Skrittura
2 Nefi 5


Kapitlu 5

In‑Nefiti jinfirdu mil‑Lamaniti, iħarsu l‑liġi ta’ Mosè, u jibnu tempju—Minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom, il‑Lamaniti jitwarrbu minn quddiem il‑Mulej, jiġu misħuta, u jsiru pjaga għan‑Nefiti. Madwar 588–559 Q.K.

1 Araw, ġara li jiena, Nefi, għajjatt b’qawwa lill‑Mulej Alla tiegħi, minħabba l‑korla ta’ ħuti.

2 Iżda araw, huma aktar inkurlaw għalija, tant li ppruvaw ineħħuli ħajti.

3 Iva, huma bdew igergru kontrija, u jgħidu: Ħuna ż‑żgħir jaħseb li se jmexxina hu; u aħna għaddejna minn bosta sfidi minħabba fih; għalhekk, ejjew noqtluh, ħalli ma jkollniex għalfejn inbatu aktar minħabba kliemu. Għax araw, aħna mhux se nħalluh ikun il‑mexxej tagħna; għax għandna nkunu aħna, il‑kbar fost l‑aħwa, li nsaltnu fuq dan il‑poplu.

4 Issa jien mhux se nikteb fuq dawn il‑pjanċi l‑kliem kollu li huma lissnu kontrija. Iżda jkun biżżejjed li ngħid, li huma ppruvaw ineħħuli ħajti.

5 U ġara li l‑Mulej wissieni, li jien, Nefi, kelli nitlaq minn ħdejhom u naħrab lejn id‑deżert, kif ukoll dawk kollha li kienu lesti jiġu miegħi.

6 Għalhekk, ġara li jiena, Nefi, ħadt miegħi lill‑familja tiegħi, kif ukoll lil Żoram u lill‑familja tiegħu, u lil ħija ta’ qabli Sam u lill‑familja tiegħu, u lil ħuti ż‑żgħar, Ġakobb u Ġużeppi, kif ukoll lil ħuti nisa, u lil dawk kollha li kienu lesti jiġu miegħi. U dawk kollha li kienu lesti jiġu miegħi kienu dawk li emmnu fit‑twissijiet u fir‑rivelazzjonijiet ta’ Alla; għalhekk, huma semgħu minn kliemi.

7 U aħna ħadna magħna t‑tined tagħna u kull ħaġa oħra li kienet possibbli għalina, u mxejna fid‑deżert għal perjodu ta’ bosta jiem. U wara li mxejna għal perjodu ta’ bosta jiem aħna tellajna t‑tined tagħna.

8 U n‑nies tiegħi riedu li l‑post insemmuh Nefi; għalhekk, aħna semmejnieh Nefi.

9 U dawk kollha li kienu miegħi ddeċidew li jsejħu lilhom infushom il‑poplu ta’ Nefi.

10 U aħna rajna li nħarsu d‑digrieti, u l‑liġijiet, u l‑kmandamenti tal‑Mulej f’kollox, skont il‑liġi ta’ Mosè.

11 U l‑Mulej kien magħna; u stagħnejna bil‑kbir; għax aħna żrajna ż‑żerriegħa, u l‑ħsad tagħna reġa’ kien abbundanti. U bdejna nrabbu l‑merħliet, u l‑baqar, u annimali ta’ kull tip.

12 U jiena, Nefi, ġibt miegħi ukoll il‑kitbiet li kienu mnaqqxa fuq il‑pjanċi tal‑bronż; kif ukoll il‑ballun, jew il‑boxxla, li kien ġie mħejji għal missieri permezz ta’ id il‑Mulej, skont ma hemm miktub.

13 U ġara li aħna bdejna nistagħnew bil‑kbir, u nitkattru fl‑art.

14 U jiena, Nefi, ħadt ix‑xabla ta’ Laban, u għamilt ħafna xwabel bħalha, ma jmorrux jiġu fuqna n‑nies li issa bdew jissejħu Lamaniti u jeqirduna; għax kont naf x’mibegħda huma għandhom lejja u lejn uliedi u lejn dawk li kienu jissejħu l‑poplu tiegħi.

15 U jien għallimt lin‑nies tiegħi biex jibnu l‑bini, u biex jaħdmu b’kull xorta ta’ injam, u ta’ ħadid, u ta’ ram, u ta’ bronż, u ta’ azzar, u ta’ deheb, u ta’ fidda, u ta’ metall prezzjuż, li kienu f’abbundanza kbira.

16 U jiena, Nefi, bnejt tempju; u bnejtu skont it‑tempju ta’ Salamun ħlief li ma kienx mibni minn affarijiet daqstant prezzjużi; għax ma kinux jinstabu fuq l‑art, u għalhekk, ma setax jinbena bħat‑tempju ta’ Salamun. Iżda l‑mod kif kien mibni kien bħat‑tempju ta’ Salamun; u kien magħmul b’sengħa mill‑aktar kbira.

17 U ġara li jien, Nefi, tlabt lin‑nies tiegħi biex ikunu ħabrieka, u jaħdmu b’idejhom.

18 U ġara li huma riedu li jien inkun is‑sultan tagħhom. Iżda jiena, Nefi, kelli x‑xewqa li huma ma jkollhom l‑ebda sultan; madankollu, jien għamilt għalihom dak kollu li stajt.

19 U araw, il‑kliem li l‑Mulej kien qal lil ħuti ġie fis‑seħħ, li hu qal dwarhom, fejn jien kelli nkun il‑mexxej tagħhom u l‑għalliem tagħhom. Għalhekk, jiena kont il‑mexxej tagħhom u l‑għalliem tagħhom, skont il‑kmandamenti tal‑Mulej, saż‑żmien li fih huma ppruvaw ineħħuli ħajti.

20 Għalhekk, il‑kelma tal‑Mulej ġiet fis‑seħħ meta lili kellimni u qalli li: Jekk huma ma jagħtux widen ta’ kliemek huma se jitwarrbu minn quddiem il‑Mulej. U araw, huma ġew imwarrba minn quddiemu.

21 U hu kien ra li s‑saħta tinżel fuqhom, iva, sewwasew saħta mill‑aktar kbira, minħabba ħżunithom. Għax araw, huma kienu webbsu qalbhom kontrih, fejn huma kienu saru bħaż‑żnied; għalhekk, minkejja li kienu bojod, u verament sbieħ u dħulin, biex il‑poplu tiegħi ma jinġibidx lejhom il‑Mulej Alla għamel li tiġi fuqhom ġilda skura.

22 U dan jgħid il‑Mulej Alla: Jien nagħmel li huma jkunu ta’ għajb għall‑poplu tiegħek, jekk huma ma jindmux minn ħżunithom.

23 U misħut se jkun in‑nisel ta’ dak li jitħallat man‑nisel tagħhom; għax huwa jiġi misħut sewwasew bl‑istess saħta. U dan qalu l‑Mulej, u hekk ġara.

24 U minħabba s‑saħta li waqgħet fuqhom huma saru nies għażżenin, kollhom kattiverja u ħżunija, u jikkaċċjaw il‑bhejjem fid‑deżert.

25 U l‑Mulej Alla qalli: Huma se jkunu pjaga għal nislek, biex tħeġġiġhom ħalli jiftakru fija; u jekk huma ma jiftakrux fija, u ma jagħtux widen għal kliemi, huma se jkunu l‑kaġun tal‑qerda tagħhom.

26 U ġara li jien, Nefi, ikkonsagrajt lil Ġakobb u lil Ġużeppi, biex huma jkunu qassisin u għalliema fuq art il‑poplu tiegħi.

27 U ġara li aħna għexna b’mod kuntent.

28 U għaddew tletin sena minn meta tlaqna minn Ġerusalemm.

29 U jiena, Nefi, żammejt sa issa l‑annali tal‑poplu tiegħi fuq il‑pjanċi li jien għamilt.

30 U ġara li l‑Mulej Alla qalli: Agħmel pjanċi oħra; u fuqhom naqqax bosta ħwejjeġ li huma tajbin f’għajnejja, għall‑gwadann tal‑poplu tiegħek.

31 Għalhekk, jiena, Nefi, biex inkun ubbidjenti lejn il‑kmandamenti tal‑Mulej, mort u għamilt dawn il‑pjanċi li fuqhom naqqaxt dawn il‑ħwejjeġ.

32 U jien naqqaxt dak li jogħġob lil Alla. U jekk il‑poplu tiegħi hu kuntent bil‑ħwejjeġ ta’ Alla hu jkun kuntent b’dak li jien naqqaxt fuq dawn il‑pjanċi.

33 U jekk il‑poplu tiegħi jixtieq ikun jaf speċifikament aktar dwar l‑istorja tal‑poplu tiegħi għandu jfittex fil‑pjanċi l‑oħra tiegħi.

34 U biżżejjed għalija li ngħid li għaddew erbgħin sena, u aħna diġà spiċċajna bil‑gwerer u t‑tilwim ma’ ħutna.