2010-2019
It-Talb Saċerdotali u Personali
April 2015


It-Talb Saċerdotali u Personali

Alla jista’ jagħtina qawwa fis-saċerdozju għal kull ċirkustanza li nistgħu nkunu fiha. Jeħtieġ sempliċiment li aħna nitolbu b’ umiltà.

Jiena grat li ġejt mogħti l-fiduċja li nkellem lill-irġiel tas-saċerdozju ta’ Alla minn madwar id-dinja. Nagħraf ir-responsabbiltà ta’ din l-opportunità peress li nista’ nħoss il-fiduċja li tagħkom il-Mulej. Meta intom aċċettajtu s-saċerdozju, intom irċevejtu d-dritt li titkellmu u taġixxu f’ isem Alla.

Dak id-dritt jista’ jsir realtà biss hekk kif intom tirċievu l-ispirazzjoni mingħand Alla. Huwa biss jekk ikun dan li intom tkunu kapaċi titkellmu f’ ismu. U huwa biss jekk ikun dan li intom tkunu tistgħu taġixxu f’ ismu. Tafu li b’ mod żbaljat għedtu, ”Mela, din mhux xi ħaġa daqstant diffiċli. Jiena nista’ nikseb din l-ispirazzjoni meta niġi mitlub sabiex nagħmel xi diskors jew jekk ikolli bżonn nagħti xi barka saċerdotali.” Jew iż-żagħżugħ djaknu jew għalliem jaf iħoss il-faraġ meta jaħseb, ”Meta nikber jew meta niġi msejjaħ bħala missjunarju, imbagħad insir naf xi jridni ngħid Alla u x’ iridni nagħmel Alla.

Aħsbu fil-jum li fih għandek tkun taf xi jridek tgħid Alla u xi jridek tagħmel Alla. Dan il-jum diġà wasal għalina lkoll—tinsabu fejn tinsabu fis-sejħa tagħkom fis-saċerdozju. Jiena trabbejt fl-għalqa tal-missjoni fil-Lvant tal-Istati Uniti matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-membri tal-Knisja kien joqogħdu ’l bogħod minn xulxin, u l-fjuwil kien jingħata bil-qies. Jiena kont l-uniku djaknu fil-fergħa. Meta l-membri ġew għal-laqgħa tas-sawm u testimonjanza fid-dar tagħna, huma taw l-envelops bl-offerta tas-sawm tagħhom lill-president tal-fergħa.

Meta jiena kelli 13-il sena morna noqogħdu ġewwa Utah u spiċċajna f’ qasam kbir. Niftakar li l-ewwel essajnment tiegħi kien li ndur id-djar biex niġbor l-offerti tas-sawm. Ħarist lejn l-isem li kien hemm fuq wieħed mill-envelops u nnutajt li l-kunjom kien l-istess bħal wieħed mit-Tliet Xhieda tal-Ktieb ta’ Mormon. Għalhekk ħabbatt fuq il-bieb b’ kunfidenza kbira fuqi. Ir-raġel fetaħ il-bieb, ħares lejja biċ-ċiera u mbagħad bħal kelb jinbaħ qalli biex nitlaq ’l hemm. Jiena tlaqt minn hemm b’ rasi baxxuta.

Dan kien kważi 70 sena ilu, iżda għadni niftakar kif ħassejtni dak inhar fuq dik l-għatba tal-bieb li messni għedt jew għamilt xi ħaġa. Li kieku meta ħriġt mid-dar dak inhar jiena tlabt bil-fidi, forsi kont inħossni spirat biex nibqa’ ftit ieħor fuq dik l-għatba, nitbissem u ngħid xi ħaġa hekk: ”Għandi pjaċir. Grazzi għal dak kollu li inti u l-familja tiegħek għamiltu fil-passat. Nispera li nerġgħu niltaqhħu x-xahar id-dieħel.”

Li kieku għedt u għamilt dan, jista’ jkun li kien jirrabja aktar—u forsi joffendi ruħu aktar. Iżda issa naf kif stajt ħassejtni jien. Minflok sentiment ta’ niket jew falliment hekk kif tlaqt minn hemm, forsi kont inħoss il-vuċi siekta tal-approvazzjoni f’ moħħi u f’ qalbi tgħidli: ”Prosit.”

Ilkoll kemm aħna għandna nitkellmu u naġixxu f’ isem Alla f’ mumenti meta l-ġudizzju tagħna biss ma jkunx biżżejjed mingħajr l-ispirazzjoni. Dawk il-mumenti nistgħu nesperjenzawhom meta ma jkollniex iċ-ċans biex nitħejjew. Jiena dan esperjenzajtu bosta drabi. Esperjenzajt dan ħafna snin ilu ġo sptar meta wieħed missier qal lili u lil sieħbi li t-tobba kienu għarrfuh li t-tifla tiegħu ta’ tliet snin li kienet korriet serjament ma kellhiex aktar minn ftit minuti ħajja. Hekk kif poġġejt idejja fuq l-unika parti f’ rasha fejn ma kienx hemm faxex, ridt inkun naf, bħala qaddej t’ Alla, x’kien dak li kieku kien jgħid u jagħmel Hu.

Il-kliem li ġie f’ moħħi u f’ fommi dak il-ħin kien li hija kienet se tibqa’ tgħix. It-tabib li kien jinsab ħdejja dak il-ħin nefaħ b’ rabja u qalli biex inżur min-nofs. Jiena ħriġt mill-kamra tal-isptar b’ sentiment ġo fija ta’ paċi u mħabba. It-tifla ċkejkna għexet u fl-aħħar jum tiegħi f’ dik il-belt anke mxiet madwar il-kappella waqt il-laqgħa tas-sagrament. Għadni niftakar il-ferħ u s-sodisfazzjon li ħassejt minħabba dak li kont għedt u għamilt fis-servizz tal-Mulej għal dik it-tifla ċkejkna u l-familja tagħha.

Id-differenza f’ dak li ħassejt fl-isptar u n-niket li ħassejt hekk kif tlaqt minn ħdejn dak il-bieb meta kont għadni djaknu hija grazzi għal dak li tgħallimt dwar ir-rabta tat-talb mal-qawwa tas-saċerdozju. Bħala djaknu, kont għadni ma tgħallimtx li biex tikseb il-qawwa li titkellem u taġixxi f’ isem Alla kien hemm bżonn tar-rivelazzjoni, u biex niksbuha meta jkollna bżonnha jeħtieġ li nitolbu u naħdmu bil-fidi għas-sħubija tal-Ispirtu s-Santu.

Fil-lejla ta’ qabel ma mort inħabbat dak il-bieb biex niġbor l-offerta tas-sawm, kont għedt it-talb tiegħi ta’ filgħaxija. Iżda għal ġimgħat u xhur sħaħ qabel ma rċevejt dik it-telefonata mill-isptar, jiena kont ilni għaddej nitlob kontinwament u kont għamilt dak l-isforz li dwaru l-President Joseph F. Smith għallem li Alla jasal sabiex jagħtina l-ispirazzjoni neċessarja ħalli jkollna l-qawwa fis-saċerdozju. Huwa poġġieha b’ mod sempliċi:

”M’hemmx għalfejn noqogħdu nlabalbu ħafna kliem. ”M’hemmx għalfejn ngħajjuh b’ xi talba twila. Li hemm bżonn, u li għandna nagħmlu bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem, għall-aħjar tagħna, hu li mmorru quddiemu ta’ spiss, li nixhdu miegħu li aħna niftakru fih u li lesti nieħdu fuqna ismu, inżommu l-kmandamenti tiegħu, nagħmlu dak li hu ġust u li nixtiequ li l-Ispirtu Tiegħu jgħinna.”1

U mbagħad il-President Smith qalilna għalxiex għandna nitolbu, hekk kif bħala qaddejja tiegħu aħna wegħidna li se nitkellmu u naġixxu għal Alla. Huwa qal: ”Għalxiex għandkom titolbu? Għandkom titolbu li Alla jagħrafkom, li Huwa jisma’ talbkom u li jberikkom bl-Ispirtu Tiegħu.”2

Mhux importanti daqstant xi kliem tużaw, iżda teħtieġu ftit paċenzja. Intom tkunu qed tagħmlu kuntatt ma’ Missierkom tas-Smewwiet bl-intenzjoni li Huwa jagħrafkom personalment. Huwa Alla fuq kollox, Missier kulħadd, u madankollu Huwa lest li jagħti attenzjoni personali lil wieħed minn uliedu. Jista’ jkun li għalhekk li s-Salvatur uża l-kliem, ”Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek.”3

Huwa aktar faċli li tħossu s-sentiment xieraq ta’ qima meta tkunu għarkupptejkom jew b’ raskom baxxuta, iżda huwa possibbli wkoll li intom tħossu li qed tagħmlu kuntatt ma’ Missierkom tas-Smewwiet anke meta titolbu b’ mod anqas formali u saħansitra ġewwa qalbkom, kif ħafna drabi jkollkom tagħmlu waqt is-servizz tagħkom tas-saċerdozju. Madwarkom ikun hemm l-istorbju u n-nies ta’ matul il-jum. Alla jisma’ t-talb ta’ qlabkom, iżda jista’ jkun li jeħtieġ titgħallmu tinjoraw id-distrazzjoni li jkun hemm madwarkom peress li l-mument li jkollkom bżonn tagħmlu kuntatt ma’ Alla jaf ma jkunx wieħed ta’ silenzju.

Il-President Smith issuġġerixxa li intom hemm bżonn li titolbu sabiex Alla jagħraf is-sejħa tagħkom li sservuh. Huwa diġà jaf fid-dettall dwar is-sejħa tagħkom. Huwa sejħilkom, u meta intom titolbuh dwar is-sejħa tagħkom, Huwa jiżvelalkom biex tkunu tafu aktar.4

Se nagħtikom eżempju x’ kapaċi jagħmel għalliem tad-dar hekk kif jitlob. Intom diġà tafu li għandkom:

”Iżżuru d-dar tal-membri kollha, titolbuhom bil-ħerqa sabiex jitlobu kemm bil-fomm kif ukoll f’ qalbhom u jieħdu ħsieb id-dmirijiet kollha tal-familja. 

“… Tħarsu dejjem lill-membri tal-knisja, u tkunu magħhom u ssaħħuhom;

”U araw li ma jkunx hemm għemejjel ħżiena fil-knisja, ma jkunx hemm ebusija ta’ qalb bejnietkom, u ma jkunx hemm gideb, zekzik jew kliem velenuż;

”U araw li l-membri tal-knisja jiltaqgħu flimkien ta’ spiss, u araw ukoll li l-membri kollha jagħmlu dmirhom.”5

Issa, anke għal dak l-għalliem tad-dar ta’ esperjenza u għas-sieħeb minuri tiegħu, din hija ħaġa impossibbli mingħajr l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. Aħsbu ftit dwar il-familji jew l-individwi li intom ġejtu msejħin sabiex isservuhom. Mhux biżżejjed li tiddependu fuq il-ġudizzju u l-intenzjoni tajba tagħkom.

Għalhekk għandkom titolbu biex b’ xi mod tkunu tafu x’ hemm f’ qalbhom, li tkunu tafu x’ hemm ħażin f’ qalb u f’ ħajjet nies li ftit li xejn tafuhom u li ma tantx jixtiequ li intom issiru tafuhom. Tridu tkunu tafu xi jridkom tagħmlu Alla biex tgħinuhom u tagħmlu dan bl-aħjar mod li tistgħu, filwaqt li tħossu l-imħabba ta’ Alla għalihom.

Huwa peress li intom għandkom sejħa tas-saċerdozju daqstant importanti u diffiċli li l-President Smith jissuġġerixxi li meta intom titolbu, dejjem għandkom titolbu lil Alla b’ ħerqa li Huwa jberikkom bl-Ispirtu Tiegħu. Intom teħtieġu l-Ispirtu s-Santu mhux darba iżda għal kemm-il darba li Alla jogħġbu jagħtihulkom bħala s-sieħeb kostanti tagħkom. Huwa għalhekk li għandna nitolbu dejjem li Alla jiggwidana fis-servizz tagħna lejn uliedu.

Peress li ma tistgħux tilħqu l-potenzjal tagħkom tas-saċerdozju mingħajr ma jkollkom l-Ispirtu magħkom, intom tarka personali għall-għadu ta’ kull ferħ. Jekk huwa jġarrabkom sabiex taqgħu fid-dnub, huwa jista’ jdgħajjef il-qawwa tagħkom li titmexxew mill-Ispirtu u b’ hekk idgħajjef il-qawwa tagħkom fis-saċerdozju. Għalhekk il-President Smith qal li intom dejjem għandkom titolbu li Alla jwiddibkom u jipproteġikom mill-ħażen.6

Huwa jwiddibna b’ diversi modi. Dawn it-twissijiet huma parti mill-pjan tas-salvazzjoni. Il-profeti, l-appostli, il-presidenti tal-wited, l-isqfijiet u l-missjunarji kollha jwasslu l-vuċi ta’ twissija biex ninħelsu mill-għawġ permezz tal-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu, permezz tal-indiema, u billi nagħmlu u nżommu ċerti patti sagri.

Bħala nies li tħaddnu s-saċerdozju, intom għandkom tkunu parti mill-vuċi tat-twissija tal-Mulej. Iżda jeħtieġ li tagħtu kas intom stess ta’ dik it-twissija. Intom ma tistgħux tibqgħu b’ saħħitkom spiritwalment mingħajr il-protezzjoni tas-sħubija tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum.

Għandkom titolbu biex tiksbuha u tibqgħu taħdmu biex tibqa’ tgħammar magħkom. Huwa biss permezz ta’ din il-gwida li intom tkunu kapaċi ssibu triqitkom tul il-mogħdija stretta u dejqa hekk kif tgħaddu miċ-ċpar tal-ħażen. L-Ispirtu s-Santu jkun il-gwida tagħkom hekk kif Huwa jiżvela l-verità meta intom tistudjaw kliem il-profeti.

Biex tiksbu dik il-gwida jeħtieġ li tagħmlu ferm aktar milli tisimgħu u taqraw b’ mod każwali. Hemm bżonn titolbu u taħdmu bil-fidi sabiex tiżirgħu l-kliem tal-verità f’ qalbkom. Hemm bżonn titolbu li Alla jberikkom bl-Ispirtu Tiegħu, u li Huwa jwassalkom lejn il-verità kollha u jurikom it-triq it-tajba. Huwa b’ dan il-mod li Huwa jwiddibkom u jiggwidakom fit-triq it-tajba f’ ħajjitkom u fis-servizz saċerdotali tagħkom.

Il-konferenza ġenerali tipprovdi opportunità kbira biex fiha tħallu l-Mulej isaħħaħ il-qawwa tagħkom li sservu fis-saċerdozju ta’ Alla. Tistgħu tħejju lilkom infuskom permezz tat-talb, kif jiena konvint li għamiltu qabel attendejtu din il-konferenza. Intom tistgħu tingħaqdu fil-fidi tagħkom ma’ dawk li jitolbu waqt din il-konferenza. Huma jitolbu għal ħafna barkiet fuq bosta nies.

Huma jitolbu sabiex l-Ispirtu jinżel fuq il-profeta bħala l-leħen tal-Mulej. Huma jitolbu għall-Appostli u għall-qaddejja kollha msejħin minn Alla. Dan jinkludi lilkom, mill-aktar djaknu ġdid sal-aktar qassis il-kbir anzjan u xi wħud, kemm jekk huma anzjani kif ukoll jekk għadhom żgħar, jafu ma jdumux wisq ma jmorru fid-dinja tal-ispirti, fejn hemmhekk jisimgħu minn jgħidilhom, ”Sewwa, qaddej tajjeb u fidil.”7

Dik it-tislima se jisimgħuha xi wħud li jibqgħu sorpriżi biha. Huma jafu qatt ma kellhom xi uffiċċju ogħla fis-saltna ta’ Alla fid-dinja. Xi wħud forsi ħasbu li ftit li xejn raw frott minn ħidmiethom jew li qatt ma ngħataw opportunitajiet biex huma jservu. Oħrajn jafu jħossuhom li ż-żmien li huma setgħu iservu f’ din id-dinja ma kienx twil daqs kemm xtaqu.

Il-kejl tal-Mulej mhux se jiġi effettwat mill-uffiċċju li wieħed kellu jew kemm dam iservi fih. Aħna nafu dan mill-parabbola tal-Mulej dwar il-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli, fejn il-ħlas kien l-istess, irrilevanti kemm damu jservu u fejn servew. Huma jiġu ppremjati dwar kif servew.8

Jiena naf raġel, ħabib tal-qalb, li s-servizz morali tiegħu fl-għalqa tad-dwieli intemm ilbieraħ fil-ħdax ta’ filgħaxija. Huwa kien ilu snin jieħu l-kura għall-kanċer. Tul dawk is-snin jieħu l-kura, fejn għadda minn uġigħ terribbli u daqstant diffikultà, huwa aċċetta sejħa li jorganizza laqgħat u jkun responsabbli ta’ membri fil-qasam tiegħu li wliedhom telqu mid-dar; xi wħud minnhom kienu romol. Is-sejħa tiegħu kienet li jgħinnhom isibu l-faraġ fis-soċjalità u fit-tagħlim tal-evanġelju.

Meta huwa rċieva l-aħħar pronjosi mill-aktar diffiċli li kull ma kellu kien biss ftit żmien ħajja, l-isqof tiegħu kien jinsab imsiefer fuq negozju. Jumejn wara, huwa bagħat messaġġ lill-isqof tiegħu permezz tal-mexxej tal-grupp tal-qassisin il-kbar. Huwa qal dan dwar l-essajnment tiegħu: ”Jiena nifhem li l-isqof jinsab barra l-belt, għalhekk se nħejji għall-ħidma tiegħi. Qed nippjana laqgħa għall-grupp tagħna nhar it-Tnejn li ġej. Żewġ membri jistgħu joħduna dawra maċ-Ċentru tal-Konferenza. Nistgħu nużaw xi membri biex isuquhom u xi membri tal-iScouts biex jimbuttaw is-siġġijiet tar-roti. Jiddependi ħafna kemm se nkunu nies, imma naħseb li se nkunu biżżejjed anzjani biex nagħmlu kollox aħna, għalkemm xorta tajjeb kieku nkunu nafu li nistgħu niddepednu fuq oħrajn jekk ikollna bżonn l-għajnuna. Taf tkun ukoll lejla għall-familja sabiħa fejn fiha dawk li jgħinuna jkunu jistgħu jġibu l-familja tagħhom magħhom. Insomma, għiduli x’ se tagħmlu qabel nippostja l-pjan. … Grazzi.”

U mbagħad huwa ċempel u ssorprenda lill-isqof tiegħu. Mingħajr lanqas biss semma l-kundizzjoni tiegħu jew l-isforzi qalbiena tiegħu, huwa staqsieh, ”Isqof, għandek bżonn xi ħaġa?” L-Ispirtu s-Santu biss seta’ wasslu biex iħoss it-tagħbija li kellu l-isqof meta t-tagħbija tiegħu stess kienet daqshekk tqila. U kien biss l-Ispirtu li għamilha possibbli għalih li joħloq pjan sabiex iservi lil ħutu bl-istess preċiżjoni li huwa kien juża meta kien jippjana l-avvenimenti tal-iScouts meta kien għadu żagħżugħ.

Permezz tat-talba tal-fidi, Alla jagħtina l-qawwa tas-saċerdozju, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza li nkunu ninsabu fiha. Jeħtieġ biss li aħna nitolbu b’ umiltà sabiex l-Ispirtu jurina dak li jridna ngħidu u nagħmlu Alla, u nwettqu dan u nkomplu ngħixu denji ta’ dak ir-rigal.

Jiena nixhed magħkom li Alla l-Missier jgħix, iħobbna u jisma’ kull talba tagħna. Jiena nixhed li Ġesù huwa Kristu l-Ħaj, li l-Att tal-Fidwa Tiegħu jagħmilha possibbli għalina li nissaffew u nkunu denji tas-sħubija tal-Ispirtu s-Santu. Jiena nixhed li bil-fidi u d-diliġenza tagħna, xi darba għad nisimgħu l-kliem li jwasslilna tant ferħ: ”Sewwa, qaddej tajjeb u fidil.”9 Nitlob li aħna nirċievu dik il-benedizzjoni mill-isbaħ mill-Imgħallem li aħna nservu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.