Skrittura
2 Nefi 3


Kapitlu 3

Ġużeppi fl‑Eġittu ra lin‑Nefiti permezz ta’ dehra—Hu ħabbar dwar Joseph Smith, il‑veġġent tal‑aħħar żmien; dwar Mosè, li kien sejjer lil Iżrael; u dwar il‑miġja tal‑Ktieb ta’ Mormon. Madwar 588–570 Q.K.

1 U issa se nkellem lilek, Ġużeppi, l‑aħħar wild tiegħi. Inti twelidt fid‑deżert tal‑hemm tiegħi; iva, fil‑jiem tal‑akbar niket tiegħi wellditek ommok.

2 U jalla l‑Mulej jikkonsagra din l‑art lilek ukoll, liema art hi mill‑aktar prezzjuża, bħala wirtek u wirt nislek flimkien ma’ ħutek, għas‑sigurtà tiegħek għal dejjem, jekk inti tibqa’ tħares il‑kmandamenti tal‑Qaddis ta’ Iżrael.

3 U issa, Ġużeppi, l‑aħħar wild tiegħi, li jien ħriġt ’il barra mid‑deżert tal‑hemm tiegħi, jalla l‑Mulej ibierkek għal dejjem, li nislek ma jinqeridx għal kollox.

4 Għax ara, inti l‑frott ta’ ġenbejja; u jiena ġej min‑nisel ta’ Ġużeppi li ttieħed fil‑jasar tal‑Eġittu. U kbar kienu l‑patti li l‑Mulej għamel ma’ Ġużeppi.

5 Għalhekk, Ġużeppi verament ra żmienna. U hu kiseb wegħda mingħand il‑Mulej, li minn frott ġenbejh il‑Mulej Alla sejjer iqajjem fergħa ġusta għad‑dar ta’ Iżrael; mhux il‑Messija, iżda fergħa li għandha tinqata’, madankollu, biex tiġi mfakkra fil‑patti tal‑Mulej li l‑Messija għandu juri lilu nnifsu lilhom fl‑aħħar żminijiet, fl‑ispirtu tal‑qawwa, biex joħroġhom ’il barra mid‑dlam għad‑dawl—iva, ’il barra mid‑dlam moħbi u ’l barra mill‑jasar lejn il‑ħelsien.

6 Għax Ġużeppi verament xehed u qal: Il‑Mulej Alla tiegħi se jqajjem veġġent, li se jkun veġġent magħżul għall‑frott ta’ ġenbejja.

7 Iva, Ġużeppi verament qal: Dan jgħidli l‑Mulej: Veġġent magħżul jien se nqajjem mill‑frott ta’ ġenbejk; u hu jkun stmat ħafna mill‑frott ta’ ġenbejk. U lilu jiena se nagħti kmandament li hu għandu jwettaq ħidma għall‑frott ta’ ġenbejk, għal ħutu, li se tkun ta’ ġid kbir għalihom, saħansitra li twassalhom għall‑għarfien tal‑patti li jiena għamilt ma’ missirijietek.

8 U lilu jiena se nagħtih kmandament li hu m’għandu jwettaq l‑ebda ħidma oħra, ħlief il‑ħidma li se nordnalu jiena. U jien se nagħmlu kbir f’għajnejja; għax hu se jwettaq il‑ħidma tiegħi.

9 U hu se jkun kbir bħal Mosè, illi jiena għidt li sejjer inqajjmilkom biex jeħles lill‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael.

10 U lil Mosè jiena se nqajjem, biex jeħles lill‑poplu tiegħek mill‑art tal‑Eġittu.

11 Iżda veġġent jiena se nqajjem mill‑frott ta’ ġenbejk; u lilu se nagħtih il‑qawwa biex iwassal il‑kelma tiegħi lin‑nisel ta’ ġenbejk—u mhux biss li jwassal il‑kelma tiegħi, jgħid il‑Mulej, iżda li jikkonvinċihom dwar il‑kelma tiegħi, li se tkun diġà waslet fosthom.

12 Għalhekk, il‑frott ta’ ġenbejk sejjer jikteb; u l‑frott ta’ ġenbejn Ġuda sejjer jikteb; u dak li se jinkiteb mill‑frott ta’ ġenbejk, kif ukoll dak li se jinkiteb mill‑frott ta’ ġenbejn Ġuda, se jsir ħaġa waħda, biex jiċħad id‑duttrina falza u jtaffi t‑tilwim, u jwassal is‑sliem fost il‑frott ta’ ġenbejk, u jwassalhom għall‑għarfien ta’ missirijiethom fl‑aħħar żminijiet, kif ukoll għall‑għarfien tal‑patti tiegħi, jgħid il‑Mulej.

13 U mid‑dgħufija huwa sejjer jikseb il‑qawwa, f’dak il‑jum meta se jingħata bidu għall‑ħidma tiegħi fost il‑poplu tiegħi kollu, li twassal biex lilek tirrestawra, O dar ta’ Iżrael, jgħid il‑Mulej.

14 U hekk ħabbar Ġużeppi meta qal: Araw, lil dak il‑veġġent il‑Mulej sejjer ibierek; u dawk li jippruvaw jeqirduh se jiġu megħluba; għax din il‑wegħda, li jiena ksibt mingħand il‑Mulej, dwar il‑frott ta’ ġenbejja, sejra tiġi fis‑seħħ. Araw, jiena ninsab ċert dwar it‑twettiq ta’ din il‑wegħda;

15 U ismu se jkun bħal ismi; u se jkun bħal isem missieru. U hu se jkun bħali; għax dak illi l‑Mulej sejjer iwettaq permezz ta’ jdejh, bil‑qawwa tal‑Mulej se jressaq lill‑poplu tiegħi lejn is‑salvazzjoni.

16 Iva, hekk ħabbar Ġużeppi: jiena ċert dwar dil‑ħaġa, daqs kemm jien ċert dwar il‑wegħda ta’ Mosè; għax il‑Mulej qalli, jien se nippreserva nislek għal dejjem.

17 U l‑Mulej qal: Jien se nqajjem Mosè; u lilu jien se nagħti l‑qawwa permezz ta’ ħatar; u se nagħtih l‑abbiltà taċ‑ċarezza fil‑kitba. Madankollu m’iniex se nħollu lsienu, li jkun ta’ ħafna kliem, għax mhux se nagħmlu jinqala’ ħafna biex jitkellem. Iżda lilu se niktiblu l‑liġi tiegħi, permezz tas‑saba’ ta’ jdejja; u se nagħmel kelliem għalih.

18 U l‑Mulej qalli wkoll: Jien se nqajmu għall‑frott ta’ ġenbejk; u se nagħmel kelliem għalih. U ara, jien se nippermettilu li hu jikteb il‑kitba tal‑frott ta’ ġenbejk, għall‑frott ta’ ġenbejk; u l‑kelliem ta’ ġenbejk sejjer jiddikjaraha.

19 U l‑kliem li huwa se jikteb se jkun il‑kliem li fl‑għerf tiegħi jeħtieġ li jiġi mxandar lill‑frott ta’ ġenbejk. U se jkun bħallikieku l‑frott ta’ ġenbejk sejħilhom minn ġot‑trab; għax jien nagħraf il‑fidi tagħhom.

20 U minn ġot‑trab huma se jgħajtu; sewwasew, lil ħuthom għall‑indiema, anke wara li jkunu għaddew bosta ġenerazzjonijiet. U se jiġri li t‑talba tagħhom se tasal, sewwasew skont is‑sempliċità ta’ kliemhom.

21 Minħabba l‑fidi tagħhom kliemhom se joħroġ minn fommi għal għand ħuthom li huma l‑frott ta’ ġenbejk; u d‑dgħufija ta’ kliemhom jiena se nsaħħaħ fil‑fidi tagħhom, illi huma jiftakru fil‑patt tiegħi li jien għamilt ma’ missirijietek.

22 U issa, ara, ibni Ġużeppi, b’dan il‑mod ħabbar missieri tal‑qedem.

23 Għalhekk, imbierek inti minħabba dan il‑patt; għax nislek mhuwiex se jinqered, għaliex huma sejrin jisimgħu mill‑kliem li hemm fil‑ktieb.

24 U se jqum wieħed setgħan fosthom, li se jagħmel bosta ġid, kemm permezz tal‑kelma kif ukoll permezz tal‑għemil, u se jkun strument f’idejn Alla, b’fidi mill‑aktar kbira, fejn se jwettaq għeġubijiet kbar, u se jagħmel dak li hu importanti f’għajnejn Alla, fejn se jġib fis‑seħħ restawrazzjoni kbira għad‑dar ta’ Iżrael, u għal nisel ħutek.

25 U issa, imbierek inti, Ġużeppi. Ara, inti għadek żgħir; għalhekk isma’ minn kliem ħuk, Nefi, u jsir lilek sewwasew skont il‑kliem li jiena għidt. Ftakar kliem missierek li qed imut. Ammen.