Skrittura
2 Nefi 33


Kapitlu 33

Kliem Nefi huwa veru—Jixhed dwar Kristu—Dawk li jemmnu fi Kristu jemmnu kliem Nefi, li se jkun xhud quddiem l‑iżbarra tal‑ġudizzju. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa jien, Nefi, ma nistax nikteb dak kollu li ġie mgħallem fost il‑poplu tiegħi; lanqas ma ninqala’ wisq biex nikteb bħalma ninqala’ biex nitkellem; għax meta bniedem jitkellem bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, il‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu twassal dan f’qalb ulied il‑bnedmin.

2 Iżda araw, hemm ħafna li jwebbsu qalbhom kontra l‑Ispirtu s‑Santu, u fihom huwa ma jgħammarx; għalhekk, huma jwarrbu bosta ħwejjeġ li ġew miktubin u jqisuhom bħallikieku m’huma xejn.

3 Iżda jien, Nefi, ktibt dak li ktibt, u nqisu li huwa ta’ valur kbir, speċjalment għall‑poplu tiegħi. Għax għalihom jien nitlob kontinwament matul il‑jum, u għajnejja l‑imħadda tiegħi jxarrbu matul il‑lejl, minħabba fihom; u b’fidi nsejjaħ lil Alla tiegħi, u jien naf li hu jisma’ l‑għajta tiegħi.

4 U naf li l‑Mulej Alla jikkonsagra talbi għall‑ġid tal‑poplu tiegħi. U l‑kliem li fi dgħufija jiena ktibt se jsir qawwi għalihom; għax jipperswadihom biex jagħmlu t‑tajjeb; jgħarrafhom dwar missirijiethom; u jitkellem dwar Ġesù, u jipperswadihom biex jemmnu fih, u jibqgħu jżommu sħiħ sal‑aħħar, u dan iwassalhom għall‑ħajja ta’ dejjem.

5 U jitkellem b’mod sever kontra d‑dnub, skont is‑sempliċità tal‑verità; għalhekk, l‑ebda bniedem ma jinkorla minħabba l‑kliem li jiena ktibt ħlief dak li jkun maħkum mill‑ispirtu tax‑xitan.

6 Jien neżulta fis‑sempliċità; neżulta fil‑verità; neżulta f’Ġesù tiegħi, għax hu ħeles ruħi mill‑infern.

7 Jiena nuri l‑karità mal‑poplu tiegħi, u għandi fidi kbira fi Kristu li se niltaqa’ ma’ bosta erwieħ bla tebgħa quddiem it‑tribunal tiegħu.

8 Jiena nuri karità mal‑Lhud—meta ngħid Lhud, qed nirreferi għal dawk minn fejn jiena ġejt.

9 Jiena nuri karità wkoll mal‑Ġentili. Iżda araw, jien ma nista’ nittama għal ħadd minnhom ħlief għal dawk li jirrekonċiljaw irwieħhom ma’ Kristu, u jidħlu mill‑bieb id‑dejjaq, u jimxu fil‑mogħdija stretta li twassal għall‑ħajja, u jibqgħu fil‑mogħdija sa tmiem il‑jum ta’ probazzjoni.

10 U issa, għeżież ħuti, kif ukoll intom il‑Lhud, u intom ilkoll minn truf l‑art, isimgħu dan il‑kliem u emmnu fi Kristu; u jekk ma temmnux f’dan il‑kliem emmnu fi Kristu. U jekk temmnu fi Kristu temmnu f’dan il‑kliem, għax dan huwa kliem Kristu, u hu tah lili; u jgħallem lill‑bnedmin kollha li għandhom jagħmlu t‑tajjeb.

11 U jekk huwiex kliem Kristu, iġġudikaw intom—għax fl‑aħħar jum Kristu jurikom, b’qawwa u bi glorja kbira, li dan hu kliemu; u intom u jien se nieqfu wiċċ imb wiċċ quddiem l‑iżbarra tiegħu; u intom tkunu tafu li jien ġejt ordnat minnu biex nikteb dawn il‑ħwejjeġ, minkejja d‑dgħufija tiegħi.

12 U nitlob lill‑Missier f’isem Kristu li ħafna minna, jekk mhux kollha, niġu salvati fis‑saltna tiegħu f’dak il‑jum kbir u aħħari.

13 U issa, għeżież ħuti, intom kollha li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael, u intom ilkoll minn truf l‑art, inkellimkom bħal leħen ta’ wieħed jgħajjat minn ġot‑trab: Ngħidilkom saħħa sakemm jasal dak il‑jum il‑kbir.

14 U intom li mhux se tieħdu sehem mit‑tjubija ta’ Alla, u mhux se turu rispett lejn kliem il‑Lhud, kif ukoll lejn kliemi, u lejn il‑kliem li se joħroġ minn fomm il‑Ħaruf ta’ Alla, araw, jiena ngħidilkom saħħa għal dejjem, għax dan il‑kliem sejjer jikkundannakom fl‑aħħar jum.

15 Għax dak li nissiġilla fl‑art, sejjer jinġieb kontrikom quddiem l‑iżbarra tal‑ġudizzju; għax dan hu li ordnali l‑Mulej, u jeħtieġ li jiena nobdi. Ammen.