2010-2019
Infittxu lill-Mulej
April 2015


Infittxu lill-Mulej

Hekk kif inkabbru l-għarfien tagħna tas-Salvatur, aħna jkollna xewqa akbar li ngħixu ferħanin u konvinzjoni li dan il-ferħ huwa possibbli.

Għeżież ħuti, huwa b’ ferħ kbir għalija li ninsab wieqaf hawn quddiemkom hekk kif qed nipparteċipaw flimkien f’ din il-konferenza ġenerali. Kienet verament barka enormi għalija u għal Sister Teixeira u għall-familja tagħna li flimkien aħna stajna nisimgħu l-kliem ta’ għerf, kunsill, faraġ u twissija li ngħata f’ bosta konferenzi ġenerali tul is-snin.

F’ dan iż-żmien speċjali tas-sena, speċjalment f’ dan il-jum ta’ Ħadd il-Għid, ma nistax ma nirriflettix fuq is-sinifikat tat-tagħlim tas-Salvatur u fuq l-eżempju kollu ħniena u mħabba Tiegħu f’ ħajti.

Għarfien akbar ta’ Ġesù Kristu jagħtina tama akbar għall-futur u, minkejja l-imperfezzjoni tagħna, kunfidenza akbar li niksbu l-għanijiet xierqa tagħna. Dan jagħtina wkoll xewqa akbar li nservu lil għajrna.

Il-Mulej qal, ”Fittxuni f’ kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux.”1 Li nfittxu lill-Mulej u nħossu l-preżenza Tiegħu hija xi ħaġa li għandna naħdmu fuqha kuljum, sforz mill-aktar xieraq.

Ħuti, illum aktar minn kull żmien ieħor, għandna għad-dispożizzjoni tagħna opportunitajiet u riżorsi eċċezzjonali li jsaħħulna l-għarfien tagħna tat-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu. Li aħna nużaw dawn ir-riżorsi b’ mod xieraq jgħinna ngħixu ħajja produttiva mimlija hena.

Fil-metafora li s-Salvatur ta dwar id-dielja u l-friegħi, Huwa qal: ”Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.”2

Aktar ma nifhmu l-irwol straordinarju ta’ Kristu f’ ħajjitna, aktar insiru konxji li l-għan tagħna hawn f’ din il-ħajja mortali hu li jkollna l-ferħ. Dan il-ferħ, madankollu, ma jeżentaniex milli nesperjenzaw ċerti sfidi u diffikultajiet, saħansitra xi wħud tant kbar u kumplessi li jafu jwassluna biex naħsbu li l-hena mhijiex possibbli f’ ċirkustanzi bħal dawn.

Jiena naf minn esperjenza personali li l-ferħ li nħossu meta ngħixu fis-sewwa u nibqgħu fi Kristu jkompli minkejja t-tribulazzjoni kollha li hija tant karatteristika tal-ħajja mortali. Ultimament, dawn it-tribulazzjonijiet spiss iqawwuna, issaffuna u jiggwidawna lejn għarfien akbar tal-għan tal-eżistenza tagħna fil-mortalità u tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Il-milja tal-ferħ, verament, nistgħu niksbuha biss permezz ta’ Ġesù Kristu.3

Huwa qal, ”Jiena d-dielja u intom il-friegħi: Min jibqa’ fija, u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott: għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.”4

Jiena nemmen li hekk kif inkabbru l-għarfien tagħna tas-Salvatur, aħna jkollna xewqa akbar li ngħixu ferħanin u konvinzjoni li dan il-ferħ huwa possibbli. Konsegwentament, aħna jkollna abbiltà akbar li ngħixu kuljum b’ entużjażmu akbar għall-ħajja u li nżommu l- kmandamenti ta’ Alla, anke f’ ċirkustanzi diffiċli.

Ejjew ma nħallux għal għada dak li nistgħu nagħmlu llum. Dan huwa l-mument li għandna nersqu lejn Kristu għaliex ”jekk nemmnu fih, aħna naħdmu sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu ’illum’.”5

Kuljum għandna nikkunsidraw li ninkludu f’ ħajjitna interazzjonijiet frekwenti mat-tagħlim ta’ Kristu. Ċerti għemejjel żgħar u sempliċi ta’ kuljum iwasslu biex:

  1. Inkabbru l-għarfien tagħna dwar is-sinifikat tal-Mulej f’ ħajjitna, u

  2. Jgħinuna naqsmu dan l-għarfien ma’ dawk li jiffurmaw parti mill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa, li żgur li jħossu l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, meta huma jaraw l-eżempju tagħna li qed ngħixu b’ sinċerità l-evanġelju.

Għalhekk x’inhi parti mill-imġieba sempliċi f’ dawn iż-żminijiet moderni li ssir bħal balzmu għal ruħna li ssaħħaħ it-testimonjanza tagħna ta’ Kristu u tal-missjoni Tiegħu?

Immaġni
Woman on a train with a cell phone illuminating her face.

Fl-2014, għall-kuntest tar-ritratti tan-National Geographic, intbagħtu aktar minn 9,200 sottomissjoni minn fotografi professjonali u nies entużjasti minn aktar minn 150 pajjiż differenti.  Ir-ritratt rebbieħ juri mara fiċ-ċentru ta’ ferrovija mimlija passiġieri. Id-dawl ġej mit-telefon ċellulari tagħha jidher jiddi fuq wiċċha. Hija qed twassal messaġġ ċar lill-passiġġieri l-oħra: minkejja li hija preżenti hemmhekk fiżikament, fil-verità ma tinsab hemm.6

L-informazzjoni fuq it-telefons ċelullari u n-netwerks soċjali bidlu b’ mod profond il-mod kif aħna nistgħu nkunu fid-dinja u kif nistgħu nikkomunikaw ma’ ħaddieħor.

F’ din l-era diġitali, aħna nistgħu f’ qasir żmien nieħdu lilna nfusna f’ postijiet u f’ attivitajiet li malajr jistgħu jbegħduna minn dak li hu essenzjali għal ħajja mimlija ferħ dejjiem.

Din il-ħajja li tinsab f’ kuntatt ma’ kollox u ma’ kullimkien tista’, jekk ma niggwidawhiex, twassal biex ir-relazzjonijiet ma’ nies li lanqas biss nafu jew li qatt ma ltaqjna magħhom jispiċċaw jiġu qabel in-nies li jgħixu magħna—l-istess familja tagħna!

Mill-banda l-oħra, aħna lkoll nafu kemm aħna mberkin minħabba l-għadd ta’ riżorsi eċċellenti onlajn, fosthom dawk żviluppati mill-Knisja, bħall-verżjonijiet tal-iskrittura mqaddsa li tista’ taqrahom jew inkella tismagħhom, ċerti produzzjonijiet viżivi dwar il-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, applikazzjonijiet biex inkunu nistgħu nirreġistraw l-istorja tal-familja, u opportunitajiet biex nisimgħu mużika ispirata.

L-għażliet u l-prijoritajiet kif aħna nqattgħu l-ħin tagħna onlajn huma mill-aktar deċiżivi. Huma jistgħu jiddeterminaw il-progress spiritwali tagħna u l-maturità tagħna fl-evanġelju u x-xewqa tagħna li nikkontribwixxu għal dinja aħjar u li ngħixu ħajja aktar produttiva.

Għal dawn ir-raġunijiet, illum nixtieq insemmi tliet drawwiet sempliċi li jistabbilixxu attività onlajn xierqa. Dawn id-drawwiet jiġġeneraw li kuljum aħna nirriflettu dwarna nfusna, ħaġa mill-aktar neċessarja biex aħna nersqu aktar viċin tat-tagħlim ta’ Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.

Drawwa Numru 1: Żuru s-Sit Uffiċjali tal-Knisja għar-Riżorsi

Li aħna nżuru ta’ spiss matul il-ġimgħa dawn ir-riżorsi jgħinna biex dejjem inkunu sensittivi għat-tagħlim tal-evanġelju u nħeġġu lill-familja u lill-ħbieb tagħna biex jaħsbu u jirriflettu dwar x’inhuma l-aktar ħwejjeġ importanti.

Drawwa Numru 2: Inkitbu fin-Netwerks Soċjali Uffiċjali tal-Knisja

Din l-għażla twassal fuq l-iskrin tagħkom dak il-kontenut li huwa essenzjali biex jespandi t-tfittxija tagħkom tal-Mulej u t-tagħlim Tiegħu, u jsaħħaħ ix-xewqa tagħkom li tifhmu l-evanġelju. Aktar importanti, dan jgħinkom biex tiftakru x’ jistenna Kristu minn kull wieħed u waħda minna.

L-istess kif ”m’hemmx ħamrija tajba mingħajr bidwi tajjeb,”7 bl-istess mod ma jkunx hemm ħsad tajjeb onlajn sakemm aħna ma nagħtux prijorità mill-bidu nett dwar x’ għandu jkun aċċessibli għal subgħajna u għal moħħna.

Drawwa Numru 3: Araw li Tiddedikaw Ħin li Fih Twarrbu fil-Ġenb it-Telefon Ċellulari

Hija ħaġa mill-aktar friskanti li nwarrbu għall-ftit it-telefon ċellulari u minflok inqallbu l-paġni tal-iskrittura jew niddedikaw ħin biex nitkellmu mal-membri tal-familja u l-ħbieb tagħna. Speċjalment f’ jum il-Mulej, esperjenzaw il-paċi li tħossu meta tieħdu sehem fil-laqgħa tas-sagrament mingħajr it-tentazzjoni kostanti li tridu taraw jekk irċevejtux xi messaġġ ġdid jew xi kumment ġdid.

Id-drawwa li għal xi ħin twarrbu t-telefon ċellulari twassal biex issebbaħ u tespandi l-panorama tal-ħajja, għaliex il-ħajja m’ għandniex nirristrinġuha biss għal skrin ta’ erba’ pulzieri (10 ċm).

Il-Mulej Ġesù Kristu qal, ”Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.”8 Alla jridna li jkollna l-ferħ u nħossu l-imħabba Tiegħu. Kristu jagħmilha possibli li aħna lkoll ikollna l-ferħ. Għandna l-mezzi biex inkunu nafuh aħjar u ngħixu l-evanġelju Tiegħu.

Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi magħkom dwar il-ferħ li jeżisti meta aħna nżommu l-kmandamenti, u dwar il-paċi u s-sigurtà li nħossu meta aħna nibqgħu fl-imħabba ta Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ibnu, is-Salvatur tagħna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.