Skrittura
2 Nefi 20


Kapitlu 20

Il‑qerda tal‑Assirja hi simbolu tal‑qerda tal‑ħżiena fit‑Tieni Miġja—Ftit se jkun baqa’ nies wara li l‑Mulej jerġa’ jiġi—F’dak il‑jum il‑fdal ta’ Ġakobb se jerġgħu lura—Qabbel Isaija 10. Madwar 559–545 Q.K.

1 Gwaj għal dawk li jħabbru digrieti nġusti, u li jiktbu l‑inġustizzja li jkunu ordnaw;

2 Li jwarrbu mill‑ġustizzja lil min hu fil‑bżonn, u jisirqu jedd il‑fqar tal‑poplu tiegħi, li jagħmlu priża mir‑romol, u jaħtfu ġid l‑iltiema!

3 U x’se tagħmlu f’jum il‑kastig, u fil‑ħerba li ġejja mill‑bogħod? lejn min se dduru għall‑għajnuna? u fejn se tħallu l‑glorja tagħkom?

4 Mingħajri jispiċċaw jinxteħtu taħt il‑priġunieri, u jaqgħu taħt il‑mejtin. B’danakollu l‑korla tiegħu ma reġgħetx lura, iżda idu għadha merfugħa.

5 O Assirjan, il‑ħatar ta’ għadbi, u l‑għasluġ f’idejhom il‑qilla tagħhom.

6 Kontra ġens ipokrita jien nibagħtu, u kontra l‑poplu tad‑dagħdigħa tiegħi jien nordnalu, li jħarbtu bla ħniena, jaħtaflu l‑priża, u jgħaffeġ fuqu bħat‑tajn tat‑toroq.

7 Imma hu ma jifhimhiex hekk, u f’qalbu ma jidhirlux hekk; iżda f’qalbu għandu li jħarbat, u jeqred bosta ġnus mhux ftit.

8 Għax jgħid: Jaqaw il‑prinċpijiet tiegħi m’humiex kollha slaten?

9 M’hijiex Kalnu bħal Karkemis? M’hijiex Ħamat bħal Arfad? M’hijiex Samarija bħal Damasku?

10 Bħalma idi waqqfet is‑saltniet tal‑allat, fejn kellhom xbihat minquxa aktar minn Ġerusalemm u Samarija;

11 Bħalma għamilt lil Samarija u lil allatha, ma nagħmilx lil Ġerusalemm u lil allatha?

12 Għalhekk għad jiġri li meta l‑Mulej itemm li għandu jagħmel fuq l‑Għolja ta’ Sijon u Ġerusalemm, jien nikkastiga l‑frott tal‑kburija ta’ qalb is‑sultan tal‑Assirja, u l‑glorja tal‑arroganza tiegħu.

13 Għax hu qal: Bis‑saħħa ta’ jdejja u bl‑għaqal tiegħi għamilt dan kollu; għax jien għaqli; u mexxejt il‑fruntieri tal‑popli, u ħtaftilhom ġidhom, u bħall‑ġorf niżżilt lil dawk li jgħammru fiha;

14 U idi sabet bħal bejta ġid il‑poplu; u bħalma wieħed jiġbor il‑bajd mitluq, jien ġbart l‑art kollha; u ħadd ma ħarrek ġwenħajh, jew fetaħ munqaru u pespes.

15 Forsi qatt ftaħret il‑mannara kontra min iqaċċat biha? Forsi l‑munxar qatt qam għal min jaħdem bih? Bħallikieku l‑ħatar jista’ jħarrek lil min jerfgħu, jew l‑għasluġ jerfa’ lilu nnifsu bħallikieku ma kienx biċċa għuda!

16 Għalhekk għad jibgħat is‑Sid, il‑Mulej tal‑Eżerċti, l‑għelubija f’simnitu, u taħt il‑glorja tiegħu iqabbadlu l‑ħruq bħall‑ħruq tan‑nar.

17 U d‑dawl ta’ Iżrael isir nar, u l‑Qaddis tiegħu nar iħeġġeġ, u jsir jaħraq u jikkonsma f’jum wieħed il‑ħurrieq u x‑xewk;

18 U se jikkonsma l‑glorja tal‑masġar tiegħu u tal‑għalqa għammiela tiegħu, kemm ir‑ruħ u kemm il‑ġisem; u huma jkunu bħal meta jaqa’ wieħed li jġorr il‑bandiera.

19 U ftit biss se jkun il‑fdal tas‑siġar tal‑masġar tiegħu, li tfajjel jgħoddhom.

20 U jiġri dakinhar li l‑fdal ta’ Iżrael u l‑bqija li jaħarbu minn dar Ġakobb, ma jibqgħux iżjed jistrieħu fuq min sawwathom, imma jitwieżnu bis‑sewwa fuq il‑Mulej, il‑Qaddis ta’ Iżrael.

21 Il‑fdal jerġa’ lura, iva, sewwasew il‑fdal ta’ Ġakobb, lejn Alla l‑qawwi.

22 Għax, mqar jekk il‑poplu tiegħek Iżrael, ikun bħar‑ramel tal‑baħar, madankollu fdal minnu għad jerġa’ lura; il‑qerda ordnata se tfur bil‑ġustizzja.

23 Għax deċiża l‑qerda li se jagħmel il‑Mulej Alla tal‑Eżerċti, fl‑art kollha.

24 Għalhekk, dan jgħid il‑Mulej Alla tal‑Eżerċti: O poplu tiegħi, int li tgħammar f’Sijon, la tibżax mill‑Assirjan; huwa jsawwtek bil‑bastun, u jerfa’ fuqek il‑ħatar tiegħu, bħalma għamlulek fl‑Eġittu.

25 Għax f’qasir żmien għad tibred ir‑rabja tiegħi, u l‑korla tiegħi ddur għall‑qerda tagħhom.

26 U l‑Mulej tal‑Eżerċti se jibgħat kastig fuqu, bħalma għamel fil‑massakru ta’ Midjan ħdejn il‑blata ta’ Għoreb; u kif il‑bastun refa’ għal fuq il‑baħar, l‑istess jerfgħu bħalma għamel fl‑Eġittu.

27 U jiġri dakinhar li titneħħa minn fuq spalltek it‑tagħbija, u l‑madmad tiegħu jitneħħa minn fuq għonqok, u l‑madmad sejjer jinqered minħabba d‑dlik.

28 Hu wasal Għajjât, qasam minn Migron; f’Mikmas ħalla t‑tagħmir tiegħu.

29 Huma qasmu l‑mogħdija; f’Geba waqqfu l‑kamp; Rama titriegħed; Gibgħa ta’ Sawl ħarbet.

30 Għolli leħnek, O bint Gallim; ara li jasal sa Lajsa, O msejkna Għanatot.

31 Madmena tneħħiet; in‑nies ta’ Gebim jinġabru biex jaħarbu.

32 Imma għal dakinhar jibqa’ f’Nob; u jxejjer idu lejn l‑għolja ta’ bint Sijon, il‑muntanja ta’ Ġerusalemm.

33 Arawh is‑Sid, il‑Mulej tal‑Eżerċti se jqaċċat il‑friegħi bit‑terrur; u se jitqaċċtu dawk ta’ statura għolja; u l‑kburin se jkunu umiljati.

34 U hu se jaqta’ l‑qalba tal‑masġar bil‑ħadid, u jaqa’ l‑Libanu permezz ta’ wieħed setgħan.