Skrittura
2 Nefi 29


Kapitlu 29

Bosta Ġentili se jirriffjutaw il‑Ktieb ta’ Mormon—Huma se jgħidu, M’għandniex bżonn ta’ aktar Bibbja—Il‑Mulej ikellem lil bosta ġnus—Hu jagħmel ħaqq mid‑dinja permezz tal‑kotba li se jinkitbu. Madwar 559–545 Q.K.

1 Iżda araw, se jkun hemm ħafna—f’dak il‑jum meta nibda biex inwettaq ħidma meraviljuża fosthom, ħalli nkun nista’ niftakar fil‑patti tiegħi li għamilt ma’ wlied il‑bnedmin, ħalli nkun nista’ nerġa’ nibda għal darb’oħra nġib lura l‑poplu tiegħi, li hu mid‑dar ta’ Iżrael.

2 Kif ukoll inkun nista’ niftakar il‑wegħdiet li jien għamilt miegħek, Nefi, u li għamilt ukoll ma’ missierek, ħalli nkun nista’ niftakar f’nisilkom; u li l‑kliem ta’ nislek jgħaddi minn fommi għal għand nislek; u kliemi jasal b’qawwa sa truf l‑art, bħala stendard għall‑poplu tiegħi, li hu mid‑dar ta’ Iżrael;

3 U minħabba li kliemi se jasal b’qawwa—ħafna mill‑Ġentili sejrin jgħidu: Bibbja! Bibbja! Aħna għandna Bibbja, u ma jistax ikun hawn aktar Bibbja.

4 Iżda dan jgħid il‑Mulej Alla: Ja boloh, huma se jkollhom Bibbja; u din se tasal mingħand il‑Lhud, il‑poplu tal‑patt tal‑qedem tiegħi. U kif se jirringrazzjawhom lil‑Lhud għall‑Bibbja li se jirċievu mingħandhom? Tabilħaqq, x’għandhom f’moħħhom il‑Ġentili? Se jiftakru huma t‑tbatija, u l‑ħidma, u l‑uġigħ tal‑Lhud, u d‑diliġenza tagħhom lejja, biex ġabu s‑salvazzjoni lill‑Ġentili?

5 O intom il‑Ġentili, ftakartuhom lil‑Lhud, il‑poplu tal‑patt tal‑qedem tiegħi? Le; iżda intom sħettuhom, u mtlejtu bil‑mibgħeda lejhom, u ma ppruvajtux iġġibuhom lura. Iżda araw, jiena nroddilkom dan kollu fuq irjuskom; għax jien il‑Mulej il‑poplu tiegħi ma nsejtux.

6 Ja boloh, li se tgħidu: Bibbja, aħna għandna Bibbja, u m’għandniex bżonn ta’ aktar Bibbja. Kien ikollkom Bibbja li kieku ma kienx għal‑Lhud?

7 Ma tafux intom li hawn aktar ġnus minn wieħed? Ma tafux intom li jien, il‑Mulej Alla tagħkom, ħloqt il‑bnedmin kollha, u li jien niftakar f’dawk li jinsabu fuq il‑gżejjer tal‑baħar; u li jiena nsaltan fl‑għoli tas‑smewwiet u isfel fl‑art; u jiena nwassal kelmti għand ulied il‑bnedmin, iva, sewwasew fost il‑ġnus kollha tal‑art?

8 Għalfejn intom tilmentaw għax se tirċievu aktar kliem minn tiegħi? Ma tafux li t‑testimonjanza ta’ żewġt iġnus hija xhieda għalikom li jiena Alla, li niftakar f’ġens daqskemm niftakar f’ieħor? Għalhekk, jiena ngħid l‑istess kliem lil ġens bħalma ngħid lil ieħor. U meta żewġt iġnus jingħaqdu flimkien it‑testimonjanza ta’ żewġt iġnus tingħaqad flimkien ukoll.

9 U jien nagħmel dan biex nuri lil bosta li jien l‑istess, fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem; u li jien nitkellem kliemi skont xewqti. U l‑fatt li jien tkellimt kelma waħda tassumux li ma nistax nitkellem oħra; għax il‑ħidma tiegħi għadha ma ġietx fi tmiemha; lanqas mhi se tiġi sa ma jiġi fi tmiemu l‑bniedem, lanqas minn dak iż‑żmien ’il quddiem u għal dejjem.

10 Għalhekk, il‑fatt li għandkom Bibbja tassumux li fiha l‑kliem kollu tiegħi; tassumux lanqas li jien ma tlabtx li jinkiteb aktar.

11 Għax jiena nordna lill‑bnedmin kollha, kemm fil‑lvant kif ukoll fil‑punent, u fit‑tramuntana, u fin‑nofsinhar, u fil‑gżejjer tal‑baħar, li huma għandhom jiktbu l‑kliem li jiena ngħidilhom; għax permezz tal‑kotba li se jinkitbu jien se nagħmel ħaqq mid‑dinja, kull bniedem skont għemilu, skont dak li hu miktub.

12 Għax araw, jiena se nkellem lil‑Lhud u huma jiktbuh; u jiena se nkellem lin‑Nefiti u huma jiktbuh; u jien se nkellem ukoll lit‑tribujiet l‑oħra tad‑dar ta’ Iżrael, li magħhom jien imxejt, u huma jiktbuh; u jien se nkellem ukoll il‑ġnus kollha tal‑art u huma jiktbuh.

13 U għad jiġri li l‑Lhud se jkollhom kliem in‑Nefiti, u n‑Nefiti se jkollhom kliem il‑Lhud; u n‑Nefiti u l‑Lhud se jkollhom il‑kliem tat‑tribujiet mitlufa ta’ Iżrael; u t‑tribujiet mitlufa ta’ Iżrael se jkollhom il‑kliem tan‑Nefiti u tal‑Lhud.

14 U għad jiġri li l‑poplu tiegħi, li hu mid‑dar ta’ Iżrael, sejjer jinġabar lura d‑dar fl‑artijiet li kien ħa; u kelmti wkoll se tinġabar taħt ras waħda. U jien nuri lil dawk li jeħduha kontra kelmti u kontra l‑poplu tiegħi, li hu mid‑dar ta’ Iżrael, li jiena Alla, u li jien għamilt patt ma’ Abraham li sejjer niftakar f’nislu għal dejjem.