Skrittura
2 Nefi 15


Kapitlu 15

L‑għalqa tal‑Mulej (Iżrael) se ssir ħerba, u l‑poplu tiegħu se jiġi mxerred—Huma se jintlaqtu mill‑miżerja fl‑istat ta’ apostasija u mxerred tagħhom—Il‑Mulej se jgħolli stendard u jiġbor lil Iżrael—Qabbel Isaija 5. Madwar 559–545 Q.K.

1 U mbagħad ħa ngħanni lill‑maħbub tiegħi għanja ta’ mħabbtu, dwar l‑għalqa tad‑dwieli tiegħu. Il‑maħbub tiegħi għandu għalqa tad‑dwieli fuq għolja għammiela.

2 U dawwarha b’ċint, u naddafha miż‑żrar, u ħawwel fiha dwieli mill‑aħjar, u bena torri f’nofsha, u wkoll għamel magħsar fiha; u stennieha tagħmel l‑għeneb, iżda għamlet għeneb qares.

3 U issa, intom li tgħammru f’Ġerusalemm, u rġiel ta’ Ġuda, nitlobkom tagħmlu intom ħaqq bejni u bejn l‑għalqa tad‑dwieli tiegħi.

4 X’kien fadalli nagħmel aktar għall‑għalqa tiegħi li ma għamiltux? Għalhekk, meta stennejtha tagħmel l‑għeneb, għamlet għeneb qares.

5 U issa ħa nurikom x’sejjer nagħmel jien lill‑għalqa tad‑dwieli tiegħi—Inneħħilha l‑ilqugħ ta’ madwarha, u jħarbtuha; u nġarrfilha l‑ħajt ta’ madwarha, u tispiċċa mgħaffġa;

6 U nagħmel minnha xagħra; ħadd ma jiżborha jew jaħdimha; iżda jinbet fiha l‑ħurrieq u x‑xewk; jien nordna wkoll lis‑sħab biex ma jagħmilx aktar xita fuqha.

7 Għax l‑għalqa tad‑dwieli tal‑Mulej tal‑Eżerċti hija d‑dar ta’ Iżrael, u l‑irġiel ta’ Ġuda huma l‑mixtla sabiħa tiegħu; u huwa stenna l‑ġustizzja, u araw, sab l‑oppressjoni; stenna s‑sewwa, u araw, sama’ l‑għajjat.

8 Gwaj għal dawk li jżidu dar ma’ dar, sakemm ma jibqax aktar wisa’, fejn jibqgħu jgħammru weħidhom f’nofs l‑art!

9 Jien smajt b’widnejja, qal il‑Mulej tal‑Eżerċti, li fil‑verità ħafna djar għad isiru ħerba, u bliet kbar u sbieħ ma jgħammar fihom ħadd.

10 Iva, għaxar fiddien dwieli se jagħtu bât wieħed, u ħomer żerriegħa se jagħmlu efa.

11 Gwaj għal dawk li jbakkru filgħodu, li jiġru għal wara xorb is‑sokor, li jiddawwru billejl, sa ma jisħnu bl‑inbid!

12 U l‑arpa, u ċ‑ċitra, it‑tanbur u l‑flawt, u nbid x’jixorbu fl‑ikliet tagħhom; iżda xejn ma jaħsbu f’għemil il‑Mulej, u lanqas ma jagħtu kas għemil idejh.

13 Għalhekk, il‑poplu tiegħi spiċċa fil‑jasar, għax m’għandu l‑ebda għarfien; u n‑nobbli tagħhom imutu bil‑ġuħ, u tinxef bil‑għatx il‑kotra tagħhom.

14 Għalhekk, wassa’ l‑infern griżmejh u fetaħ ħalq daqsiex; u fih jinżlu l‑glorja tagħhom u l‑kotra tagħhom, u l‑għajjat tagħhom u dawk li jifirħu.

15 U għad jaqa’ fix‑xejn il‑bniedem, u jiċċekken is‑setgħan, u jitniżżlu għajnejn l‑imkabbrin.

16 Iżda l‑Mulej tal‑Eżerċti se jitgħolla f’jum il‑ħaqq, u Alla li hu Qaddis se jitqaddes fil‑ġustizzja.

17 Mbagħad jirgħu l‑ħrief bħallikieku f’mergħathom, u l‑barranin se jibilgħu l‑postijiet mitluqa tal‑għonja.

18 Gwaj għal dawk li jiġbdu l‑ħażen lejhom bil‑ħbula tal‑frugħa, u d‑dnub bħallikieku bil‑ħbula tal‑karrijiet;

19 Li jgħidu: Ħa jfittex jagħmel li għandu jagħmel ħalli narawh; u ħa joqrob u jseħħ il‑kmand tal‑Qaddis ta’ Iżrael, ħalli nagħrfuh.

20 Gwaj għal dawk li jsejjħu tajjeb il‑ħażin, u ħażin it‑tajjeb, u jibdlu d‑dlam mad‑dawl, u d‑dawl mad‑dlam, li jibdlu l‑morr mal‑ħelu, u l‑ħelu mal‑morr!

21 Gwaj għal dawk li huma għorrief f’għajnejhom, u mingħalihom għandhom id‑dehen!

22 Gwaj għal dawk qalbiena għal xorb l‑inbid, u rġiel jinqalgħu għat‑taħlit ta’ xorb is‑sokor;

23 Li jeħilsu l‑ħati mit‑tixħim, u mid‑dritt tiegħu jċaħħdu l‑bniedem sewwa!

24 Għalhekk, kif in‑nar jikkonsma l‑qasab, u bħalma l‑ħaxix niexef tibilgħu l‑fjamma, hekk għerqhom għad jitħassar, u n‑nwar tagħhom bħat‑trab jittajjar; għax huma warrbu l‑liġi tal‑Mulej tal‑Eżerċti, u stmerrew il‑kelma tal‑Qaddis ta’ Iżrael.

25 Għalhekk, xegħlet il‑korla tal‑Mulej għall‑poplu tiegħu, u medd idu fuqhom u darabhom; u theżhżu l‑għoljiet, u l‑katavri tagħhom sfaw biċċiet f’nofs it‑toroq. B’danakollu l‑korla tiegħu ma reġgħetx lura, iżda idu għadha merfugħa.

26 U hu jgħolli stendard lill‑ġnus mill‑bogħod, u jsaffrilhom minn truf l‑art; u arawhom, għandhom jiġu ħafif ħafif; ħadd minnhom mhu se jkun għajjien jew jogħtor.

27 Ħadd mhu se jongħos jew jorqod; la ħżiem ġenbejhom mhu se jinħall, u lanqas il‑qafla ta’ qrieqhom mhi se tinqata’;

28 Ikunu misnuna l‑vleġeġ tagħhom, u qwieshom kollha miġbuda, u bħaż‑żnied jingħaddu dwiefer iż‑żwiemel tagħhom, u bħal riefnu r‑roti ta’ karrijiethom, l‑għajjat tagħhom bħal tal‑iljun.

29 Bħall‑frieħ l‑iljun jgħajjtu; iva, jgħajjtu u jaħtfu l‑priża, u jaħarbu biha ’l bogħod mill‑periklu, u ħadd ma jeħodhielhom.

30 U jgħajjtu għalihom dakinhar, bħall‑għajjat tal‑baħar; u jekk iħarsu lejn l‑art, araw, dalma u diqa, u d‑dawl imdallam fis‑sema tiegħu.