Skrittura
2 Nefi 1


It‑Tieni Ktieb ta’ Nefi

Rakkont tal‑mewt ta’ Leħi. Ħut Nefi jeħduha kontrih. Il‑Mulej iwissi lil Nefi biex jerħilha lejn ix‑xagħri. Il‑vjaġġi tiegħu fix‑xagħri, u aktar.

Kapitlu 1

Leħi jħabbar dwar art ta’ ħelsien—Nislu se jiġu mxerrdin u kkastigati jekk huma jwarrbu lill‑Qaddis ta’ Iżrael—Hu jħeġġeġ lil uliedu s‑subien biex jilbsu fuqhom l‑armatura tas‑sewwa. Madwar 588–570 Q.K.

1 U ġara li wara li jien, Nefi, waqaft ngħallem lil ħuti, missierna, Leħi, ukoll beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ, u tennielhom kemm kien għamel magħhom ħwejjeġ kbar il‑Mulej li ħariġhom ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm.

2 U hu kellimhom dwar l‑irvellijiet tagħhom fuq l‑ilmijiet, u dwar il‑ħniena ta’ Alla li salvalhom ħajjithom, ħalli huma ma jinbelgħux fil‑baħar.

3 U hu kellimhom ukoll dwar l‑art imwiegħda, li huma kisbu—kemm kien ħanin il‑Mulej li wissiena li kellna naħarbu ’l barra mill‑art ta’ Ġerusalemm.

4 Għax, araw, huwa qal, jiena rajt dehra, li permezz tagħha naf li Ġerusalemm inqerdet; u li kieku bqajna f’Ġerusalemm aħna wkoll konna ninqerdu.

5 Iżda, huwa qal, minkejja t‑tbatijiet tagħna, aħna ksibna art imwiegħda, art li hi aqwa minn kull art oħra; art li l‑Mulej Alla għamel patt miegħi se tkun art għal wirt nisli. Iva, il‑Mulej permezz ta’ patt ta din l‑art lili, u lil uliedi għal dejjem, kif ukoll lil dawk li sejrin jitmexxew ’il barra minn pajjiżi oħra permezz ta’ id il‑Mulej.

6 Għalhekk, jiena, Leħi, inħabbar skont l‑għemejjel tal‑Ispirtu li jinsab fija, illi ħadd ma jiġi f’din l‑art sakemm ma jinġiebx permezz ta’ id il‑Mulej.

7 Għalhekk, din l‑art hi kkonsagrata lil dak li huwa jġib fiha. U jekk jiġri li lilu huma jaqduh skont il‑kmandamenti li huwa ta, hi tkun għalihom art ta’ ħelsien; għalhekk, huma qatt ma jittieħdu fil‑jasar; jekk jittieħdu, dan ikun minħabba l‑ħażen; għax jekk joktor il‑ħażen misħuta tkun l‑art minħabba fihom, iżda għat‑twajbin hi tkun imbierka għal dejjem.

8 U araw, huwa għerf li din l‑art għalissa ma jkunux jafu biha ġnus oħra; għax araw, bosta ġnus jispiċċaw jinvadu l‑art, li ma jkunx hawn aktar post għall‑wirt.

9 Għalhekk, jien, Leħi, ksibt wegħda, li sakemm dawk li l‑Mulej Alla se joħroġ ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm iħarsu l‑kmandamenti tiegħi, huma se jistagħnew fuq wiċċ din l‑art; u mhux se jkunu magħrufin mill‑ġnus l‑oħra kollha, ħalli huma jkunu jistgħu jieħdu f’idejhom din l‑art. U jekk huma jħarsu l‑kmandamenti tiegħu huma jkunu mberkin fuq wiċċ din l‑art, u ħadd ma jagħtihom fastidju, jew joħdilhom l‑art ta’ wirthom; u huma jgħammru b’moħħhom mistrieħ għal dejjem.

10 Iżda araw, meta jasal iż‑żmien li huma jibdew ftit, ftit jitilfu l‑fidi, wara li kisbu daqstant barkiet kbar minn id il‑Mulej—fejn ingħataw għarfien tal‑ħolqien tad‑dinja, u tal‑bnedmin kollha, fejn jafu bl‑għemejjel kbar u tal‑għaġeb tal‑Mulej mill‑ħolqien tad‑dinja; fejn ingħataw il‑qawwa li jwettqu kollox permezz tal‑fidi; fejn ingħataw il‑kmandamenti kollha mill‑bidu, u fejn twasslu permezz tat‑tjubija infinita tiegħu f’din l‑art imwiegħda mill‑aktar prezzjuża—araw, jiena ngħid, jekk jasal il‑jum li fih huma jwarrbu lill‑Qaddis ta’ Iżrael, il‑veru Messija, il‑Feddej tagħhom u Alla tagħhom, il‑ħaqq ta’ dak li hu ġust se jserraħ fuqhom.

11 Sewwasew, huwa jġib ġnus oħra fosthom, u lilhom hu jagħtihom il‑qawwa, u jieħu mingħandhom l‑artijiet li kienu ħadu, u hu jwassalhom biex huma jiġu mxerrdin u kkastigati.

12 Sewwasew, hekk kif ġenerazzjoni tmur u oħra tiġi se jkun hemm bosta tixrid tad‑demm, u kastigi kbar fosthom; għalhekk, uliedi, nixtieq li intom tiftakru; iva, nixtieq li intom tagħtu widen għal kliemi.

13 Mhux li kontu tistenbħu; tistenbħu minn nagħsa tqila, iva, sewwasew min‑nagħsa tal‑infern, u tinħallu mill‑ktajjen terribbli li tinsabu marbutin bihom, li huma l‑ktajjen li jorbtu lil ulied il‑bnedmin, ħalli huma jinġarru ’l isfel fil‑jasar sal‑abiss etern tal‑miżerja u l‑għaks.

14 Stenbħu! U qumu mit‑trab, u isimgħu l‑kliem ta’ ġenitur jitriegħed, li riġlejh dalwaqt sejrin tniżżluhom f’qabar kiesaħ u sieket, minn fejn l‑ebda vjaġġatur ma jista’ jerġa’ lura; ftit jiem oħra u jien se naqbad it‑triq tal‑bnedmin kollha tal‑art.

15 Iżda araw, il‑Mulej ħelisni mill‑infern; jiena rajt il‑glorja tiegħu, u jien ninsab imdawwar għal dejjem f’dirgħajn imħabbtu.

16 U jien nixtieq li intom tiftakru tħarsu l‑liġijiet u d‑digrieti tal‑Mulej; araw, din il‑ħaġa ilha tinkwieta ruħi mill‑bidu nett.

17 Qalbi ili nħossha minn żmien għall‑ieħor mgħobbija bin‑niket, għax ili nibża’ li minħabba l‑ebusija ta’ qalbkom il‑Mulej Alla tagħkom sejjer isawwab il‑milja tal‑korla tiegħu fuqkom, li intom tispiċċaw maqtugħin u meqrudin għal dejjem;

18 Jew, li tinżel fuqkom saħta għal perjodu ta’ bosta ġenerazzjonijiet, u li tintlaqtu mix‑xabla, u mill‑ġuħ, u tkunu mibgħuda, u tiġu mmexxijin skont ir‑rieda u l‑jasar tax‑xitan.

19 O wliedi, mhux li kien li intom ma tintlaqtux minn dawn il‑ħwejjeġ, iżda li tkunu poplu magħżul u mbierek tal‑Mulej. Iżda araw, ikun li jrid hu; għax triqtu hi ġusta għal dejjem.

20 U hu qal li: Sakemm tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom se jkollkom ir‑risq fl‑art; iżda jekk ma tħarsux il‑kmandamenti tiegħi intom sejrin tinqatgħu mill‑preżenza tiegħi.

21 U issa biex forsi ruħi tkun tista’ tithenna minħabba fikom, u biex forsi qalbi tħalli did‑dinja b’mod hieni minħabba fikom, li jien ma nitniżżilx kollni diqa u niket fil‑qabar, qumu mit‑trab, uliedi, u kunu rġiel, u għażlu li tkunu ta’ fehma waħda u ta’ qalb waħda, ħaġa waħda f’kollox, sabiex intom ma tittieħdux fil‑jasar.

22 Sabiex intom ma tkunux misħutin b’saħta mill‑aktar kbira; kif ukoll, biex ma tistiednux fuqkom il‑qilla ta’ Alla ġust, li twassal għall‑qerda, iva, il‑qerda eterna kemm tar‑ruħ kif ukoll tal‑ġisem.

23 Stenbħu, uliedi; ilbsu fuqkom l‑armatura tas‑sewwa. Inħallu mill‑ktajjen li tinsabu marbutin bihom, u oħorġu ’l barra mill‑oskurità, u qumu mit‑trab.

24 Teħduhiex aktar kontra ħukom, li kellu viżjonijiet mill‑aktar glorjużi, u li ilu jħares il‑kmandamenti minn meta tlaqna minn Ġerusalemm; u li kien strument f’idejn Alla, biex aħna twassalna fl‑art imwiegħda; għaliex kieku ma kienx għalih, aħna konna ninqerdu bil‑ġuħ fid‑deżert; madankollu, intom ippruvajtu tneħħulu ħajtu; iva, u hu għadda minn daqstant niket minħabba fikom.

25 U jiena nibża’ u nitriegħed bil‑kbir minħabba fikom, li hu jerġa’ jbati; għax araw, lilu intom xlejtuh li hu xtaq jikseb il‑poter u s‑setgħa fuqkom; iżda jien naf li hu ma xtaq jikseb l‑ebda poter jew setgħa fuqkom, iżda hu xtaq jikseb il‑glorja ta’ Alla, u lilkom xtaqilkom il‑ġid etern.

26 U intom bdejtu tilmentaw għaliex huwa kien skjett magħkom. Intom tgħidu li hu uża kliem iebes; tgħidu li hu nkorla għalikom; iżda araw, il‑kliem iebes tiegħu kien il‑kliem iebes tal‑qawwa tal‑kelma ta’ Alla, li kienet fih; u dik li intom issejħulha korla kienet il‑verità, skont dak li jinsab f’Alla, li ma jistax iżomm lura, fejn huwa jurikom b’mod ċar ħżunitkom.

27 U jeħtieġ li l‑qawwa ta’ Alla tkun miegħu, saħansitra li hu jordnalkom sabiex intom tobdu. Iżda araw, ma kienx hu, iżda kien l‑Ispirtu tal‑Mulej li kien fih, li fetaħlu fommu biex jitkellem, tant li lanqas biss seta’ jagħlqu.

28 U issa ibni, Laman, kif ukoll Lemwel u Sam, kif ukoll uliedi li intom l‑ulied subien ta’ Ismagħel, araw, jekk intom tisimgħu minn leħen Nefi intom ma tinqerdux. U jekk intom tisimgħu minnu jiena nagħtikom barka, iva, sewwasew l‑ewwel barka tiegħi.

29 Iżda jekk ma tisimgħux minnu jiena nieħu lura l‑ewwel barka tiegħi, iva, sewwasew il‑barka tiegħi, u din tinżel fuqu.

30 U issa, Żoram, se nkellem lilek: Ara, inti l‑qaddej ta’ Laban; madankollu, inti nħriġt ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, u jien naf li inti ħabib veru ta’ ibni, Nefi, għal dejjem.

31 Għalhekk, peress li inti kont fidil, nislek se jkun imbierek flimkien ma’ nislu, fejn huma se jgħammru fil‑ġid għal żmien twil fuq wiċċ din l‑art; u xejn, ħlief jekk ikun hemm il‑ħażen fosthom, ma jkun jista’ jagħmel ħsara jew ifixkel il‑ġid tagħhom fuq wiċċ din l‑art għal dejjem.

32 Għalhekk, jekk inti tħares il‑kmandamenti tal‑Mulej, il‑Mulej ikkonsagra din l‑art għas‑sigurtà ta’ nislek flimkien ma’ nisel ibni.