Skrittura
2 Nefi 11


Kapitlu 11

Ġakobb ra lill‑Feddej tiegħu—Il‑Liġi ta’ Mosè tissimbolizza lil Kristu u turi li Huwa għandu jiġi. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa, Ġakobb qal bosta ħwejjeġ oħra lill‑poplu tiegħi f’dak iż‑żmien; madankollu jiena rajt li jinkitbu biss dawn il‑ħwejjeġ, għax il‑ħwejjeġ li ktibt biżżejjed għalija.

2 U issa jiena, Nefi, se nikteb aktar minn kliem Isaija, għax ruħi fi kliemu ssib l‑għaxqa tagħha. Għax kliemu jiena se nxebbhu mal‑poplu tiegħi, u se nxandru ma’ wliedi kollha, għax hu verament ra lill‑Feddej tiegħi, l‑istess kif rajtu jien.

3 U ħija, Ġakobb, ukoll rah kif rajtu jien; għalhekk, jien se nxandar kliemhom ma’ wliedi biex nurihom li kliemi huwa veru. Għalhekk, permezz tal‑kelma ta’ tlieta, Alla qal, jien nistabbilixxi kelmti. Madankollu, Alla jibgħat aktar xhieda, u hu jivvalida dak kollu li jgħid.

4 Araw, ruħi ssib l‑għaxqa tagħha hekk kif nuri lill‑poplu tiegħi l‑verità tal‑miġja ta’ Kristu; għax, hu għalhekk li l‑liġi ta’ Mosè ġiet mogħtija; u kull ħaġa li ġiet mogħtija minn Alla sa mill‑bidu tad‑dinja, lill‑bniedem, hija rappreżentazzjoni tiegħu.

5 U ruħi ssib l‑għaxqa tagħha wkoll fil‑patti tal‑Mulej li hu għamel ma’ missirijietna; iva, ruħi ssib l‑għaxqa tagħha fil‑grazzja tiegħu, u fil‑ġustizzja, u l‑qawwa, u l‑ħniena tiegħu fil‑pjan kbir u etern tal‑ħelsien mill‑mewt.

6 U ruħi ssib l‑għaxqa tagħha waqt li nuri lill‑poplu tiegħi li kieku mhux għax Kristu għandu jiġi l‑bnedmin kollha jispiċċaw jintilfu.

7 Għax jekk ma jkun hawn l‑ebda Kristu ma jkun hawn l‑ebda Alla; u jekk ma jkun hawn l‑ebda Alla aħna mhux hawn, għax ma kien ikun hawn l‑ebda ħolqien. Iżda hemm Alla, u huwa Kristu, u hu għandu jiġi fil‑milja ta’ żmienu.

8 U issa se nikteb ftit mill‑kliem ta’ Isaija, biex dawk kollha fost il‑poplu tiegħi li se jaraw dan il‑kliem jgħollu qlubhom ’il fuq u jimtlew bil‑ferħ għall‑bnedmin kollha. Issa dan huwa l‑kliem, u intom tistgħu xxebbhuh magħkom u mal‑bnedmin kollha.