2010-2019
Għaliex iż-Żwieġ u l-Familja huma importanti—Kullimkien fid-Dinja
April 2015


Għaliex iż-Żwieġ u l-Familja huma importanti—Kullimkien fid-Dinja

Il-familja hija ċ-ċentru tal-ħajja u hija l-aktar ħaġa importanti għall-hena eterna.

Novembru li għadda, jiena kelli l-privileġġ li niġi mistieden—flimkien mal-President Henry B. Eyring u l-Isqof Gérald Caussé—biex nattendi konferenza akkademika fuq iż-żwieġ u l-familja fil-Vatikan, ġewwa Ruma, l-Italja. Jattendu għaliha kien hemm rappreżentanti reliġjużi minn 144 reliġjon differenti u minn sitt kontinenti differenti, kollha kemm huma mistiedna biex jesprimu t-twemmin tagħhom dwar x’ qed jiġrilha l-familja fid-dinja tal-lum.

Immaġni
President Henry B. Eyring, Bishop Gerald Causse and Elder Perry in Rome

Il-Papa Franġisku fetaħ l-ewwel sezzjoni tal-assemblea b’ din id-dikjarazzjoni: ”Illum ninsabu ngħixu f’ kultura li kollox hu temporanju, li fiha aktar u aktar nies qegħdin sempliċiment jaqtgħu qalbhom miż-żwieġ bħala impenn pubbliku. Din ir-rivoluzzjoni fil-manjieri u l-morali ħafna drabi ġġorr il-bandiera tal-libertà, iżda fil-fatt wasslet għall-qerda spiritwali u materjali ta’ għadd kbir ta’ bnedmin, speċjalment l-aktar foqra u vulnerabbli. … Huma dejjem dawn l-aktar li jsofru f’ din il-kriżi.”1

Meta kien qed jirreferi għal dawk tal-ġenerazzjoni li għadha tiela’, huwa qal li huwa importanti li huma ”ma jaqgħux għall-mentalità velenuża li kollox għandu jkun temporanju, iżda pjuttost għandhom ikunu rivoluzzjonarji bil-kuraġġ li jfittxu imħabba vera u dejjiema, u jmorru kontra dak li hu popolari”; hekk għandhom jagħmlu.2

Immaġni
Synod hall with the faith leaders on the marriage summit

Dan ġie segwit min tlett ijiem ta’ preżentazzjoni u diskussjoni bil-mexxejja reliġjużi jindirizzaw is-suġġett taż-żwieġ bejn raġel u mara. Hekk kif jiena qgħadt nisma’ diskorsi mill-aktar varji aktar milli wieħed jista’ jimmaġina minn mexxejja reliġjużi minn madwar id-dinja, jiena smajthom ilkoll jaqblu flimkien u jesprimu s-sapport tagħhom għat-twemmin ta’ xulxin dwar is-santità tal-istituzzjoni taż-żwieġ u dwar l-importanza tal-familji bħala l-unit bażika tas-soċjetà. Jiena ħassejt li kien hemm sens qawwi ta’ attributi simili u għaqda bejniethom.

Kien hemm ħafna li raw u esprimew din l-għaqda, u huma għamlu dan b’ modi varji. Wieħed mill-mumenti favoriti tiegħi kien meta studjuż Musulman mill-Iran ikkwota żewġ paragrafi kelma b’ kelma mill-proklamazzjoni tagħna fuq il-familja.

Matul din il-konferenza akkademika, jiena osservajt li meta nies ta’ twemmin, denominazzjonijiet u reliġjonijiet differenti jingħaqdu flimkien fejn jidħol iż-żwieġ u l-familja, huma jkunu magħqudin ukoll fuq il-valuri, il-lealtà u l-impenn li b’ mod naturali huma assoċjati mal-units tal-familja. Kienet ħaġa mill-aktar meraviljuża għalija li nara kif il-prijoritajiet ibbażati fuq iż-żwieġ u l-familja jegħlbu u jmorru lil hinn minn kull differenza politika, ekonomika u reliġjuża. Fejn jidħlu l-imħabba bejn il-miżżewġin u t-tamiet, il-problemi u l-ħolm tat-tfal, aħna lkoll l-istess.

Immaġni
President Henry B. Eyring speaking in a news room.

Kienet ħaġa verament mill-isbaħ li aħna attendejna dawn il-laqgħat flimkien ma’ għadd ta’ kelliema minn madwar id-dinja hekk kif b’ mod universali huma indirizzaw is-sentimenti tagħhom dwar l-importanza taż-żwieġ bejn raġel u mara. Wara kull diskors li huma għamlu smajna numru ta’ mexxejja reliġjużi oħra jaqsmu t-testimonjanza tagħhom. Il-President Henry B. Eyring kien l-aħħar wieħed li qasam it-testimonjanza tiegħu f’ din il-konferenza akkademika. Huwa qasam ix-xhieda qawwija tiegħu dwar is-sbuħija li nidħlu għaż-żwieġ b’ impenn u dwar it-twemmin tagħna fil-barka mwiegħda tal-familji eterni.

It-testimonjanza tal-President Eyring kienet benedizzjoni xierqa għal dawk it-tliet ijiem verament speċjali.

Issa, tafu tistaqsu, ”Jekk il-maġġoranza ħassew l-istess ħaġa dwar il-prijorità u twemmin tal-familja, jekk dawk ir-reliġjonijiet kollha fl-essenza tagħhom qablu x’ għandu jkun iż-żwieġ, u jekk kollha kemm huma qablu fuq il-valur li għandu jingħata fuq ir-relazzjoni fid-dar u fil-familja, mela f’hix aħna differenti? Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem kif tiddistingwi lilha nfisha mill-kumplament tad-dinja?”

Hawn hi t-tweġiba: għalkemm kien xi ħaġa verament sabiħa li tara u tisma’ li għandna ħafna ħwejjeġ komuni mal-kumplament tad-dinja fejn jidħlu l-familji tagħna, aħna biss għandna l-perspettiva eterna tal-evanġelju rrestawrat.

Dak li joffri l-evanġelju rrestawrat għad-diskussjoni dwar iż-żwieġ u l-familja tant huma importanti u relevanti li ma nixbgħux nenfasizzawh: iż-żwieġ u l-familja għalina huma eterni. Aħna nieħdu l-impenn u s-santità taż-żwieġ fuq livell ogħla għaliex aħna nemmnu u nifhmu li l-familji jmorru lura sa qabel ma ġiet maħluqa din id-dinja u jibqgħu sejrin sal-eternità.

Din id-duttrina hija mgħallma b’ mod mill-aktar sempliċi, qawwi u sabiħ permezz tal-kliem ta’ Ruth Gardner għall-għanja tal-Primarja ”Il-Familji Jistgħu Jkunu Flimkien Għal Dejjem.” Ieqfu għal ftit u immaġinaw it-tfal tal-Primarja madwar id-dinja jkantaw dan il-kliem bil-lingwa nattiva tagħhom, b’ vuċi għolja, b’ entużjażmu li nistgħu nesperjenzawh biss permezz tal-imħabba tal-familja:

Il-Familji jistgħu jkunu flimkien għal dejjem

Permezz tal-pjan ta’ Missierna tas- Smewwiet.

Irrid li mal-familja tiegħi dejjem inkun,

U l-Mulej urieni kif dan jista’ jkun.3

It-teoloġija sħiħa tal-evanġelju rrestawrat għandha fil-qalba tagħha l-familji u l-patt ġdid u etern taż-żwieġ. Fil-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna nemmnu f’ ħajja primortali fejn aħna lkoll għexna letteralment bħala wlied spirti ta’ Alla Missierna tas-Smewwiet. Aħna nemmnu li aħna konna u għadna membri tal-familja Tiegħu.

Aħna nemmnu li r-rabtiet taż-żwieġ u l-familja jkomplu lil hinn mill-qabar—li żwiġijiet mwettqa minn dawk li għandhom l-awtorità xierqa fit-tempji Tiegħu jkomplu jibqgħu validi fid-dinja li jmiss. Iċ-ċerimonji tagħna taż-żwieġ jeliminaw il-kliem ”sakemm il-mewt tifridna” u minflok ngħidu, ”għal din il-ħajja u għall-eternità kollha.”

Aħna nemmnu wkoll li l-familji tradizzjonali u b’ saħħithom mhumiex biss il-unit bażika ta’ soċjetà stabbli, ekonomija stabbli u kultura ta’ valuri stabbli—iżda li huma wkoll il-units bażiċi tal-eternità u tas-saltna u l-gvern ta’ Alla.

Aħna nemmnu li l-organizzazzjoni u l-gvern tas-sema se jinbnew madwar il-familji u l-familji estiżi.

Huwa minħabba t-twemmin tagħna li ż-żwiġijiet u l-familji huma eterni li aħna, bħala knisja, irridu nkunu mexxejja u parteċipanti f’ movimenti madwar id-dinja sabiex insaħħuhom. Aħna nafu li mhumiex biss dawk li huma attivi f’ xi reliġjon li jaqsmu l-istess valuri u prijoritajiet tagħna ta’ żwiġijiet dejjiema u ta’ relazzjonijiet b’ saħħithom fil-familja. Numru kbir ta’ nies sekulari waslu fil-konklużjoni li ż-żwieġ b’ impenn u l-ħajja tal-familja huma l-aktar modi sensibbli, ekonomiċi, u li jġibulek l-hena fil-ħajja tiegħek.

Ħadd qatt ma ħareġ b’ mod aktar effiċjenti biex trabbi l-ġenerazzjoni li jmiss minn dar li fiha jkun hemm ġenituri miżżewġin bit-tfal.

Għaliex iż-żwieġ u l-familja huma daqshekk importanti—kullimkien? Is-sondaġġi dwar l-oppinjoni pubblika juru li ż-żwieġ għadu l-mod ta’ ħajja ideali u t-tama fost il-maġġoranza f’ kull grupp ta’ età—anke fost il-ġenerazzjoni tal-millenju, fejn nisimgħu ħafna dwar li tibqa’ single, dwar il-libertà personali u l-koabitazzjoni minflok iż-żwieġ. Il-fatt hu li l-maġġoranza kbira tan-nies fid-dinja xorta waħda jridu li jkollhom it-tfal u joħolqu familja.

La darba niżżewġu u la darba jkollna t-tfal, l-attribut simili fost l-umanità kollha jsir aktar evidenti. Bħala ”nies tal-familja”—ngħixu fejn ngħixu u hu x’inhu t-twemmin reliġjuż tagħna—aħna ngħaddu lkoll mill-istess taqbid, mill-istess tibdil u mill-istess tamiet, inkwiet u ħolm minħabba wliedna.

Kif qal il-kittieb ta’ rubrika fin-New York Times , David Brooks: ”In-nies ma jgħixux aħjar meta huma jingħataw il-libertà personali massima sabiex jagħmlu dak kollu li jridu. Huma jgħixu aħjar meta huma jkunu marbutin b’ ċerti impenni bi prijorità ogħla mill-għażla personali tagħhom—impenn lejn il-familja, lejn Alla, lejn l-impjieg u lejn pajjiżhom.”4

Il-problema hi li ħafna mill-midja u l-mod ta’ divertiment li toffri d-dinja ma jirriflettux il-prijoritajiet u l-valuri tal-maġġoranza. Għal xi raġuni, ħafna milli naraw u nisimgħu fuq it-televiżjoni, il-films, il-mużika u l-Internet jippreżentawlna kas klassiku tal-minoranza li tiġi ppreżentata bħallikieku hija l-maġġoranza. L-immoralità u l-amoralità, mill-vjolenza grafika għas-sess rikreattiv, jiġu murija bħala xi ħaġa normali u jistgħu jwasslu sabiex dawk li l-valuri tagħhom huma bħal tal-massa jibdew jħarsu lejna bħala antikwati jew li għadna ngħixu fil-passat. F’ dinja daqshekk iddominata mill-midja u l-Internet, qatt ma kien daqshekk diffiċli biex trabbi tfal responsabbli u żżomm iż-żwiġijiet u l-familji flimkien.

Minkejja dak li jissuġġerixxu bosta kumpaniji tal-midja u d-divertiment, madankollu, u minkejja li l-orjentazzjoni ta’ xi wħud li jiżżewġu u jkollhom familja qed tonqos verament, il-maġġoranza b’ saħħitha tal-bnedmin għadhom jemmnu li ż-żwieġ għandu jkun bejn raġel wieħed u mara waħda. Huwa jemmnu fil-fedeltà fiż-żwieġ, u jemmnu fil-wegħdi taż-żwieġ ”fil-mard u fis-saħħa” u ”sakemm il-mewt tifridna.”

Irridu kultant infakkru lilna nfusna, kif għamilt jiena f’ Ruma, dwar il-fatt li jirriassigurana u jfarraġna li ż-żwieġ u l-familja għadhom l-aspirazzjoni u l-ideal tal-maġġoranza tan-nies u li aħna ma ninsabux weħidna f’ dan it-twemmin. L-isfida qatt ma kienet akbar milli hi llum biex issib bilanċ prattiku bejn l-impjieg, il-familji u l-bżonnijiet personali tagħna. Bħala knisja, hemm bżonn nassistu f’ dak kollu li nistgħu biex noħolqu u nissapportjaw żwiġijiet u familji b’ saħħithom.

Għalhekk il-Knisja tipparteċipa b’ mod attiv u tipprovdi t-tmexxija ta’ diversi koalizzjonijiet u sforzi ekumeniċi biex tissaħħaħ il-familja. Għalhekk aħna naqsmu mal-midja u fil-midja soċjali l-valuri tagħna ffukati fuq il-familja. Għalhekk naqsmu r-reġistri tagħna ġeneoloġiċi u tal-familja estiża mal-ġnus kollha.

Irridu li l-vuċi tagħna tinstama’ kontra l-imitazzjoni u l-ħajja alternattiva li tipprova tieħu post l-organizzazzjoni tal-familja li Alla nnifsu waqqaf. Aħna wkoll irridu nsemmgħu leħinna billi nsostnu l-ferħ u s-sodisfazzjoni li jista’ jkollna permezz ta’ familja tradizzjonali. Għandna nkomplu nsemmgħu leħinna madwar id-dinja billi niddikjaraw għalfejn iż-żwieġ u l-familja huma daqstant importanti u għalfejn iż-żwieġ u l-familja se jibqgħu importanti.

Ħuti, fiċ-ċentru tal-evanġelju rrestawrat hemm iż-żwieġ u l-familja. Huwa wkoll dwar iż-żwieġ u l-familja fejn l-aktar li aħna naqblu ma’ reliġjonijiet oħra. Huwa madwar iż-żwieġ u l-familja fejn aħna nsibu l-attribut simili mal-kumplament tad-dinja. Huwa minħabba ż-żwieġ u l-familja li l-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għandha l-akbar opportunità biex tkun dawl fuq l-għolja.

Se nagħlaq billi nixhed (u disgħin sena ngħix f’ din id-dinja żgur jikkwalifikawni biex ngħid dan) li aktar ma nixjieħ aktar nirrealizza li l-familja hija ċ-ċentru tal-ħajja u hija l-aktar ħaġa importanti għall-hena eterna.

Jiena grat għal marti, għal uliedi u għan-neputijiet tiegħi, u għat-tfal tan-neputijiet, u għall-kuġini kollha u n-nisa u l-irġiel tagħhom u għall-membri tal-familja estiża tiegħi li għamluli ħajti verament sabiħa u, iva, sewwasew eterna. Dwar din il-verità eterna jiena nagħti x-xhieda qawwija u mill-aktar sagra tiegħi, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Il-Papa Franġisku, indirizz f’ Humanum: Konferenza Akkademika Interreliġjuża Internazzjonali dwar il-Komplementarjetà tal-Irġiel u n-Nisa, 17 ta’   Nov., 2014, humanum.it/en/videos; ara wkoll zenit.org/en/articles/pope-francis-address-at-opening-of-colloquium-on-complementarity-of-man-and-woman.

  2. Il-Papa Franġisku, Konferenza Akkademika dwar il-Komplementarjetà tal-Irġiel u n-Nisa.

  3. “Families Can Be Together Forever,” Hymns, no. 300.

  4. David Brooks, “The Age of Possibility,” New York Times, 16 ta’ Nov., 2012, A35, nytimes.com/2012/11/16/opinion/brooks-the-age-of-possibility.html.