2010-2019
Il-Farraġ
April 2015


Il-Farraġ

Jiena nixhed li Kristu l-ħaj jibgħat l-Ispirtu s-Santu, il-Farraġ, lil dawk li jwegħduh li lesti jgħinuh ifarraġ lil ħaddieħor.

Għeżież ħuti, kien verament ta’ pjaċir kbir għalija li kont hawn fostkom. Ġew f’ moħħi ommi, marti, uliedi l-bniet, in-nisa ta’ wliedi, u n-neputijiet tiegħi—uħud minnhom jinsabu hawn illum. Dan il-programm mill-isbaħ wassalni biex napprezzahom aktar. Jiena nagħraf li stajt ikolli familja bħal din u ħajja daqshekk sabiħa fil-familja għaliex huma lkoll poġġew lis-Salvatur fiċ-ċentru ta’ ħajjithom. Fakkarnih illejla permezz tal-mużika, tat-talb kif ukoll permezz ta’ diskors mill-aktar ispirat. Waħda mill-kwalitajiet li l-aktar napprezzaw fis-Salvatur hija l-kompassjoni infinita Tiegħu.

Illejla intom ħassejtu li Huwa jafkom u jħobbkom. Intom ħassejtu l-imħabba Tiegħu għal dawk li jinsabu bilqiegħda madwarkom. Dawn huma ħutkom, ulied spirti bniet ta’ Missierna tas-Smewwiet. Huwa jimpurtah minnhom l-istess kif jimpurtah minnek. Huwa jifhem in-niket kollu tagħhom. Huwa jrid jassistihom.

Il-messaġġ tiegħi lilkom illejla hu li intom tistgħu tkunu u għandkom tkunu parti importanti mill-faraġ li Huwa jrid jagħti lil dawk li jeħtieġu l-faraġ. L-aħjar mod kif intom tistgħu tagħmlu l-parti tagħkom hu billi ssiru tafu aħjar kif Huwa jwieġeb it-talb ta’ dawk li jeħtieġu l-għajnuna.

Ħafna jinsabu jitolbu lill-Missier tas-Smewwiet għall-għajnuna biex jgħinhom iġorru t-tagħbija tagħhom bħall-mard, solitudni u biża’. Missierna tas-Smewwiet jisma’ dak it-talb u jifhem il-bżonnijiet tagħhom. Hu flimkien ma’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu mqajjem mill-imwiet, wegħduna li lesti jgħinuna.

Ġesù Kristu tana din il-wegħda mill-aktar ħelwa:

”Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

”Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

“Għax il-madmad tiegħu ħelu, u t-toqol tiegħi ħafif.”1

It-tagħbija li l-qaddejja fidili Tiegħu għandhom iġorru f’ din il-ħajja tiħfief permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu. It-toqol tad-dnub jista’ jitneħħa minn fuqna, iżda l-isfidi tal-ħajja mortali li jgħaddu minnhom in-nies twajba jafu xorta waħda jkunu diffiċli.

Intom żgur li rajtu dawn l-isfidi fil-ħajja tan-nies twajba li intom tħobbu. Intom ħassejtu fikom xewqa li tgħinuhom. Hemm raġuni għalfejn ħassejtu fikom sentiment ta’ kompassjoni għalihom.

Intom membri tal-patt tal-Knisja ta Ġesù Kristu. Bdiet isseħħ bidla kbira f’ qalbkom meta intom ġejtu f’ din il-Knisja. Intom għamiltu patt, u rċevejtu wegħda li bdiet tibdel l-istess natura tagħkom.

Alma ddeskriva, fid-diskors tiegħu fl-Ilmijiet ta’ Mormon, dak li intom wegħdtu fil-magħmudija tagħkom u dan xi jfisser għalikom u għal dawk kollha ta’ madwarkom—speċjalment fil-familji tagħkom. Huwa kien qed ikellem lil dawk li kienu waslu biex jagħmlu l-istess patti li intom ukoll għamiltu, u huma rċevew ukoll il-wegħda li l-Mulej għamel magħkom:

”Araw, dawn huma l-ilmijiet ta’ Mormon (għax hekk kienu jissejħu) u issa, la intom qed turu x-xewqa li ssiru parti mill-merħla ta’ Alla, u tibdew tissejħu l-poplu tiegħu, u lesti li ġġorru t-tagħbija ta’ xulxin, biex tkun ħafifa;

”Iva, u intom lesti tibku ma’ dawk li jibku; iva, u tfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ, u tieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’ kull ħin u f’ kollox, u kull fejn tkunu, sewwasew sal-mewt, sabiex intom tiġu mifdijin minn Alla, u tingħaddu ma’ dawk tal-ewwel resurrezzjoni, sabiex ikollkom il-ħajja eterna.”2

Huwa għalhekk li intom għandkom fikom is-sentiment li tixtiequ tgħinu lil dik il-persuna li qed issibha diffiċli biex tibqa’ għaddejja bit-tagħbija kollha mard u diffikultà li għandha. Intom wegħidtu li se tgħinu lill-Mulej iħaffef it-tagħbija tagħhom u jfarraġhom. Intom ġejtu mogħtija l-qawwa li tgħinu sabiex tittaffa t-tagħbija tagħhom meta intom rċevejtu d-don tal-Ispirtu s-Santu.

Ftit qabel ma ġie msallab, is-Salvatur iddeskriva l-mod li bih Huwa se jgħinna ntaffu t-tagħbija tagħna u kif se jagħtina l-qawwa li nġorruha. Huwa kien jaf li d-dixxipli Tiegħu se jesperjenzaw id-dulur f’ ħajjithom. Huwa kien jaf li huma kienu se jinħakmu minn biżà għax ma kinux jafu x’ kien se jiġri minnhom. Huwa kien jaf li kienu se jħossuhom inċerti dwar jekk kinux kapaċi jibqgħu għaddejjin mingħajru.

Għalhekk Huwa tahom l-istess wegħda li qed jagħmel lilna lkoll u lid-dixxipli vera Tiegħu.

”U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Farraġ ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem;

”L-Ispirtu tal-verità; li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom.”3

Imbagħad Huwa wiegħed:

”Imma l-Farraġ, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.

Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.”4

F’ dawn l-aħħar ġimgħat biss, jiena rajt il-wegħda li Huwa jibgħat fostna l-Ispirtu s-Santu ssir realtà fil-ħajja ta’ wlied Alla li talbuh b’ ħerqa sabiex jgħinhom iġorru t-tagħbija tagħhom. Il-miraklu li t-tagħbija tagħna tiħfief wasal bil-mod li wiegħed il-Mulej. Hu, flimkien ma’ Missierna tas-Smewwiet, bagħat lid-dixxipli Tiegħu l-Ispirtu s-Santu bħala l-Farraġ ħalli permezz tiegħu Huwa jgħinhom.

M’ilux tliet ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ familja għaddew minn dulur f’ ħajjithom minħabba l-mewt ta’ tifel ta’ ħames snin. Huwa miet b’ aċċident waqt li l-familja tiegħu kienu jinsabu vaganza. Jiena ġejt mogħti l-opportunità li nara b’ għajnejja għal darb’oħra kif il-Mulej ibierek lill-fidili bl-għajuna tiegħu u bil-qawwa li jagħtihom biex jibqgħu għaddejjin.

Jiena rajt b’ għajnejja l-mod li bih il-Mulej taffa t-tagħbija kbira li huma kellhom fuqhom. Jiena kont ninsab magħhom bħala l-qaddej tal-patt tal-Mulej—kif tkunu intom ukoll ħafna drabi f’ ħajjitkom—”biex tibku ma’ dawk li jibku… u tfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ.”5

Peress li jiena naf li dan kollu minnu, jiena ħassejtni kuntent u fil-paċi meta n-nanniet stednuni biex niltaqa’ magħhom u mal-ġenituri tat-tifel ċkejken qabel il-funeral.

Jiena tlabt biex inkun naf kif nista’ ngħin lill-Mulej ifarraġhom. Huma poġġew bilqiegħda miegħi fis-salott tagħna. Jiena saħħant il-kamra f’ lejla mill-aktar kiesħa permezz ta’ ħuġġieġa żgħra fil-fuklar bil-ħatab.

Ħassejt li kelli ngħidilhom li nħobbhom. Għedtilhom li ħassejt fija l-imħabba li l-Mulej għandu għalihom. Fi ftit kliem ippruvajt ngħidilhom li jiena kont inħossni mnikket għalihom iżda kien il-Mulej biss li kien jaf u seta’ jesperjenza perfettament l-uġigħ u n-niket tagħhom.

Wara li tennejt dak il-ftit kliem, jiena ħassejt fija l-bżonn li nismagħhom b’ imħabba jesprimu s-sentimenti tagħhom.

Fis-siegħa li għamilna bilqiegħda flimkien, huma tkellmu ferm aktar milli tkellimt jien. Stajt inħoss f’ leħinhom u nara f’ għajnejhom li l-Ispirtu s-Santu kien qed ifarraġhom. Permezz ta’ daqsxejn ta’ testimonjanza, huma tkellmu miegħi dwar x’ kien ġara u kif ħassewhom. L-Ispirtu s-Santu kien diġà tahom il-paċi li hi riżultat tat-tama tal-ħajja eterna, meta binhom, li miet mingħajr ebda dnub, seta’ jkun tagħhom għal dejjem.

Meta jiena tajthom ilkoll barka saċerdotali, jiena wrejt il-gratitudni tiegħi għall-influwenza tal-Ispirtu s-Santu li kienet preżenti f’ dak il-ħin. Il-Farraġ ġie fostna, ġabilna t-tama, il-kuraġġ u qawwa akbar.

Dik il-lejla, jiena rajt b’ għajnejja kif jaħdem il-Mulej magħna biex itaffi t-tagħbija tal-poplu Tiegħu. Tiftakru fil-Ktieb ta’ Mormon meta l-poplu Tiegħu ħassu mgħaffeġ bit-tagħbija li tpoġġiet fuqu minn min pprova jiddixxiplinah bi ħruxija kbira.

Il-poplu talab b’ ħerqa għall-għajnuna, l-istess bħal ħafna nies li aħna nħobbu u nservu. Dan huwa li hemm dokumentat, u li jien naf li huwa l-verità:

”U jiena nħaffef it-tagħbija li għandkom fuq spallejkom, tant li anke intom stess ma tħossuhiex aktar fuq daharkom, anke fil-mument li fih tkunu tinsabu fil-jasar; u dan jien nagħmlu sabiex intom tieqfu bħala xhieda għalija minn issa ’l quddiem, u intom tkunu tafu b’ ċertezza li jiena, il-Mulej Alla, verament inżur il-poplu tiegħi fis-sofferenza tiegħu.

”U issa ġara li t-tagħbija li kienu qed iġorru Alma u ħutu ħfiefet; iva, il-Mulej tahom aktar saħħa sabiex ikunu jistgħu jġorru t-tagħbija tagħhom mingħajr wisq diffikultà, u huma ssottomew ruħhom b’ ferħ u b’ tant paċenzja għar-rieda tal-Mulej.”6

Jiena rajt b’ għajnejja dan il-miraklu għal bosta drabi f’ ħajti. L-aħjar mod kif aħna nistgħu ntaffu t-tagħbija tal-oħrajn hu billi ngħinu lill-Mulej ħalli jagħtihom il-qawwa jġorruha. Huwa għalhekk li waħda mir-responsabbiltajiet li tana l-Mulej biex infarrġu lil ħaddieħor hi li nkunu xhieda Tiegħu f’ kull ħin u kullimkien.

Dik il-lejla fis-salott tiegħi, il-missier u l-omm ta’ dak it-tifel ċkejken qasmu miegħi t-testimonjanza li huma għandhom tas-Salvatur. L-Ispirtu s-Santu ġie fostna u aħna ħassejna rwieħna lkoll imfarrġa. Dawn il-ġenituri ħassew fihom aktar qawwa. It-toqol tan-niket xorta kien għadu hemm, iżda huma ġew mogħtija l-qawwa li jġorruh. Il-fidi tagħhom issaħħet. U l-qawwa tagħhom se tkompli tikber hekk kif huma jitolbu għaliha u jgħixu denji tagħha.

Ix-xhieda tal-Ispirtu tal-Att tal-Fidwa li ħassejna dik il-lejla hija dik li saħħet lil Ġob biex huwa wkoll seta’ jġorr it-tagħbija tiegħu:

”Jien naf li l-feddej tiegħi ħaj, u fl-aħħar fuq it-trab iqum:

u wara li jintemm ġildi, għoddni bla laħam, nara ’l Alla.”7

Kienet dik il-qawwa tal-Ispirtu li għenitu jibqa’ għaddej. Huwa rnexxielu jgħaddi min-niket tiegħu u min-nuqqas ta’ faraġ li sab min-nies ta’ madwaru u sab il-ferħ li hemm jistenna n-nies fidili kollha li jiffaċċjaw b’ fidi l-isfidi li jkollhom quddiemhom.

Hekk ġralu Ġob. Huwa ra l-barkiet iseħħu lilu f’ din il-ħajja. L-istorja ta’ Ġob tintemm b’ dan il-miraklu:

U l-Mulej bierek il-ħajja l-ġdida ta’ Ġob aktar minn dik ta’ qabel. …

”U ma kienx hemm fil-pajjiż kollu nisa li fil-ġmiel iħabbtuha mal-bniet ta’ Ġob. Missierhom tahom qasma mill-wirt ma’ ħuthom is-subjien.

”Wara dan kollu Ġob għex mija u erbgħin sena u ra ’l uliedu u wlied uliedu sar-raba’ nisel.

”U Ġob miet xiħ u mimli bl-għomor.”8

Kienet ix-xhieda tal-Ispirtu dwar l-Att tal-Fidwa li kellu jseħħ li għenet lil Ġob tul l-isfidi li l-ħajja tridna lkoll nesperjenzaw. Din hija parti mill-pjan kbir ta’ ferħ li tana l-Missier. Huwa ppermetta li Ibnu jipprovdilna, permezz tas-sagrifiċċju tat-tpattija Tiegħu, it-tama li tfarraġna, tkun kemm tkun diffiċli għalina t-triq li twassalna lejh.

Il-Missier u l-Iben bagħtu lill-Ispirtu s-Santu biex ifarraġ u jsaħħaħ lid-dixxipli tal-Imgħallem fil-vjaġġ tagħhom.

Jiena rajt b’ għajnejja dan il-miraklu ta’ faraġ hekk kif jiena wasalt ħdejn il-kappella fejn kellu jsir il-funeral ta’ dak it-tifel ċkejken. Waqqfitni waħda tfajla ħelwa li jien ma kontx naf. Hija qaltli li hija kienet ġiet il-funeral biex turi d-diqa ta’ qalb tagħha u tfarraġ lill-familja kemm setgħet.

Hija qalet li kienet ġiet il-funeral ukoll biex tfarraġ lilha nfisha. Hija qaltli li l-ewwel tarbija tagħha ma kinetx ilha wisq li mietet. Kienet qed iġġorr f’ dirgħajha tifla veru ħelwa. Jiena ttawwalt lejha biex inħares lejn it-tbissima li dik it-tifla ċkejkna kellha fuq ħaddejha. Jiena staqsejt lil omm it-tarbija, ”X’ jisimha?” It-tweġiba pronta u ferrieħa tagħha kienet ”Jisimha Joy, li tfisser ferħ. Wara n-niket dejjem jiġi l-ferħ.”

Hija qasmet ix-xhieda tagħha miegħi. Stajt nara li l-paċi u l-faraġ waslu għandha minn sors wieħed biss. Alla biss kien jaf x’ hemm f’ qalbha, u Huwa biss jista’ jgħid, fil-verità, ”Jiena naf kif tħossok.” Għalhekk jiena stajt biss nimmaġina l-ferħ kif ukoll in-niket li hija esperjenzat qabel, iżda l-Mulej, li jħobbha, jaf eżatt kif tħossha.

Jiena nista’ biss nara ftit mill-ferħ li Huwa jħoss kull darba li intom, id-dixxipli Tiegħu, tgħinuh iwassal mument ta’ paċi u ferħ fil-ħajja ta’ wlied Missierna tas-Smewwiet.

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li l-Mulej talab lil kull wieħed u waħda minna, id-dixxipli Tiegħu, sabiex ngħinuh billi nġorru t-tagħbija ta’ xulxin. Aħna wegħidna li nagħmlu dan. Jiena naqsam magħkom it-testimonjanza tiegħi li l-Mulej, permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu u l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, kisser is-setgħa tal-mewt. Jiena nixhed li Kristu l-ħaj jibgħat l-Ispirtu s-Santu, il-Farraġ, lil dawk li jwegħduh li lesti jgħinuh ifarraġ lil ħaddieħor.

Intom kollha xhieda, kif jien jien, tal-verità tal-kitba li kien hemm fuq il-labra li ommi kienet libset fuqha għal aktar minn 20 sena bħala membru tal-bord ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna. Kienet tgħid, ”Il-Karità Ma Tintemm Qatt.”9 Għadni s’issa ma nistax nifhem it-tifsira sħiħa ta’ dak il-kliem. Iżda stajt nieħu idea meta lilha rajtha tilħaq lil dawk fil-bżonn. L-iskrittura tgħallimna din il-verità: ”Il-karità hija l-imħabba pura ta’ Kristu.”10

L-imħabba Tiegħu ma tintemm qatt, u aħna ma nieqfu qatt inħossu f’ qalbna x-xewqa li ”nibku ma’ dawk li jibku … u nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ.”11 U lanqas il-paċi li Huwa wegħdna ma tħallina hekk kif aħna naqdu lil ħaddieħor f’ ismu.

Bħala x-xhud Tiegħu, jiena nestendi l-gratitudni tiegħi għal dak li intom twettqu b’ tant diliġenza biex tgħinu lill-Mulej ħaj, Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu, il-Farraġ, isaħħaħ l-irkupptejn imriegħda u jqawwi l-idejn mitruħa.12 Jiena grat, b’ qalbi kollha, għan-nisa f’ ħajti li għenuni u berkuni bħala dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.