Skrittura
2 Nefi 9


Kapitlu 9

Ġakobb jispjega li l‑Lhud sejrin jinġabru flimkien fl‑artijiet imwiegħda tagħhom kollha—L‑Espjazzjoni tifdi lill‑bniedem mill‑Waqgħa—L‑iġsma tal‑mejtin sejrin iqumu mill‑qabar, u l‑ispirti tagħhom mill‑infern u mill‑ġenna—Se jsir ħaqq minnhom—L‑Espjazzjoni tifdina mill‑mewt, mill‑infern, mix‑xitan, u minn tbatija bla tmiem—Il‑ġusti għandhom jiġu salvati fis‑saltna ta’ Alla—Stabbiliti l‑penali għad‑dnubiet—Il‑Qaddis ta’ Iżrael huwa l‑għassies tal‑bieb. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa, għeżież ħuti, jiena qrajt dawn il‑ħwejjeġ biex intom tkunu tafu dwar il‑patti tal‑Mulej li hu għamel mad‑dar kollha ta’ Iżrael—

2 Li hu kellem lil‑Lhud, permezz ta’ fomm il‑profeti qaddisa tiegħu, sa mill‑bidu nett, min‑nisel għal nisel, sakemm jasal iż‑żmien li fih huma jiġu rrestawrati għall‑vera knisja u merħla ta’ Alla; meta huma għandhom jinġabru d‑dar flimkien fl‑artijiet ta’ wirthom, u għandhom jgħammru fl‑artijiet imwiegħda kollha tagħhom.

3 Araw, għeżież ħuti, jien se ngħidilkom dawn il‑ħwejjeġ ħalli tifirħu, u terfgħu raskom għal dejjem, minħabba l‑barkiet li l‑Mulej Alla se jsawwab fuq uliedkom.

4 Għax naf li intom, ħafna minnkom, fittixtu verament biex tkunu tafu l‑ħwejjeġ li għad iridu jseħħu; għalhekk jiena naf li intom tafu li ftit ftit ġisimna sejjer jitmermer u jmut; madankollu, f’ġisimna għad naraw lil Alla.

5 Iva, jiena naf li intom tafu li fil‑ġisem huwa sejjer juri lilu nnifsu lil dawk f’Ġerusalemm, mnejn aħna ġejna; għax jeħtieġ li dan iseħħ fosthom; għax hemm bżonn li l‑Ħallieq il‑kbir innifsu jippermetti lilu nnifsu li jkun suġġett għall‑bniedem fil‑ġisem, u jmut għall‑bnedmin kollha, sabiex il‑bnedmin kollha jsiru suġġett għalih.

6 Għax hekk kif il‑mewt laħqet lill‑bnedmin kollha, biex twettaq il‑pjan ta’ ħniena tal‑Ħallieq il‑kbir, jeħtieġ li jkun hemm qawwa tal‑qawmien, u l‑qawmien jeħtieġ jingħata lill‑bniedem minħabba l‑waqgħa; u l‑waqgħa ġiet minħabba ksur il‑liġi; u peress li l‑bnedmin waqgħu huma ġew maqtugħin minn quddiem il‑Mulej.

7 Għalhekk, hemm il‑ħtieġa ta’ espjazzjoni infinita—jekk ma tkunx espjazzjoni infinita dan it‑taħsir ma jista’ qatt ixedd in‑nuqqas ta’ taħsir. Għalhekk, l‑ewwel ħaqq li esperjenza l‑bniedem kien jibqa’ jgħodd għal żmien bla tmiem. U kieku kien hekk, dan il‑ġisem kien jitniżżel biex jitħassar u jitmermer fl‑art, u ma jqumx aktar.

8 O l‑għerf ta’ Alla, il‑ħniena u l‑grazzja tiegħu! Għax araw, jekk il‑ġisem ma jqumx aktar l‑ispirti tagħna jkollhom isiru suġġett għal dak l‑anġlu li waqa’ minn quddiem il‑preżenza ta’ Alla l‑Etern, u sar ix‑xitan, u ma jqumx aktar.

9 U l‑ispirti tagħna kienu jsiru bħalu, u aħna nsiru xjaten, anġli f’idejn xitan, biex ningħalqu barra mill‑preżenza ta’ Alla tagħna, u nibqgħu ma’ missier il‑gideb, fil‑miżerja, bħalu; sewwasew, f’idejn dak li qarraq bl‑ewwel ġenituri tagħna, li jitbiddel sabiex jidher qisu anġlu tad‑dawl, u jħajjar lill‑ulied il‑bnedmin biex jirrikorru għal konfoffi sigrieti ta’ qtil u kull xorta ta’ għemejjel sigrieti ta’ dlam.

10 O kemm hi kbira t‑tjubija ta’ Alla tagħna, li jħejji mod kif nistgħu neħilsu mill‑ħakma ta’ dan il‑mostru terribbli; iva, dak il‑mostru, il‑mewt u l‑infern, li jiena nsejjaħlu l‑mewt tal‑ġisem, kif ukoll il‑mewt tal‑ispirtu.

11 U minħabba l‑mod ta’ ħelsien ta’ Alla tagħna, il‑Qaddis ta’ Iżrael, din il‑mewt, li tkellimt dwarha, li hija dik temporali, sejra trodd lura l‑mejtin tagħha; liema mewt hija l‑qabar.

12 U din il‑mewt li tkellimt dwarha, li hija l‑mewt spiritwali, sejra trodd lura l‑mejtin tagħha; liema mewt spiritwali hija l‑infern; għalhekk, il‑mewt u l‑infern jeħtieġ iroddu lura l‑iġsma tagħhom li jinsabu fil‑jasar, u l‑iġsma u l‑ispirti tal‑bnedmin jiġu rrestawrati wieħed lill‑ieħor; u dan iseħħ permezz tal‑qawwa tal‑qawmien tal‑Qaddis ta’ Iżrael.

13 O kemm hu kbir il‑pjan ta’ Alla tagħna! Għax mill‑banda l‑oħra, il‑ġenna ta’ Alla jeħtieġ li trodd lura l‑ispirti tal‑ġusti, u l‑qabar irodd lura l‑ġisem tal‑ġusti; u l‑ispirtu u l‑ġisem jiġu rrestawrati wieħed lill‑ieħor għal darb’oħra, u l‑bnedmin kollha jsiru mingħajr taħsir, u immortali, u huma jkunu erwieħ ħajjin, li għandhom għarfien perfett bħalna fil‑ġisem, ħlief li l‑għarfien tagħna se jkun perfett.

14 Għalhekk, aħna se jkollna għarfien perfett tal‑ħtija kollha tagħna, u tal‑inġiesa tagħna, u tal‑għera tagħna; u l‑ġusti se jkollhom għarfien perfett tat‑tgawdija tagħhom, u tal‑ġustizzja tagħhom, u sejrin jiġu mlibbsin bis‑safà, iva, sewwasew bil‑mantar tal‑ġustizzja.

15 U għad jiġri fis‑seħħ li meta l‑bnedmin kollha se jkunu għaddew minn din l‑ewwel mewt għall‑ħajja, peress li huma jkunu saru immortali, huma jeħtieġ li jidhru quddiem it‑tribunal tal‑Qaddis ta’ Iżrael; u mbagħad jasal il‑ġudizzju, u mbagħad jeħtieġ li huma jiġu ġġudikati skont il‑ħaqq qaddis ta’ Alla.

16 U fiż‑żgur, daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, għax il‑Mulej Alla qal dan, u din hi l‑kelma eterna tiegħu, li hi bla tmiem, li dawk li jagħmlu s‑sewwa ħa jkomplu jagħmlu s‑sewwa, u dawk li huma maħmuġin ħa jkomplu jitħammġu iżjed; għalhekk, il‑maħmuġin huma x‑xitan u l‑anġli tiegħu; u huma sejrin imorru fin‑nar ta’ dejjem, li ġie mħejji għalihom; u t‑tbatija tagħhom se tkun bħal belliegħa ta’ nar u kubrit, li l‑fjamma tagħha titla’ għal dejjem ta’ dejjem u m’għandhiex tmiem.

17 O l‑kobor u l‑ġustizzja ta’ Alla tagħna! Għax huwa jwettaq dak kollu li jgħid, u dan ħareġ minn fommu, u l‑liġi tiegħu jeħtieġ li tiġi fis‑seħħ.

18 Iżda, araw, il‑ġusti, il‑qaddisin tal‑Qaddis ta’ Iżrael, huma li emmnu fil‑Qaddis ta’ Iżrael, huma li qagħdu għas‑slaleb tad‑dinja, bla xejn ma qiesu l‑għajb tiegħu, huma sejrin jirtu s‑saltna ta’ Alla, li tħejjiet għalihom sa mill‑ħolqien tad‑dinja, u l‑hena tagħhom se tkun sħiħa għal dejjem.

19 O l‑kobor tal‑ħniena ta’ Alla tagħna, il‑Qaddis ta’ Iżrael! Għax hu jeħles lill‑qaddisin tiegħu minn dak il‑mostru terribbli x‑xitan, u mill‑mewt, u l‑infern, u minn dik il‑belliegħa ta’ nar u kubrit, li hi turment bla tmiem.

20 O kemm hi kbira l‑qdusija ta’ Alla tagħna! Għax hu jaf kollox, u m’hemm xejn li huwa ma jafx.

21 U hu jiġi fid‑dinja biex isalva lill‑bnedmin kollha jekk huma jisimgħu minn kliemu; għax araw, huwa bata l‑uġigħ tal‑bnedmin kollha, iva, l‑uġigħ tal‑kreaturi ħajjin kollha, kemm l‑irġiel, kemm in‑nisa, kif ukoll it‑tfal li jappartjenu lill‑familja ta’ Adam.

22 U hu bata dan sabiex il‑qawmien mill‑imwiet ikollu effett fuq il‑bnedmin kollha, sabiex ilkoll ikunu jistgħu jieqfu quddiemu fil‑jum il‑kbir tal‑ħaqq.

23 U hu jordna lill‑bnedmin kollha sabiex jindmu, u jitgħammdu f’ismu, u jkollhom fidi perfetta fil‑Qaddis ta’ Iżrael, jew huma ma jistgħux isalvaw fis‑saltna ta’ Alla.

24 U jekk huma ma jindmux u ma jemmnux f’ismu, u ma jitgħammdux f’ismu, u ma jibqgħux iżommu sħiħ sal‑aħħar, jeħtieġ li jiġu kkundannati; għax il‑Mulej Alla, il‑Qaddis ta’ Iżrael, qal dan.

25 Għalhekk, huwa tana liġi; u fejn m’hemm l‑ebda liġi mogħtija m’hemm l‑ebda kastig; u fejn m’hemm l‑ebda kastig m’hemm l‑ebda kundanna; u fejn m’hemm l‑ebda kundanna, il‑ħniena tal‑Qaddis ta’ Iżrael teħodhom f’idejha, minħabba l‑espjazzjoni; għaliex huma jinħelsu permezz tal‑qawwa tiegħu.

26 Għax l‑espjazzjoni tissodisfa d‑domanda tal‑ġustizzja tiegħu fuq dawk kollha li ma ġietx mogħtija lilhom il‑liġi, li huma jiġu meħlusin minn dak il‑mostru terribbli, mill‑mewt u l‑infern, u mix‑xitan, u mill‑belliegħa ta’ nar u kubrit, li hi turment bla tmiem; u huma jerġgħu lura għand dak Alla li tahom in‑nifs, li hu l‑Qaddis ta’ Iżrael.

27 Iżda ħażin għalih dak li ġie mogħti l‑liġi, iva, li għandu l‑kmandamenti kollha ta’ Alla, bħalna, u li jiksirhom, u li jaħli l‑jiem ta’ probazzjoni tiegħu, għax terribbli hu l‑istat tiegħu!

28 O dak il‑pjan qarrieq tal‑malinn! O l‑vanità, u l‑fraġilità, u l‑bluha tal‑bnedmin! Meta jiġu mgħallmin jaħsbu li huma għorrief, u ma jagħtux widen għall‑parir ta’ Alla, fejn jinjorawh, għax jaħsbu li jafu kollox, għalhekk, l‑għerf tagħhom huwa bluha u ma jiswihom għal xejn. U huma sejrin jinqerdu.

29 Iżda jkun tajjeb li jitgħallmu jekk huma jagħtu widen għall‑pariri ta’ Alla.

30 Iżda ħażin għalihom l‑għonja, li huma għonja fil‑ħwejjeġ tad‑dinja. Għax peress li huma għonja huma jistmerru lill‑foqra, u jippersegwitaw lill‑imsejknin, u qalbhom tinsab marbuta mat‑teżori tagħhom; għalhekk, it‑teżor tagħhom huwa alla tagħhom. U araw, it‑teżor tagħhom sejjer jinqered magħhom ukoll.

31 U ħażin għalihom it‑torox li ma jisimgħux; għaliex huma sejrin jinqerdu.

32 Ħażin għalihom l‑għomja li ma jarawx; għaliex huma sejrin jinqerdu wkoll.

33 Ħażin għalihom ta’ bla ħtin f’qalbhom, għax għarfien ta’ ħżunithom se jolqothom fl‑aħħar jum.

34 Ħażin għalih il‑giddieb, għax hu sejjer jinxteħet fl‑infern.

35 Ħażin għalih il‑qattiel li joqtol deliberatament, għax hu sejjer imut.

36 Ħażin għalihom dawk li jiżnu, għax huma sejrin jinxteħtu fl‑infern.

37 Iva, ħażin għalihom dawk li jqimu l‑allat foloz, għax missier ix‑xjaten kollha jitgħaxxaq bihom.

38 U, f’kelma waħda, ħażin għalihom dawk kollha li jmutu fi dnubiethom; għax huma se jerġgħu lura għand Alla, u jaraw wiċċu, u jibqgħu fi dnubiethom.

39 O, għeżież ħuti, ftakru kemm hi ħaġa terribbli li tidinbu kontra dak l‑Imqaddes Alla, kif ukoll kemm hi ħaġa terribbli li taqgħu għall‑istigazzjoni ta’ dak il‑qarrieq. Ftakru, li x‑xewqat tal‑ġisem iwasslu għall‑mewt, u x‑xewqat tal‑ispirtu jwasslu għall‑ħajja ta’ dejjem.

40 O, għeżież ħuti, agħtu widen għal kliemi. Ftakru fil‑kobor tal‑Qaddis ta’ Iżrael. Tgħidux li jiena għidt ħwejjeġ ibsin kontrikom; għax jekk tgħidu dan, intom tkunu qed tinsulentaw il‑verità; għaliex jiena għidt il‑kliem tal‑Ħallieq tagħkom. Jiena naf li l‑kliem tal‑verità huwa iebes kontra kull xorta ta’ ħmieġ; iżda l‑ġusti ma jibżgħux minnu, għax huma jħobbu l‑verità u ma jitħawwdux.

41 O, mela, għeżież ħuti, ersqu lejn il‑Mulej, il‑Qaddis. Ftakru li triqatu ġusti. Araw, it‑triq għall‑bniedem hija dejqa, iżda tinsab dritta quddiemu, u l‑għassies tal‑bieb huwa l‑Qaddis ta’ Iżrael; u hemm hu ma jħaddem l‑ebda qaddej; u m’hemm l‑ebda triq oħra ħlief permezz tal‑bieb; għaliex bih ma tqarraqx, għax il‑Mulej Alla hu ismu.

42 U kull min iħabbat, lilu huwa jiftaħ; u l‑għorrief, u l‑imgħallmin, u l‑għonja, li huma mkabbrin minħabba t‑tagħlim tagħhom, u l‑għerf tagħhom, u l‑ġid materjali tagħhom—sewwasew, huma dawk li lilhom huwa jinjora; u jekk huma ma jwarrbux dawn il‑ħwejjeġ, u ma jħarsux lejhom infushom bħala boloh quddiem Alla, u ma jinżlux sal‑qiegħ tal‑umiltà, huwa ma jiftħilhomx.

43 Iżda l‑ħwejjeġ tal‑għorrief u ta’ min hu bil‑għaqal se jinħbew minnhom għal dejjem—sewwasew, dik l‑hena li hemm imħejjija għall‑qaddisin.

44 O, għeżież ħuti, ftakru kliemi. Araw, ħwejġi nneħħi minn fuqi, u nfarfarhom quddiemkom; nitlob lil Alla tas‑salvazzjoni tiegħi li jħares lejja permezz tal‑għajn li tara kollox tiegħu, għalhekk, għandkom tkunu tafu fl‑aħħar jum, meta l‑bnedmin kollha se jiġu ġġudikati għal għemilhom, li l‑Alla ta’ Iżrael verament ra li jien farfart ħżunitkom minn ruħi, u li ninsab wieqaf b’dija quddiemu, u ħieles minn demmkom.

45 O, għeżież ħuti, iċħdu dnubietkom; eħilsu mill‑ktajjen ta’ dak li jorbotkom waħda sew; ersqu lejn dak Alla li hu l‑blata tas‑salvazzjoni tagħkom.

46 Ħejju ruħkom għal dak il‑jum glorjuż meta l‑ġustizzja se tiġi amministrata lill‑ġusti, sewwasew jum il‑ħaqq, sabiex intom ma terġgħux lura minħabba biża’ terribbli; li ma tiftakrux il‑ħtija terribbli tagħkom b’perfezzjoni, u tkunu mġiegħla tistqarru: Qaddisa, qaddisa d‑digrieti tiegħek, O Mulej Alla li Tista’ Kollox—iżda jiena naf ħtijieti; jien ksirt il‑liġi tiegħek, u ħtijieti huma tiegħi; u x‑xitan għamilni tiegħu, li jiena priża għall‑miżerja terribbli tiegħu.

47 Iżda araw, ħuti, tgħid jaqbel li jiena nagħmilkom konxji tar‑realtà terribbli ta’ dawn il‑ħwejjeġ? Ruħkom inkun qed nittormentaha jekk moħħkom safi? Inkun sempliċi magħkom skont is‑sempliċità tal‑verità jekk intom tinħelsu mid‑dnub?

48 Araw, jekk intom qaddisa jiena nkellimkom dwar il‑qdusija; iżda peress li m’intomx qaddisa, u tħarsu lejja bħala għalliem, bla dubju jkun jaqbel li jien ngħallimkom il‑konsegwenzi tad‑dnub.

49 Araw, ruħi tistmerr id‑dnub, u qalbi titgħaxxaq fis‑sewwa; u jiena nfaħħar l‑isem qaddis ta’ Alla tiegħi.

50 Ejjew, ħuti, intom li bikom l‑għatx, ejjew għall‑ilma; u intom li m’għandkomx flus, ejjew, ixtru u kulu; iva, ejjew ixtru nbid u ħalib bla flus u bla prezz.

51 Għalhekk, tonfqux flus f’dak li m’għandu ebda valur, jew taħdmu għal xi ħaġa li ma tistax tissodisfakom. Agħtu kas ta’ dak li qed ngħid, u ftakru l‑kliem li tennejt; u ejjew għand il‑Qaddis ta’ Israel, u mantnu lilkom infuskom permezz ta’ dak li ma jispiċċa qatt, u qatt ma jitħassar, u ħallu ruħkom tifraħ b’ikel bnin.

52 Araw, għeżież ħuti, ftakru l‑kliem ta’ Alla tagħkom; itolbuh kontinwament binhar, u roddu l‑ħajr lill‑isem qaddis tiegħu billejl. Ħa tifraħ qalbkom.

53 U araw kemm huma kbar il‑patti tal‑Mulej, u kemm hi kbira l‑kondixxendenza tiegħu lejn ulied il‑bnedmin; u minħabba l‑kobor tiegħu, u l‑grazzja u l‑ħniena tiegħu, hu wegħedna li n‑nisel tagħna mhuwiex se jinqered għal kollox, skont il‑ġisem, iżda huwa se jippreservahom; u fil‑ġenerazzjonijiet futuri huma se jsiru fergħa ġusta għad‑dar ta’ Iżrael.

54 U issa, ħuti, għandi aktar x’ngħidilkom; iżda għada se nistqarr magħkom il‑kumplament ta’ dak li għandi xi ngħid. Ammen.