2010-2019
Ibqgħu Ħdejn is-Siġra
April 2015


Ibqgħu Ħdejn is-Siġra

Il-viżjoni ta’ Leħi tas-siġra tal-ħajja hija parabbola qawwija dwar kif wieħed għandu jibqa’ sod sat-tmiem.

Ftit qabel mal-President Heber J. Grant miet, mar iżuru f’ daru wieħed mill-Aħwa. Qabel huwa telaq, il-President Grant talab, ”O Alla, berikni biex jiena ma nitlifx it-testimonjanza tiegħi u nibqa’ fidil sat-tmiem!”1 Wara kważi 27 sena bħala President tal-Knisja, din kienet it-talba ferventi tiegħu. L-eżempju Tiegħu verament ifakkarna li l-ebda bniedem, għandu kemm għandu età, m’hu eżentat mill-influwenza ta’ Satana. Tnejn mill-aktar għodda b’ saħħithom li juża Satana huma d-distrazzjoni u l-qerq.

Li nibqgħu sodi sat-tmiem hija karatteristika ewlenija ta’ wieħed li jkun veru dixxiplu, u hija essenzjali għall-ħajja eterna. Iżda meta f’ ħajjitna nħabbtu wiċċna ma’ għadd ta’ sfidi, ħafna drabi nisimgħu min jgħidilna ”taqtax qalbek.” Ħa nagħmilha ċara: li ma ”taqtax qalbek” mhuwiex prinċipju tal-evanġelju. Li nibqgħu sodi sat-tmiem ifisser li kontinwament nersqu lejn Kristu u nipperfezzjonaw ruħna fih.

Jekk li nibqgħu sodi sat-tmiem hija ħaġa essenzjali għall-ħajja eterna, għalfejn insibuha daqstant diffiċli biex nibqgħu fidili? Insibuha diffiċli meta nsibu lilna nfusna maqbudin bejn ċerti prijoritajiet li jippruvaw jikkompetu ma’ xulxin. L-ubbidjenza każwali u l-impenn biered idgħajfulna l-fidi tagħna. Biex nibqgħu sodi sat-tmiem neħtieġu impenn totali lejn is-Salvatur u lejn il-patti tagħna.

Il-viżjoni ta’ Leħi tas-siġra tal-ħajja hija parabbola qawwija dwar li wieħed jibqa’ sod sat-tmiem. Jekk jogħġobkom, bl-għajnuna tat-talb, studjaw u xtarru l-ħolma ta’ Leħi; imbagħad xebbhuha magħkom infuskom. Hekk kif tagħmlu dan, bir-reqqa kkunsidraw sitt prinċipji importanti li jgħinuna nibqgħu sodi sat-tmiem.

1. Tinsewx Titolbu

Il-ħolma tibda b’ Leħi waħdu ”fuq art moxa mill-aktar mudlama u deżolata.”2 Ilkoll kemm aħna nesperjenzaw perjodi ta’ dalma u solitudni. ”Meta l-ħajja ssir mudlama u deżolata, tinsewx titolbu.”3 Imxu wara l-eżempju tal-President Heber J. Grant. Itolbu biex ikollkom il-qawwa li tibqgħu sodi sat-tmiem. Staqsu lill-Missier tas-Smewwiet, ”Xi trid mingħadni iżjed?”

2. Ersqu Lejn Kristu u Pperfezzjonaw Ruħkom Fih

Is-siġra tal-ħajja tinsab fiċ-ċentru ewlieni tal-ħolma ta’ Leħi. Kollox imdawwar mas-siġra tal-ħajja. Is-siġra tirrappreżenta lil Kristu, li huwa manifestazzjoni ċara tal-imħabba ta’ Alla. Il-frott huwa l-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu u huwa evidenza kbira tal-imħabba ta’ Alla. Il-ħajja eterna mal-maħbubin tagħna hija aktar ħelwa u ta’ min jixtieqha minn kull ħaġa oħra. Biex napprezzaw sew dan ir-rigal, għandna ”nersqu lejn Kristu, u nipperfezzjonaw ruħna fih.”4 Huwa ”t-triq, il-verità u l-ħajja.”5 Aħna nistgħu nimlew ħajjitna billi nwettqu ħafna affarijiet u nagħmlu dak li hu xieraq, iżda fl-aħħar mill-aħħar, jekk aħna ma nidħlux f’ ċerti patti sagri li nimxu wara Kristu u b’ fedeltà nżommu dawn il-patti, aħna nkunu verament ma fhimniex il-veru għan.

3. Nibqgħu Mexjin ’il Quddiem b’ Fidi

Hemm triq li twassal għas-siġra tal-ħajja, għal Kristu. Hija stretta u dejqa, preċiża u eżatta. Il-kmandamenti ta’ Alla huma stretti iżda mhux restrittivi. Huma jipproteġuna mill-periklu spiritwali u fiżiku u jżommuna milli nintilfu.

L-ubbidjenza tibni l-fidi fi Kristu. Il-fidi hija prinċipju ta’ azzjoni u qawwa. Li nimxu b’ mod konsistenti wara l-eżempju tas-Salvatur iwassal għal ċerta qawwa u kapaċità spiritwali. Mingħajr il-qawwa li ssaħħaħna tal-Att tal-Fidwa, huwa impossibbli li aħna nibqgħu sodi fit-triq.

”Ibqgħu mexjin ’il quddiem b’ fidi soda fi Kristu.”6

4. Il-Ktieb ta’ Mormon Huwa Neċessarju għas-Sopravivenza Spiritwali

Il-vjaġġ tal-ħajja mhux wieħed faċli. Faċilment insibu xi ħaġa ttellifna, noħorġu mit-triq u nintilfu. It-tribulazzjoni hija ħaġa inevitabbli u indispensabbli fil-progress etern tagħna. Meta tħabbtu wiċċkom mal-avversità, tħallux xi ħaġa li għadkom ma tistgħux tifhmu għal kollox teqred dak kollu li diġà tafu. Kunu paċenzjużi, żommu sodi mal-verità; xi darba ssiru tafu. L-isfidi huma bħal dalma ċpar kbira li tista’ tagħmina u twebbsilna qalbna. Sakemm aħna ma ”nibqgħux inżommu sod”7 mal-kelma ta’ Alla u ngħixuha, aħna nsiru spiritwalment għomja minflok spiritwalment għonja. Fittxu fil-Ktieb ta’ Mormon u kliem il-profeti ħajjin kuljum, kuljum, kuljum! Hija ħaġa mill-aktar importanti għas-sopravivenza spiritwali tagħna u biex nevitaw il-qerq. Mingħajrhom, aħna nkunu spiritwalment mitlufin.

5. Tħallu Xejn Iwaqqagħkom fid-Distrazzjoni u fil-Qerq

Li nagħtu kas ifisser li nagħtu attenzjoni sħiħa. Li nagħtu kas ta’ dawk li ma jemmnux fi Kristu żgur mhux se jgħinna nsibuh. Jekk infittxu #binispazzjuż biex niksbu l-għarfien żgur mhux se jwassalna għall-verità. Ma tiġix ippustjata hemm. Is-Salvatur biss għandu ”l-kliem tal-ħajja eterna.”8 Il-kumplament huwa sempliċiment kliem. Il-bini kbir u spazzjuż jissimbolizza ”l-imaġinazzjoni fiergħa u l-kburija”9 tad-dinja—fi kliem ieħor, id-distrazzjoni u l-qerq. Huwa mimli b’ nies lebsin b’ ilbies fin li jidhru li ma jonqoshom xejn. Iżda huma jiddieħku bis-Salvatur u b’ dawk li jimxu warajh. Huma ”dejjem jitgħallmu, u qatt mhuma kapaċi jsibu l-għarfien tal-verità.”10 Jista’ jkun li huma politikament korretti, iżda huma mitlufin spiritwalment.

6. Ibqgħu Ħdejn is-Siġra

Il-messaġġ ta’ Leħi hu sabiex nibqgħu ħdejn is-siġra. Nibqgħu hemm għaliex ikkonvertejna fil-Mulej. Alma għallem, ”Araw, huwa bidel il-qalb tagħhom; iva, huwa qajjimhom minn raqda twila, u huma qamu f’ Alla.”11 Hekk kif noffru qlubna lil Alla, l-Ispirtu s-Santu jibdel l-istess natura tagħna u verament nikkonvertu fil-Mulej, u qatt aktar ma nfittxu l-bini spazzjuż. Jekk nieqfu nagħmlu dawk il-ħwejjeġ li jwasslu għal konverżjoni vera, aħna nibdew sejrin lura spiritwalment. L-apostasija hija l-oppost tal-konverżjoni.

Lill-missjunarji kollha, tal-passat u tal-preżent: Intom il-presbiteri u s-sisters kollha, intom sempliċiment ma tistgħux tmorru lura mill-missjoni tagħkom, tgħumu lura lejn Babilonja, u tqattgħu sigħat sħaħ takkumulaw il-punti mill-aktar irrelevanti fuq xi logħob tal-kompjuter mingħajr ma tispiċċaw f’ raqda twila spiritwali. Lanqas tistgħu tgħaddu ħinkom onlajn taraw il-pornografija u tinjoraw il-virtù u l-kastità mingħajr ma tesperjenzaw ċerti konsegwenzi spiritwali terribbli. Jekk titilfu l-Ispirtu, intom mitlufin. Tħallu Xejn Iwaqqagħkom fid-Distrazzjoni u fil-Qerq

Id-dixxipli vera jkomplu jistenbħu f’ Alla kuljum permezz tat-talb personali elokwenti, tal-istudju tal-iskrittura, tal-ubbidjenza personali u ta’ servizz altruwista. Ibqgħu ħdejn is-siġra u torqdux.

Bosta snin ilu, jiena u Sister Pearson ġejna msejħin sabiex nippresidu fuq il-Missjoni ta’ Tacoma, Washington. Is-sejħa kienet verament sorpriża. Xi ftit nervuż, jiena mort quddiem iċ-ċermen u d-direttur tal-kumpanija fejn kont impjegat u infurmajthom bis-sejħa tal-missjoni tiegħi. Huma xejn ma dehru kuntenti bid-deċiżjoni tiegħi li nitlaq mill-kumpanija. ”Meta ħadtha din id-deċiżjoni, u għalfejn ma ddiskutejthiex magħna qabel?” staqsewni.

Bħal rivelazzjoni ċara, ġiet f’ moħħi tweġiba mill-aktar profonda. Jiena għedt, ”Jiena ħadt din id-deċiżjoni meta kien għad kelli 19-il sena, meta fit-tempju għamilt patt sagru ma’ Alla li kont lest li nimxi wara s-Salvatur. Bnejt ħajti kollha fuq dak il-patt, u hi l-intenzjoni tiegħi li issa nibqa’ nżommu b’ mod sħiħ.”

La darba nidħlu f’ patti ma’ Alla, ma nistgħux nerġgħu lura. Li naqtgħu qalbna mhijiex għażla. L-istandard fis-saltna ta’ Alla hu li jeħtieġ li aħna neċċellaw biex niksbu l-eżaltazzjoni. Jeħtieġ li nkunu dixxipli qalbiena! M’hemmx spazju għal dixxipli medji jew li għalihom jgħaddi kollox. Il-medju u l-eċċellenti huma għedewwa ta’ xulxin u l-impenn medju jżommkom milli tibqgħu sodi sat-tmiem.

Jekk qed issibuha diffiċli, jekk qed tħossukom konfużi jew mitlufin spiritwalment, nitlobkom sabiex tagħmlu dik il-ħaġa li jiena naf li tista’ terġa’ tpoġġikom lura fit-triq it-tajba. Erġgħu ibdew studjaw, bl-għajnuna tat-talb, il-Ktieb ta’ Mormon u għixu t-tagħlim tiegħu kuljum, kuljum, kuljum! Jiena nixhed dwar il-qawwa profonda li hemm fil-Ktieb ta’ Mormon li tibdlilkom ħajjitkom u ssaħħaħ ir-riżoluzzjoni tagħkom li timxu wara Kristu. L-Ispirtu s-Santu jwettaq bidla f’ qalbkom u jgħinkom taraw ”l-affarijiet kif fil-fatt huma.”12 Huwa jurikom x’ imisskom tagħmlu. Din hija l-wegħda li qed jagħmlilkom Nefi:

”U jiena għedtilhom … kull min jagħti kas tal-kelma ta’ Alla, u jżomm sod magħha, qatt ma jinqered; lanqas it-tentazzjoni u l-vleġeġ kollha nar tal-avversarju ma jwassluhom biex jagħmu, u jwassluhom għall-qerda.

”Għalhekk, Jiena … tlabthom … sabiex jagħtu kas tal-kelma ta’ Alla u jiftakru jżommu l-kmandamenti tiegħu dejjem u f’ kollox.”13

Ħuti, li nibqgħu sodi sat-tmiem huwa t-test kbir ta’ kull dixxiplu. Il-mod kif ngħixu kuljum bħala dixxipli jiddetermina d-destin etern tagħna. Għandna nistenbħu f’ Alla, inżommu sodi mal-verità, inżommu l-patti tagħna tat-tempju u nibqgħu ħdejn is-siġra.

Jiena nixhed dwar Kristu ħaj imqajjem mill-imwiet. Jiena naf li Huwa jgħix. L-akbar xewqa tiegħi hi li jiena nibqa’ leali u fidil sat-tmiem u nimxi wara l-eżempju manjifiku Tiegħu. Fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kistu, amen.