Skrittura
2 Nefi 25


Kapitlu 25

Nefi jeżulta fis‑sempliċità—Il‑profeziji ta’ Isaija se jiġu mifhuma fl‑aħħar żminijiet—Il‑Lhud jerġgħu lura minn Babilonja, isallbu lill‑Messija, u jiġu mxerrdin u kkastigati—Huma jiġu rrestawrati meta jemmnu fil‑Messija—Hu jiġi għall‑ewwel darba sitt mitt sena wara li Leħi ħalla Ġerusalemm—In‑Nefiti jħarsu l‑liġi ta’ Mosè u jemmnu fi Kristu, li hu l‑Qaddis ta’ Iżrael. Madwar 559–545 Q.K.

1 Issa jien, Nefi, se nitkellem ftit dwar il‑kliem li jiena ktibt, li ngħad b’fomm Isaija. Għax araw, Isaija qal bosta ħwejjeġ li kienu diffiċli għal ħafna minn niesi li jifhmuhom; għax huma ma jafux dwar il‑mod tal‑profezija fost il‑Lhud.

2 Għax jien, Nefi, m’għallimthomx ħafna ħwejjeġ dwar l‑użanza tal‑Lhud; għax għemilhom kien għemil id‑dlam, u ħidmiethom kienu ħidmiet mistkerrha.

3 Għalhekk, jien se nikteb lill‑poplu tiegħi, lil dawk kollha li minn issa ’l quddiem għandhom jirċievu dawn il‑ħwejjeġ li jien se nikteb, ħalli huma jkunu jafu l‑ġudizzji ta’ Alla li jiġu fuq il‑ġnus kollha, skont il‑kelma li huwa qal.

4 Għalhekk, agħtu widen, O poplu tiegħi, li intom mid‑dar ta’ Iżrael, u isimgħu kliemi; għax għalkemm kliem Isaija għalikom mhumiex daqstant ċar, madankollu huwa ċar għal dawk kollha li huma mimlijin bl‑ispirtu tal‑profezija. Iżda jien se nagħtikom profezija, skont l‑ispirtu li jinsab fija; għalhekk jien se nħabbar skont is‑sempliċità li ilha miegħi miż‑żmien li jien ħallejt Ġerusalemm ma’ missieri; għax araw, ruħi ssib l‑għaxqa tagħha fis‑sempliċità li biha nkellem lill‑poplu tiegħi, biex huma jkunu jistgħu jitgħallmu.

5 Iva, u ruħi ssib l‑għaxqa tagħha fi kliem Isaija, għax jien tlaqt minn Ġerusalemm, u għajnejja raw l‑għemejjel tal‑Lhud, u jiena naf li l‑Lhud verament jifhmu kliem il‑profeti, u m’hawn l‑ebda poplu ieħor li jifhem il‑ħwejjeġ li ntqalu lil‑Lhud daqshom, ħlief dawk li ġew mgħallmin skont l‑użanza tal‑għemejjel tal‑Lhud.

6 Iżda araw, jien, Nefi, m’għallimtx lil uliedi skont l‑użanza tal‑Lhud; iżda araw, jiena stess, kont ngħammar Ġerusalemm, għalhekk naf dwar ir‑reġjuni tal‑madwar; u lil uliedi semmejtilhom dwar il‑ġudizzji ta’ Alla, li ġew fis‑seħħ fost il‑Lhud, skont dak kollu li tkellem dwaru Isaija, u jien m’iniex se niktibhom.

7 Iżda araw, jien se nkompli bil‑profezija tiegħi stess, skont is‑sempliċità tiegħi; li permezz tagħha naf li ħadd ma jista’ jifhimni ħażin; madankollu, fi żmien li fih jitwettqu l‑profeziji ta’ Isaija l‑bnedmin se jkunu jafu b’ċertezza, fi żmien li fih se jiġu fis‑seħħ.

8 Għalhekk, huma verament siewja għal ulied il‑bnedmin, u dawk li jaħsbu li mhumiex, lilhom se nkellem b’mod partikolari, u se nindirizza kliemi lill‑poplu tiegħi; għax naf li se jkunu mill‑aktar siewja għalihom fl‑aħħar żminijiet; għax f’dak il‑żmien huma se jaslu li jifhmuhom; għalhekk, għall‑ġid tagħhom jiena ktibthom.

9 U hekk kif nisel spiċċa nqered minn fost il‑Lhud minħabba l‑ħażen, bl‑istess mod huma spiċċaw inqerdu minn nisel għal nisel skont ħżunithom; u ħadd minnhom qatt ma nqered mingħajr ma dan ġie mbassar lilhom mill‑profeti tal‑Mulej.

10 Għalhekk, intqal lilhom dwar il‑qerda li kellha tolqothom, immedjatament wara li missieri ħalla Ġerusalemm; madankollu, huma webbsu qalbhom; u skont il‑profezija tiegħi huma spiċċaw inqerdu, ħlief għal dawk li kienu tturufnati fil‑jasar tal‑Babilonja.

11 U issa se ngħid dan permezz tal‑ispirtu li jinsab fija. U minkejja li kienu tturufnati huma se jerġgħu lura, u se jirtu l‑art ta’ Ġerusalemm; għalhekk, huma se jerġgħu jiġu rrestawrati għal darb’oħra fl‑art ta’ wirthom.

12 Iżda, araw, huma se jkollhom gwerer u xnigħat ta’ gwerer; u meta jasal iż‑żmien li l‑Iben il‑Waħdieni tal‑Missier, sewwasew il‑Missier tas‑smewwiet u l‑art, juri lilu nnifsu fil‑ġisem, araw, huma sejrin iwarrbuh, minħabba ħżunithom, u l‑ebusija ta’ qalbhom, u r‑ras iebsa tagħhom.

13 Araw, huma se jsallbuh; u wara li jitqiegħed f’qabar għal tlett ijiem huwa se jqum mill‑imwiet, bil‑fejqan fuq ġwenħajh; u dawk kollha li jemmnu f’ismu se jiġu salvati fis‑saltna ta’ Alla. Għalhekk, ruħi ssib l‑għaxqa tagħha meta jien inħabbar dwaru, għax jien rajt żmienu, u qalbi tfaħħar l‑isem qaddis tiegħu.

14 U araw għad jiġri li wara li l‑Messija jqum mill‑imwiet, u juri lilu nnifsu lill‑poplu tiegħu, lil dawk kollha li jemmnu f’ismu, araw, Ġerusalemm se terġa’ tisfa meqruda; għax ħażin għalihom dawk li jeħduha kontra Alla u kontra l‑poplu tal‑knisja tiegħu.

15 Għalhekk, il‑Lhud sejrin jinxterdu fost il‑ġnus kollha; iva, u Babilonja wkoll se tisfa meqruda; għalhekk, il‑Lhud sejrin jinxterdu permezz ta’ ġnus oħra.

16 U wara li huma jkunu ġew mxerrdin, u l‑Mulej Alla jikkastigahom permezz ta’ ġnus oħra għal bosta ġenerazzjonijiet, iva, sewwasew minn nisel għal nisel sakemm jaslu biex jemmnu fi Kristu, Iben Alla, u fl‑espjazzjoni, li hija infinita għall‑umanità kollha—u meta jasal dak il‑jum li huma jemmnu fi Kristu, u jqimu lill‑Missier f’ismu, b’qalb safja u idejn nodfa, u ma jibqgħux aktar jistennew Messija ieħor, mbagħad, f’dak iż‑żmien, jasal il‑jum li fih ċertament ikun meħtieġ li huma jemmnu dawn il‑ħwejjeġ.

17 U l‑Mulej jerġa’ jmidd idu għat‑tieni darba biex jirrestawra lill‑poplu tiegħu mill‑istat mitluf u dekadut tagħhom. Għalhekk, huwa jkompli biex iwettaq ħidma mill‑aktar meraviljuża u tal‑għaġeb fost ulied il‑bnedmin.

18 Għalhekk, huwa jiżvelalhom kliemu, liema kliem sejjer jagħmel ħaqq minnhom fl‑aħħar jum, għax se jingħata lilhom biex jikkonvinċihom dwar il‑veru Messija, li ġie mwarrab minnhom; u biex jikkonvinċihom li m’għandhomx ikomplu jistennew aktar li jiġi xi Messija, għax ħadd mhu se jiġi, ħlief xi Messija falz li jqarraq bin‑nies; għax hemm biss Messija wieħed li tkellmu dwaru l‑profeti, u dak il‑Messija huwa dak li lilu l‑Lhud sejrin iwarrbu.

19 Għax skont kliem il‑profeti, il‑Messija se jiġi fi żmien sitt mitt sena miż‑żmien li fih missieri ħalla Ġerusalemm; u skont kliem il‑profeti, kif ukoll skont il‑kelma tal‑anġlu ta’ Alla, ismu se jkun Ġesù Kristu, Bin Alla.

20 U issa, ħuti, jien tkellimt b’ċarezza biex intom ma tifhmunix ħażin. U daqs kemm hu ħaj il‑Mulej Alla li ħareġ lil Iżrael ’il barra mill‑art tal‑Eġittu, u ta lil Mosè qawwa li hu seta’ jfejjaq il‑ġnus wara li huma sfaw migduma mis‑sriep velenużi, jekk huma jixħtu għajnejhom fuq is‑serp li huwa għolla quddiemhom, kif ukoll tah qawwa li jolqot il‑blat u minnu joħroġ l‑ilma; araw jien ngħidilkom, li daqs kemm huma vera dawn il‑ħwejjeġ, u daqs kemm hu ħaj il‑Mulej Alla, m’hawn l‑ebda isem ieħor mogħti mis‑smewwiet ’l isfel ħlief dan Ġesù Kristu, li dwaru jien tkellimt, li permezz tiegħu il‑bniedem jista’ jsalva.

21 Hu għalhekk li l‑Mulej Alla wegħedni li dawn il‑ħwejjeġ li jien qed nikteb għandhom jiġu mħarsa u ppreservati, u mgħoddija lil nisli, minn nisel għal nisel, ħalli l‑wegħda dwar Ġużeppi tkun tista’ tiġi fis‑seħħ, li nislu qatt mhu se jinqered sakemm iddum wieqfa d‑dinja.

22 Għalhekk, dawn il‑ħwejjeġ se jgħaddu minn nisel għal nisel sakemm iddum wieqfa d‑dinja; u huma se jgħaddu skont ir‑rieda u x‑xewqa ta’ Alla; u l‑ġnus li se jirtuhom se jkunu ġġudikati permezz tagħhom skont il‑kliem li hu miktub.

23 Għax aħna naħdmu bil‑ħrara biex niktbu, ħalli nipperswadu lil uliedna, kif ukoll lil ħutna, biex jemmnu fi Kristu, u jirrikonċiljaw irwieħhom ma’ Alla; għax nafu li hu permezz tal‑grazzja li aħna nsalvaw, wara li nagħmlu kulma nistgħu.

24 U, minkejja li nemmnu fi Kristu, aħna nħarsu l‑liġi ta’ Mosè, u b’fermezza nistennew bil‑ħrara lil Kristu, sakemm tiġi fis‑seħħ il‑liġi.

25 Għax, huwa għalhekk li ġiet mogħtija l‑liġi; b’hekk il‑liġi għalina spiċċat ħaġa mejta, u aħna ksibna l‑ħajja fi Kristu minħabba l‑fidi tagħna; madankollu aħna nħarsu l‑liġi minħabba l‑kmandamenti.

26 U aħna nitkellmu dwar Kristu, aħna nifirħu fi Kristu, aħna nxandru l‑Kristu, aħna nħabbru dwar Kristu, u aħna niktbu skont il‑profeziji tagħna, ħalli wliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iħarsu għall‑maħfra ta’ dnubiethom.

27 Għalhekk, aħna nitkellmu dwar il‑liġi ħalli wliedna jkunu jafu li l‑liġi hija mejta; u huma, għax jafu li l‑liġi hi mejta, jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn dik il‑ħajja li tinsab fi Kristu, u jkunu jafu għalfejn ġiet mogħtija l‑liġi. U wara li l‑liġi tiġi fis‑seħħ permezz ta’ Kristu, huma ma jkollhomx għalfejn iwebbsu qalbhom kontrih meta l‑liġi tiġi fi tmiemha.

28 U issa araw, ja poplu tiegħi, intom nies ta’ ras iebsa; għalhekk, jien kellimtkom b’mod mill‑aktar ċar, biex ma tifhmunix ħażin. U l‑kliem li jiena għidt se jixhed kontrikom; għax huwa biżżejjed biex jgħallem lil dak li jkun it‑triq it‑tajba; għax it‑triq it‑tajba hi li temmnu fi Kristu u ma tiċħduhx; għax jekk tiċħduh tkunu qed tiċħdu wkoll il‑profeti u l‑liġi.

29 U issa araw, jien ngħidilkom li t‑triq it‑tajba hi li temmnu fi Kristu, u ma tiċħduhx; u Kristu huwa l‑Qaddis ta’ Iżrael; għalhekk jeħtieġ li tmilu quddiemu, u tqimuh bis‑setgħa u l‑qawwa tagħkom kollha, kif ukoll b’moħħkom kollu, u b’ruħkom kollha; u jekk tagħmlu dan bl‑ebda mod ma tiġu mwarrbin.

30 U, sakemm tibqa’ l‑ħtieġa, jeħtieġ li tħarsu r‑riti u l‑ordinanzi ta’ Alla sakemm il‑liġi li ngħatat lil Mosè tiġi fis‑seħħ.