Konferenza Ġenerali
Integrità: Kwalità Kristjana
konferenza ġenerali April 2024


Integrità: Kwalità Kristjana

Biex ngħixu ħajja ta’ integrità jeħtieġ minna li nkunu leali lejn Alla, lejn xulxin, u lejn l-identità divina tagħna.

Fl-aħħar sigħat tal-ministeru tiegħu, is-Salvatur mar fl-Għolja taż-Żebbuġ fi ġnien jissejjaħ Ġetsemani u stieden lid-dixxipli tiegħu biex jibqgħu jistennewh.1 Waqt li kien jinsab waħdu, Huwa talab lill-Missieru, “Jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi.”2 Hekk kif kien jinsab f’agunija, it-tbatija tiegħu wasslitu biex Hu “l-istess Alla, l-akbar wieħed fost kulħadd, jitriegħed minħabba l-uġigħ, u jxerred demmu mill-pori kollha tiegħu, … u ra jekk setax ma jixrobx mill-kalċi, u jitbiegħed minnu.”3 Madankollu fil-mument ta’ disprament li kien fih, is-Salvatur ma tbiegħedx minnu “iżda hu xorob u temm it-tħejjija tiegħu għal ulied il-bnedmin.”4

Bħala l-Iben il-Waħdieni tal-Missier, Ġesù Kristu kellu s-setgħa fuq il-mewt, fuq l-uġigħ, u t-tbatija iżda ma tbiegħedx minnhom. Huwa wettaq il-patt li Huwa għamel ma’ missieru u, għax għamel dan, wera kwalità Kristjana li aktar ma jkun aktar qed tkun importanti fid-dinja li ngħixu fiha—il-kwalità tal-integrità. Huwa baqa’ leali lejn Alla, lejn kull wieħed u waħda minna, u lejn l-identità divina tiegħu.

Integrità

Ġesù Kristu huwa Xempju ta’ dak li għandna nkunu. Biex ngħixu ħajja ta’ integrità jeħtieġ minna li nkunu leali lejn Alla, lejn xulxin, u lejn l-identità divina tagħna. L-integrità hija riżultat tal-ewwel kmandament kbir li nħobbu ’l Alla. Jekk tħobbu ’l Alla, intom leali lejh f’kull ħin. Intom tifhmu li jeżisti t-tajjeb u l-ħażin, u li teżisti l-verità assoluta—il-verità ta’ Alla. L-integrità tfisser li aħna ma nbaxxux l-istandards jew l-imġiba tagħna biex nimpressjonaw jew biex niġu aċċettati minn ħaddieħor.5 “Agħmel it-tajjeb” u “tibżax jiġri x’jiġri.”6 Reviżjonijiet ġodda fil-manwal missjunarju Preach My Gospel notevolment żiedu l-integrità bħaa kwalità Kristjana.7

Numru ta’ snin ilu, il-Presbiteru Uchtdorf ġie mqabbad jorganizza mill-ġdid il-pal tagħna. Waqt l-intervista tagħna, huwa staqsieni mistoqsija li bqajt niftakarha sal-lum: “Kien hemm xi ħaġa f’ħajtek li, jekk isir jaf biha l-pubbliku, timbarazza lilek jew lill-Knisja?” Sorpiż, moħħi beda jdur jipprova jiftakar dak kollu li għamilt f’ħajti, u jiftakar f’dawk il-mumenti meta seta’ jkun li jien inqast u għidt lili nnifsi, “Jekk ħaddieħor isir dak kollu li jien għamilt, xi jgħid dwari jew dwar il-Knisja?”

F’dak il-mument, ħsibt li l-Presbiteru Uchtdorf kien qed jistaqsini biss dwar id-denjità, iżda wara fhimt li l-mistoqsija kienet fil-fatt dwar l-integrità. Jiena kont leali lejn dak li kont nippriedka? Id-dinja kienet se tara li hemm ċerta konsistenza bejn kliemi u għemili? Ħaddieħor seta’ jara lil Alla fl-imġiba tiegħi?

Il-President Spencer W. Kimball għallem, “L-integrità” hija “ir-rieda u l-abbiltà tagħna li ngħixu skont it-twemmin u l-impenni tagħna.”8

Leali lejn Alla

Ħajja ta’ integrità teħtieġ li aħna l-ewwel u qabel kollox inkunu leali lejn Alla.

Mit-tfulija bikrija tagħna, aħna tgħallimna l-istorja ta’ Danjel fil-ħofra tal-iljuni. Danjel dejjem kien leali lejn Alla. Sħabtu mill-aktar għajjurin “bdew ifittxu xi skuża kontrih”9 u bagħtu digriet li jgħid li n-nies setgħu jitolbu biss lill-allat tagħhom. Danjel kien jaf bid-digriet iżda mar lura d-dar u—“bit-tieqa miftuħa”10—niżel għarkupptejh u talab tliet darbiet kuljum lil Alla ta’ Iżrael. B’riżultat ta’ dan, Danjel ġie mixħut fil-ħofra tal-iljuni. L-għada filgħodu, is-sultan sab li Alla tiegħu kien ħelsu lil Danjel u bagħat digriet ġdid li kien jgħid li kulħadd għandu jibża’ u jitriegħed quddiem Alla ta’ Danjel: għax hu Alla l-ħaj.”11

Is-sultan spiċċa għaraf lil Alla permezz tal-integrità ta’ Danjel. Ħaddieħor jagħraf lil Alla permezz tal-kliem u l-għemejjel— tagħna. Bħal Danjel, li nkunu leali lejn Alla jagħmilna aktar u aktar differenti mid-dinja.

Is-Salvatur iffakkarna, “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt lid-dinja.”12 Il-President Russell M. Nelson qalilna: “Li negħlbu d-dinja “ifisser li negħlbu t-tentazzjoni li jimpurtana aktar mill-ħwejjeġ ta’ din id-dinja milli mill-ħwejjeġ ta’ Alla. Ifisser li nafdaw fid-duttrina ta’ Kristu aktar milli fil-filosofiji tal-bnedmin.”13 Bl-istess mod, jeħtieġ li aħna nirreżistu t-tentazzjoni li nimxu “bil-mod tagħna u skont ix-xbieha ta’ alla nkunu ħloqna, li x-xbieha tiegħu hi x-xbieha tad-dinja.”14

Il-ġibda opposta ta’ din id-dinja hija l-parti essenzjali tal-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla. Kif aħna nirreaġixxu għall-ġibda hija l-essenza ta’ dak li aħna—doża tal-integrità tagħna. Il-ġibda tad-dinja taf tkun waħda daqstant diretta li teqred il-fedeltà fiż-żwieġ jew taf tkun waħda sottili bħalli nippostjaw kummenti anonimi li jikkritikaw id-duttrina jew il-kultura tal-Knisja. Li neżerċitaw l-integrità fl-għażliet tagħna hija espressjoni esterjuri ta’ impenn ġewwieni li lesti nimxu wara s-Salvatur Ġesù Kristu.

Leali lejn Ħaddieħor

L-istess kif l-integrità hija riżultat tal-ewwel kmandament kbir li nħobbu ’l Alla, li nkunu leali lejn xulxin hija riżultat tat-tieni, li nħobbu lil għajrna bħalna nfusna. Ħajja ta’ integrità mhijiex ħajja ta’ perfezzjoni; hija ħajja li fiha nagħmlu li nistgħu kull jum biex fuq kollox inkunu leali lejn Alla u f’dak il-kuntest inkunu leali lejn ħaddieħor. Il-President Oaks ifakkarna li “l-ħeġġa tagħna li nħarsu t-tieni kmandament m’għandhiex twassalna biex ninsew l-ewwel wieħed.”15

Id-dinja aktar ma tmur aktar qed tispiċċa titqabad mal-integrità billi timponi kodiċi ta’ kondotta u regoli etiċi li jiggvernaw ir-relazzjoni bejn in-nies u l-istituzzjonijiet. Filwaqt li huma tajbin, dawn ir-regoli ġeneralment mhumiex ankrati fil-verità assoluta u għandhom tendenza li jevolvu bbażata fuq x’inhu aċċettat kulturalment. Simili għall-mistoqsija li għamilli l-Presbiteru Uchtdorf, ċerti organizzazzjonijiet iħarrġu lill-impjegati tagħhom biex jikkunsidraw kif id-deċiżjonijiet jew il-proċess biex jieħdu d-deċiżjonijiet jista’ jidher jekk jiġu ppubblikati onlajn jew fuq il-faċċata ta’ xi gazzetta ewlenija. Hekk kif il-Knisja toħroġ mill-oskurità u mid-dalma,16 aħna, bħal Danjel, jeħtieġ li nelevaw ruħna ’il fuq mill-aspettattivi tad-dinja u nsiru l-wiċċ ta’ Alla veru u ħaj f’kull ħin u kullimkien17

Mhux biżżejjed li ngħidu li għandna l-integrità jekk għemilna ma jkunx konsistenti ma’ kliemna. Bl-istess mod, it-tjubija Kristjana mhijiex sostitut għall-integrità. Bħala nies tal-patt, u bħala mexxejja tal-Knisja tiegħu, jeħtieġ li nkunu nies li ħadd ma jsib xi jgħid fuqna u li nallenjaw ruħna mal-istandards li fassal il-Mulej.

Li naġixxu b’integrità jibni fina l-fidi u l-fiduċja u jassigura lil ħaddieħor li aħna nfittxu biss li nagħmlu r-rieda tal-Mulej. Fil-kunsilli tagħna, aħna nirreżistu l-influwenzi ta’ barra u nimxu wara l-proċess żvelat tal-Mulej li nfittxu l-ideat ta’ kull mara u raġel u naġixxu b’mod li hu konsistenti mal-parir ispirat li nirċievu.18

L-attenzjoni tagħna għandha tkun fuq is-Salvatur, u jeħtieġ biex bir-reqqa nevitaw affarijiet li ħaddieħor jaf iħares lejhom bħallikieku qegħdin jaqdu l-interessi tagħna, jibbenifikaw lill-familja tagħna, jew jiffavorixxu lil xi ħadd a skapitu ta’ xi ħadd ieħor. Jeħtieġ li nagħmlu minn kollox biex nevitaw xi perċezzjoni li għemilna jista’ jkun influwenzat mill-unuri tal-bnedmin,19 biex nirċievu xi rikonoxximent personali, niġġeneraw aktar ‘likes’, niġu kkwotati, jew ippubblikati.

Leali lejn l-Identità Divina Tagħna

Finalment, ħajja ta’ integrità teħtieġ minna li nkunu leali lejn l-identità divina tagħna.

Nafu xi wħud li mhumiex. Ta’ sinifikat partikolari huwa l-anti-Krist Koriħor, li mexxa għat-telfien il-qlub ta’ bosta, fejn spiċċa ħajjar “il-moħħ karnali” tagħhom.”20 Madankollu, fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, huwa stqarr, “Minn dejjem kont naf li kien hemm Alla.”21 Il-President Henry B. Eyring għallem li l-gideb “imur kontra n-natura tal-ispirti tagħna,”22 l-identità divina tagħna. Koriħor qarraq bih innifsu, u l-verità ma kenitx tinsab fih.23

B’kuntrast għal dan, il-Profeta Joseph Smith b’mod kunfidenti stqarr, “Jien kont naf dan, u kont naf li Alla kien jaf dan, u ma stajtx niċħdu.”24

Hyrum, ħu Joseph, kien maħbub mill-Mulej “minħabba l-integrità ta’ qalbu.”25 Hu u Joseph baqgħu leali sal-aħħar—leali lejn l-identità divina tagħhom, leali lejn id-dawl u l-għarfien li rċevew, u leali lejn il-persuna li kienu jafu li setgħu jkunu.

Konklużjoni

Jalla aħna nirrekonċiljaw irwieħna “għar-rieda ta’ Alla”26 u niżviluppaw il-kwalità Kristjana tal-integrità. Jalla aħna nimxu wara l-Eżemplar tagħna, is-Salvatur tad-dinja, u ma nibqgħux lura iżda ngħixu ħajja li hija leali lejn Alla, lejn xulxin, u lejn l-identità divina tagħna.

Kif qal Ġob, “Ħa jiżinni Alla b’miżien tajjeb, u jagħraf l-integrità tiegħi.”27 Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.