2010-2019
Il-Familja Ġejja minn Alla
April 2015


Il-Familja Ġejja minn Alla

Aħna lkoll nagħmlu parti mill-familja ta’ Alla u aħna meħtieġa fiha.

Hawn xi ħaġa isbaħ u aktar profonda mill-veritajiet sempliċi u puri tal-evanġelju kif huma mgħallmin f’ kanzunetta tal-Primarja? U intom it-tfajliet kollha tal-Primarja li tinsabu hawn illejla żgur li tafu dwar liema kanzunetta qed nitkellem. Intom tgħallimtuha għall-programm tal-Primarja tas-sena l-oħra.

Il-kliem tal-”Familja Ġejja minn Alla”1—li tkantat aktar kmieni f’ din il-laqgħa—ifakkarna dwar id-duttrina pura. Mhux biss nitgħallmu li l-familja ġejja minn Alla iżda wkoll li aħna lkoll parti mill-familja ta’ Alla.

L-ewwel linja ta’ din il-kanzunetta tgħallimna: “Missierna għandu familja. Hija jiena! Hija inti, l-oħrajn kollha wkoll: aħna wliedu.” Mill-proklamazzjoni tal-familja, nitgħallmu, ”Fir-renju primortali, l-ulied spirti kienu jafu u jqimu lil Alla bħala l-Missier Etern tagħhom.” F’ dak ir-renju, aħna tgħallimna dwar l-identità femminili u eterna tagħna. Aħna nafu li kollha kemm aħna konna ”bint għażiża ta’ ġenituri tas-smewwiet.”2

Il-vjaġġ mortali tagħna fid-dinja ma bidilx dawn il-veritajiet. Aħna lkoll nagħmlu parti mill-familja ta’ Alla u aħna meħtieġa fiha. Il-familji tad-dinja kollha jidhru differenti. U filwaqt li aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex noħolqu familji b’ saħħithom u tradizzjonali, biex xi ħadd jifforma parti mill-familja ta’ Alla ma jiddependix fuq liema status aħna għandna—l-istatus tagħna bħala miżżewġin, l-istatus tagħna bħala ġenituri, l-istatus finanzjarju tagħna, l-istatus soċjali tagħna jew saħansitra x’ tip ta’ status nuru fuq il-midja soċjali.

Aħna parti minnha. ”Aħna wlied Missierna tas-Smewwiet, li jħobbna, u aħna nħobbu lilu.”3

It-tieni linja tal-kanzunetta tespandi fuq l-ewwel waħda. “Huwa bagħat lil kull wieħed u waħda minna, permezz tat-twelid tagħna, biex ngħixu u nitgħallmu hawnhekk bħala parti minn familja.”

Fil-ħajja primortali, aħna tgħallimna li konna neħtieġu li ngħaddu żmien fil-mortalità. Aħna ”aċċettajna l-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet li permezz tiegħu aħna stajna niksbu ġisem fiżiku u niksbu esperjenza fid-dinja sabiex aħna nimxu ’l quddiem lejn il-perfezzjoni u ultimament nilħqu d-destin divin tagħna bħala werrieta tal-ħajja eterna.”4

Il-Presbiteru Richard G. Scott spjega li ”aħna ġejna mgħallmin fid-dinja primortali li l-għan tagħna li niġu hawn huwa biex ngħaddu minn prova u test qawwi.”5 Aħna niġu ttestjati b’ modi li huma diversi daqs kemm hawn individwi jesperjenzaw dan. Jiena qatt ma kelli ngħaddi minn divorzju, mill-uġigħ u l-inċertezza li huma riżultat tas-solitudni jew minħabba r-responsabbiltà li omm ikollha meta tispiċċa trabbi l-ulied waħedha. Jiena qatt ma esperjenzajt mewt ta’ xi ħadd minn uliedi, jew infertilità jew inkella attrazzjoni lejn xi ħadd tal-istess sess tiegħi. Jiena qatt ma kelli ngħaddi minn abbuż, mard kroniku jew xi vizzji. Jiena ma ġejtx ittestjata b’ dan il-mod.

Xi wħud minnkom tafu qed tgħidu, ”Mela, Sister Stephens, inti ma tistax tifhimna!” U nweġibkom li jista’ jkun għandkom raġun. Jiena ma nistax nifhem għal kollox l-isfidi tagħkom. Iżda permezz tal-isfidi u l-provi personali tiegħi—dawk li wassluni biex jien ninżel għarkopptejja—jiena sirt naf sew lil Dak li żgur jifhimkom, Huwa li ”jaf x’inhu l-mard,”6 li esperjenza kollox u jifhem lil kulħadd. Barra minn hekk, jiena esperjenzajt l-isfidi mortali kollha li semmejt qabel minn lenti ta’ bint, omm, nanna, oħt, zija u ħabiba.

L-opportunità tagħna bħala wlied Alla nisa li għamilna ċerti patti miegħu mhijiex biss li nitgħallmu mill-isfidi personali tagħna; hi li ningħaqdu f’ empatija u kompassjoni hekk kif nissapportjaw lil membri oħra tal-familja ta’ Alla fit-taqbida li jkunu għaddejjin minnha huma, kif għidna li se nagħmlu fil-patt li għamilna.

Meta aħna nagħmlu dan, aħna nibdew nifhmu u nafdaw ukoll li s-Salvatur jaf id-diffikultajiet tal-ħajja u jista’ jiggwidana waqt in-niket u d-diżappunt kollu li nħabbtu wiċċna miegħu. Huwa l-vera karità, u l-imħabba Tiegħu ”tibqa’ għal dejjem”7—f’ parti minnha permezz tagħna hekk kif aħna nimxu warajh.

Bħala wlied Alla u dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna b’ hekk ”naġixxu skont dawk is-simpatiji li Alla poġġa f’ qalbna.8 L-isfera ta’ influwenza tagħna mhijiex limitata biss għall-membri tal-familja tagħna.

Immaġni
Photo of Sister Yazzi and Sister Yellowhair

M’ilux jiena kelli l-opportunità li mmur nara lil Sister Yazzie tal-Wited ta’ Chinle, Arizona fl-għarix tagħha. Meta hija laqgħatni f’ darha, l-ewwel ħaġa li nnutajt kienet il-varjetà sħiħa ta’ ritratti ffrejmjati li hija kellha fuq il-ħajt u fuq il-mejda bil-membri tal-familja tagħha kif ukoll ritratti ta’ missjunarji. Għalhekk jiena staqsejtha, ”Sister Yazzie, kemm għandek neputijiet?”

Sorpriża bil-mistoqsija tiegħi, hija għolliet spallejha. Imħawda xi ftit bit-tweġiba tagħha, jiena ħarist lejn bintha, Sister Yellowhair, li weġbitni, ”Ma tafx kemm għandha neputijiet. Aħna qatt ma ngħoddu. It-tfal kollha jsejħula Nanna—hija n-Nanna ta’ kulħadd.”

Sister Yazzie ma tillimitax l-imħabba u l-influwenza tagħha biss għall-familja bijoloġika tagħha. Hija tifhem xi jfisser li tespandi l-isfera tal-influwenza tagħha hekk kif tara kif tagħmel it-tajjeb, tbierek, tieħu ħsieb u tiddefendi l-familja ta’ Alla. Hija tifhem li ”kull meta mara ssaħħaħ il-fidi ta’ xi tifel jew tifla, hija tkun qed tikkontribwixxi biex tissaħħaħ familja—kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur.”9

It-tielet linja tal-kanzunetta tkompli tispjega l-għan tal-mortalità tagħna: “Alla tana l-familji biex jgħinna nsiru dak li jixtieqna Hu.” Is-Salvatur għallem, ”Kunu ħaġa waħda; u jekk m’intomx ħaġa waħda, m’intomx tiegħi.”10 Il-proklamazzjoni tal-familja tgħallem li bħala wlied spirti nisa ta’ ġenituri tas-smewwiet, aħna għandna natura divina u identità eterna, u għan. Alla jridna nkunu ħaġa waħda. Alla jeħtieġna nkunu ħaġa waħda—ulied nisa li nżommu l-patti tagħna magħqudin fid-diversitajiet tal-ħajjiet individwali tagħna,11 li nixtiequ nitgħallmu dak kollu meħtieġ biex nerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu, issiġillati Miegħu bħala parti mill-familja eterna Tiegħu.

”L-ordinanzi u l-patti sagri li hemm jistennewna fit-tempji mqaddsa jagħmluha possibbli għalina li nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla u biex il-familji jkunu magħqudin għall-eternità.”12 L-ordinanzi li aħna nirċievu u l-patti li aħna nagħmlu fil-magħmudija u fit-tempji mqaddsa jgħaqqdu lill-familja ta’ Alla bejn iż-żewġ naħat tal-velu—jgħaqqduna ma’ Missierna permezz ta’ Ibnu, li talab, ”Li jkunu lkoll ħaġa waħda; kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.”13

Hekk kif aħna nużaw iż-żmien tagħna fil-mortalità biex nistudjaw u napplikaw it-tagħlim tas-Salvatur, aħna nsiru nixbhuh aktar. Nibdew nifhmu li Huwa t-triq—l-unika triq—li aħna nistgħu negħlbu l-isfidi mortali, infiequ u nerġgħu lura fid-dar tagħna fis-smewwiet.

L-aħħar linja tal-kanzunetta terġa’ lura minn fejn bdejna: “Dan huwa l-mod kif Huwa jaqsam magħna l-imħabba Tiegħu, għax il-familja ġejja minn Alla.” Il-pjan tal-Missier għal uliedu huwa pjan ta’ mħabba. Huwa pjan biex jgħaqqad lil uliedu—il-familja Tiegħu—miegħu. Il-Presbiteru Russell M. Nelson għallem, ”Missierna tas-Smewwiet jixtieq żewġ ħwejjeġ għal uliedu … : l-immortalità u l-ħajja eterna, ’li tfisser li nerġgħu lura d-dar biex ngħixu miegħu.’”14 Dawn ix-xewqat jistgħu jseħħu biss hekk kif aħna naqsmu l-imħabba li Missierna tas-Smewwiet għandu lejn il-familja Tiegħu billi nilħqu lil ħaddieħor u naqsmu magħhom il-pjan Tiegħu.

Għoxrin sena ilu, l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu ppruvaw jilħqu lid-dinja kollha meta huma ħarġu l-proklamazzjoni dwar il-familja. Minn dak iż-żmien ’l hawn, kibru ferm l-attakki fuq il-familja.

Jekk aħna rridu nirnexxu fir-responsabbiltajiet sagri tagħna bħala wlied nisa ta’ Alla, hemm bżonn nifhmu s-sinifikat etern u r-responsabbiltà individwali tagħna li ngħallmu l-veritajiet dwar il-pjan li Missierna tas-Smewwiet fassal għall-familja Tiegħu. Il-President Howard W. Hunter spjega:

”Hawn ħtieġa kbira biex ngħaqqdu flimkien lin-nisa tal-Knisja ħalli jieqfu flimkien mal-Aħwa u jissapportjawhom fil-ħidma tagħhom li jwaqqfu l-mewġa ta’ ħażen li tinsab madwarna u biex immexxu ’l quddiem il-ħidma tas-Salvatur tagħna. …

“… Għalhekk aħna nitolbukom sabiex tamministraw permezz tal-influwenza qawwija tagħkom biex jissaħħu l-familji tagħna, il-knisja tagħna u l-komunitajiet tagħna.”15

Ħuti, aħna parti mill-familja ta’ Alla. Aħna maħbubin. Aħna hemm bżonna. Aħna għandna għan divin, xogħol divin, post divin, u rwol divin fil-Knisja u s-saltna ta’ Alla u fil-familja eterna Tiegħu. Intom verament tafu fil-fond ta’ qalbkom li Missierkom tas-Smewwiet iħobbkom u jixtieq li intom u dawk li intom tħobbu terġgħu lura Miegħu? L-istess kif ”Missierna tas-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu huma perfetti …, it-tamiet tagħhom għalina huma wkoll perfetti.”16 Il-pjan Tagħhom għalina huwa perfett u l-wegħdiet Tagħhom huma ċerti. Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed bi gratitudni f’ isem Ġesu Kristu, amen.

Noti

  1. Ara “The Family Is of God,” f’ Families Are Forever: 2014 Outline for Sharing Time (2013), 28–29.

  2. “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Ensign jew Liahona, Nov. 2010, 129.

  3. “Young Women Theme,” f’ Young Women Personal Progress (ktejjeb, 2009), 3.

  4. “Il-Familja: ”Proklamazzjoni lid-Dinja.”

  5. Richard G. Scott, “Make the Exercise of Faith Your First Priority,” Ensign jew Liahona, Nov. 2014, 92.

  6. Isaija 53:3.

  7. Moroni 7:47.

  8. Joseph Smith, f’ Daughters in My Kingdom: The History and Work of Relief Society (2011), 16.

  9. Daughters in My Kingdom, 159.

  10. Doctrine and Covenants 38:27.

  11. Ara Patricia T. Holland, “‘One Thing Needful’: Becoming Women of Greater Faith in Christ,” Ensign, Ott. 1987, 26–33.

  12. “Il-Familja: ”Proklamazzjoni lid-Dinja.”

  13. Ġwanni 17:21.

  14. R. Scott Lloyd, “God Wants His Children to Return to Him, Elder Nelson Teaches,” sezzjoni tal-Aħbarijiet tal-Knisja ta’ LDS.org, Jan. 28, 2014, lds.org/church/news/god-wants-his-children-to-return-to-him-elder-nelson-teaches.

  15. Howard W. Hunter, f’ Daughters in My Kingdom, 157; ara wkoll “To the Women of the Church,” Ensign, Nov. 1992, 96.

  16. M. Russell Ballard, “Let Us Think Straight” (Brigham Young University devotional, Aww. 20, 2013); speeches.byu.edu.