Skrittura
2 Nefi 30


Kapitlu 30

Il‑Ġentili li jikkonvertu se jingħaddu mal‑poplu tal‑patt—Bosta Lamaniti u Lhud se jemmnu l‑kelma u jsiru nies dħulin—Iżrael se jiġi rrestawrat u l‑ħżiena sejrin jinqerdu. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa araw, għeżież ħuti, jiena se nkellimkom; għax jien, Nefi, ma nippermettix li intom taħsbu li intom aktar twajbin milli jistgħu jkunu l‑Ġentili. Għax araw, jekk intom ma tħarsux il‑kmandamenti ta’ Alla intom ċertament tinqerdu; u minħabba l‑kliem li ngħad ara taħsbu li l‑Ġentili se jinqerdu għalkollox.

2 Għax araw, jien ngħidilkom li dawk kollha li jindmu minn fost il‑Ġentili huma l‑poplu tal‑patt tal‑Mulej; u dawk kollha li ma jindmux minn fost il‑Lhud sejrin jitwarrbu; għax il‑Mulej ma ħadd ma jagħmel patt ħlief ma dawk li jindmu u jemmnu f’Ibnu, li hu l‑Qaddis ta’ Iżrael.

3 U issa, jien se nħabbrilkom xi ftit aktar dwar il‑Lhud u l‑Ġentili. Għax wara li l‑ktieb li tkellimt dwaru joħroġ għad‑dawl, u jinkiteb għall‑Ġentili, u jerġa’ jiġi ssiġillat mill‑ġdid għall‑Mulej, se jkun hemm ħafna li se jemmnu l‑kliem miktub; u huma sejrin iwassluh lill‑fdal ta’ nisilna.

4 U mbagħad il‑fdal ta’ nisilna jsiru jafu dwarna, li aħna ħriġna minn Ġerusalemm, u li huma dixxendenti tal‑Lhud.

5 U l‑evanġelju ta’ Ġesù Kristu jiġi mxandar fosthom; għalhekk, huma jerġgħu lura għall‑għarfien ta’ missirijiethom, kif ukoll għall‑għarfien ta’ Ġesù Kristu, li kien hemm fost missirijiethom.

6 U mbagħad huma jithennew; għax se jkunu jafu li din hi barka għalihom minn id Alla; u l‑qxur tad‑dlam jibda jaqa’ minn għajnejhom; u fosthom mhux se jgħaddu wisq ġenerazzjonijiet, qabel ma huma jsiru poplu safi u dħuli.

7 U għad jiġri li l‑Lhud li huma mxerrdin ukoll jibdew jemmnu fi Kristu; u huma jibdew jinġabru flimkien fuq wiċċ l‑art; u dawk kollha fosthom li jemmu fi Kristu sejrin isiru wkoll poplu dħuli.

8 U għad jiġri li l‑Mulej Alla sejjer jagħti bidu għall‑ħidma tiegħu fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu, biex iġib fis‑seħħ ir‑restawrazzjoni tal‑poplu tiegħu fuq l‑art.

9 U l‑Mulej Alla jagħmel ħaqq mill‑imsejknin skont il‑ġustizzja, u jagħti sentenza skont is‑sewwa lill‑fqajrin tal‑art. U hu jsawwat lid‑dinja bix‑xettru ta’ fommu; u b’nifs xufftejh joqtol lill‑ħżiena.

10 Għax ma jdumx ma jasal iż‑żmien meta l‑Mulej Alla se joħloq diviżjoni kbira fost il‑poplu, u lill‑ħżiena huwa jeqred; u hu jeħlisha lill‑poplu tiegħu, iva, anke jekk ikollu jeqred lill‑ħżiena bin‑nar.

11 U l‑ħżiem ta’ ġenbejh tkun il‑ġustizzja, u l‑fedeltà l‑ħżiem ta’ qaddu.

12 Mbagħad il‑lupu jibda jgħix mal‑ħaruf; u l‑leopard mal‑gidi jimtedd, u jirgħu flimkien l‑għoġol, u ferħ l‑iljun, u l‑bhima msemmna; u daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom.

13 U l‑baqra u l‑ors sejrin jirgħu; il‑frieħ tagħhom flimkien jimteddu; u l‑iljun bħall‑gendus jiekol it‑tiben.

14 U t‑tarbija tal‑ħalib tilgħab fuq il‑ħofra tas‑serp, u t‑tifel miftum idaħħal idu fil‑bejta tal‑lifgħa.

15 Ma jagħmlux deni u anqas ħsara fuq il‑muntanja qaddisa kollha tiegħi; għax mimlija se tkun l‑art bl‑għarfien tal‑Mulej bħalma l‑baħar hu miksi bl‑ilmijiet.

16 Għalhekk, se jiġu żvelati l‑ħwejjeġ ta’ kull ġens; iva, kull ħaġa se tiġi żvelata lill‑ulied il‑bnedmin.

17 M’hawn xejn li hu sigriet li mhuwiex se jiġi żvelat; m’hawn l‑ebda għemil tad‑dlam li mhux se joħroġ għad‑dawl; u m’hawn xejn fid‑dinja li hu ssiġillat li mhuwiex se jinħall.

18 Għalhekk, kull ħaġa li ġiet żvelata lill‑ulied il‑bnedmin se tiġi żvelata dakinhar; u Satana ma jkollux qawwa aktar fuq ulied il‑bnedmin, għal żmien twil. U issa, għeżież ħuti, hawn se ntemm id‑diskors tiegħi.