Skrittura
2 Nefi 6


Kapitlu 6

Ġakobb jirrakkonta l‑istorja tal‑Lhud: Il‑jasar fil‑Babilonja u r‑ritorn tagħhom; il‑ministeru u l‑kruċifissjoni tal‑Qaddis ta’ Iżrael; l‑għajnuna li jiksbu mill‑Ġentili; u r‑restawrazzjoni tal‑Lhud fl‑aħħar żmien meta huma jemmnu fil‑Messija. Madwar 559–545 Q.K.

1 Il‑kliem ta’ Ġakobb, ħu Nefi, li huwa qal lill‑poplu ta’ Nefi:

2 Araw, għeżież ħuti, jiena, Ġakobb, kif ġejt imsejjaħ minn Alla, u ordnat skont l‑ordni mqaddsa tiegħu, u kif ġejt ikkonsagrat minn ħija Nefi, li intom tħarsu lejh bħala sultan jew protettur, u li fuqu intom tiddependu għas‑sigurtà, araw intom tafu li jien kellimtkom dwar bosta u bosta ħwejjeġ.

3 Madankollu, jien se nerġa’ nkellimkom; għax verament nixtieq il‑ġid ta’ ruħkom. Iva, jiena ninkwieta ħafna għalikom; u intom stess tafu li minn dejjem hekk kont. Għax jien wissejtkom bid‑diliġenza kollha; u għallimtkom kliem missieri; u kellimtkom dwar il‑ħwejjeġ kollha li ġew miktubin, mill‑ħolqien tad‑dinja.

4 U issa, araw, jien se nkellimkom dwar ħwejjeġ li qed iseħħu, u li għad iridu jseħħu; għalhekk, se naqralkom kliem Isaija. U dan hu l‑kliem li ħija xtaq li jien ngħidilkom. U se nkellimkom għall‑ġid tagħkom, biex intom titgħallmu u tigglorifikaw isem Alla tagħkom.

5 U issa, il‑kliem li jiena se naqra hu dak li Isaija qal dwar id‑dar kollha ta’ Iżrael; għalhekk, tista’ xxebbhu magħkom, għax intom mid‑dar ta’ Iżrael. U hemm bosta ħwejjeġ li Isaija tkellem dwarhom li tista’ xxebbahom magħkom, għax intom mid‑dar ta’ Iżrael.

6 U issa, dan huwa l‑kliem: Dan jgħid il‑Mulej Alla: Araw, se nagħti sinjal lill‑Ġentili, u ngħolli l‑istendard tiegħi għall‑popli, u jġibu s‑subien tiegħek fuq dirgħajhom, u l‑bniet tiegħek iġorruhom fuq spallejhom.

7 U jkunu s‑slaten li jrabbuk, u l‑irġejjen tagħhom li jreddgħuk; imilu b’wiċċhom fl‑art quddiemek, u t‑trab ta’ riġlejk jilagħqu; u int tkun taf li jien il‑Mulej, li min jittama fija, ma jitħawwadx.

8 U issa jiena, Ġakobb, se nitkellem ftit dwar dan il‑kliem. Għax araw, il‑Mulej urieni li dawk li kienu Ġerusalemm, minn fejn ġejna aħna, ġew maqtula u ttieħdu fil‑jasar.

9 Madankollu, il‑Mulej urieni li huma kellhom jerġgħu lura. U huwa wrieni wkoll li l‑Mulej Alla, il‑Qaddis ta’ Israel, għandu jurihom lilu nnifsu fil‑ġisem; u wara li juri lilu nnifsu huma se jagħtuh is‑swat u jsallbuh, skont kliem l‑anġlu li għarrafni b’dan.

10 U wara li huma jwebbsu qalbhom u rashom kontra l‑Qaddis ta’ Iżrael, araw, jinżel fuqhom il‑ħaqq tal‑Qaddis ta’ Iżrael. U jasal il‑jum li fih huma se jiġu kkastigati u mgħakksin.

11 Għalhekk, wara li huma jiġu mġiegħla jaħarbu minn post għall‑ieħor, għax hekk jgħid l‑anġlu, ħafna se jbatu fil‑ġisem, u mhux se jitħallew jinqerdu, minħabba t‑talb tal‑fidili; huma se jitferrxu, u se jiġu kkastigati, u mibgħuda; madankollu, il‑Mulej se jkun ħanin magħhom, li meta jagħrfu lill‑Feddej tagħhom, huma jerġgħu jinġabru għal darb’oħra flimkien fl‑artijiet ta’ wirthom.

12 U mberkin il‑Ġentili, dawk li kiteb dwarhom il‑profeta; għax araw, jekk jiġri li huma jindmu u ma jiġġildux kontra Sijon, u ma jingħaqdux mal‑knisja kbira u mistmerra, huma jsalvaw; għax il‑Mulej Alla jġib fis‑seħħ il‑patti li huwa għamel ma’ wliedu; u għalhekk li l‑profeta kiteb dawn il‑ħwejjeġ.

13 Għalhekk, dawk li jeħduha kontra Sijon u kontra l‑poplu tal‑patt tal‑Mulej sejrin jilagħqu t‑trab ta’ riġlejhom; u l‑poplu tal‑Mulej ma jkollux minn xiex jistħi. Għax il‑poplu tal‑Mulej huma dawk li jittamaw fih; għax huma għadhom jistennew il‑miġja tal‑Messija.

14 U araw, skont kliem il‑profeta, il‑Messija jerġa’ jiddisponi ruħu għat‑tieni darba biex jeħlishom; għalhekk, huwa juri lilu nnifsu lilhom b’qawwa u glorja kbira, li jwassal għall‑qerda tal‑għedewwa tagħhom, meta jasal dak il‑jum li huma jemmnu fih; u hu ma jeqred lil ebda bniedem li jemmen fih.

15 U dawk li ma jemmnux fih sejrin jinqerdu, kemm bin‑nar, kif ukoll bit‑tempesta, u bit‑terrimoti, u bit‑tixrid tad‑demm, u bil‑pesta, u bil‑ġuħ. U huma se jagħrfu li l‑Mulej hu Alla, il‑Qaddis ta’ Iżrael.

16 Għax tista’ tittieħed il‑priża minn id il‑qawwi, jew jinħelsu l‑ilsiera minn id it‑tirann?

17 Iżda dan jgħid il‑Mulej: Iva, jittieħdu l‑ilsiera minn id il‑qawwi; il‑priża tat‑tirann tinħeles; għax Alla l‑Qawwi se jeħles lill‑poplu tiegħu tal‑patt. Għax dan jgħid il‑Mulej: Jiena stess neħodha ma’ dawk li jeħduha miegħek—

18 U ’l dawk li ħaqruk inġagħalhom jieklu laħamhom stess, u jiskru b’demmhom bħal bl‑inbid ġdid; u kull bniedem ikun jaf li jien il‑Mulej, is‑Salvatur tiegħek, il‑Feddej tiegħek, il‑Qawwi ta’ Ġakobb.