anzjan;

3 Il‑kaptan tal‑ħamsin, u l‑bniedem nobbli, u l‑kunsillier, u l‑artiġjan makakk, u l‑kelliem elokwenti.

4 U nagħtihom tfal bi prinċpijiethom, u t‑trabi għad jaħkmuhom.

5 U l‑poplu se jkun mgħakkes, wieħed jgħakkes lil ieħor, kull wieħed mill‑ġar tiegħu; it‑tfajjel jitkabbar fuq l‑anzjan, u l‑bniedem vili fuq in‑nobbli.

6 Meta jaqbad wieħed lil ħuh f’dar missieru u jgħidlu: Int għandek x’tilbes, ejja u aħkem fuqna, u tħallix li din il‑ħerba tkun taħt idejk—

7 Dakinhar hu jaħlef u jgħid: Jien mhux se nkun fejjieq; għax f’dari m’għandi la ħobż u lanqas ħwejjeġ; la tagħmlunix ħâkem tal‑poplu.

8 Għax iġġarrfet Ġerusalemm u Ġuda waqgħet, għax ilsienhom u għemilhom kienu kontra l‑Mulej, biex jipprovokaw l‑għajnejn tal‑glorja tiegħu.

9 Il‑ħarsa ta’ wiċċhom tixhed kontrihom, u sewwasew dnubiethom bħal Sodoma jxandru, u ma jistgħux jaħbuhom. Ħażin għalihom, għax b’idejhom iġibu fuqhom stess il‑ħażen!

10 Għidu lill‑ġusti li huma se jkollhom ir‑risq; għax għad jieklu frott għemilhom.

11 Ħażin għall‑ħżiena, għaliex huma sejrin jinqerdu; għax għemil idejhom se jkun fuqhom!

12 U l‑poplu tiegħi, it‑tfal huma li jaħkmuhom, u n‑nisa li jmexxuhom. O poplu tiegħi, il‑mexxejja tiegħek iwassluk biex tiżbalja, iħarbtu t‑triq tal‑mogħdijiet tiegħek.

13 Il‑Mulej iqum biex jiddefendikom, u jagħmel ħaqq mill‑poplu.

14 Il‑Mulej ġej jagħmel il‑ħaqq mill‑anzjani tal‑poplu tiegħu; u mill‑prinċpijiet tagħhom; għax intom ħarbattu qasam id‑dwieli u sraqtu l‑fqir biex imlejtu djarkom.

15 X’se tieħdu b’dan? Intom tgħakksu l‑poplu tiegħi, u titħnu wiċċ il‑fqir, jgħid il‑Mulej Alla tal‑Eżerċti.

16 Barra minn hekk, jgħid il‑Mulej: Minħabba li l‑bniet ta’ Sijon tkabbru, u jimxu b’għonqhom imserdak, u b’għajnejhom jegħmżu, jgħaddu jiżżegilgu, u jċekċku ċ‑ċnieċel ta’ riġlejhom—

17 Għalhekk il‑Mulej għad jiksi bil‑qxur il‑qorriegħa ta’ bniet Sijon, u għerithom jikxfilhom il‑Mulej.

18 Dakinhar il‑Mulej ineżżagħhom mit‑tlellix ta’ lbieshom, u mill‑bejta ta’ xagħarhom, u mill‑oqmra li jkunu lebsin;

19 Mill‑imsielet u l‑brazzuletti, u mill‑filoxx;

20 Mix‑xedd tar‑ras, u mill‑ġawhar imsensel mar‑riġlejn, u mill‑faxex tar‑ras u l‑kwies tal‑fwejjaħ, u mill‑amuleti;

21 Miċ‑ċrieket, u mill‑ħoloq għall‑imnieħer;

22 Mill‑ilbies rikk u l‑imnatar, u mix‑xalel, u l‑labar tax‑xagħar;

23 Mill‑mirja u mill‑għażel fin, u mill‑brieret, u mill‑velu.

24 U jkun hemm dakinhar minflok fwieħa, ntejjen; u minflok trieħi, ħbula; u minflok xagħar midfur, qriegħi; u minflok mantar, tgeżwir bix‑xkejjer; minflok ġmiel, it‑timbru tal‑jasar.

25 L‑irġiel tiegħek jaqgħu taħt ix‑xabla u l‑qalbiena tiegħi fit‑taqtigħa.

26 U l‑bwieb tagħha jibku u jixhru; u hi se tkun għerja, u se tkun mitluqa mal‑art.