Konferenza Ġenerali
Ċempel, Ma Tmurx Taqa’
konferenza ġenerali April 2024


Ċempel, Ma Tmurx Taqa’

Jekk aħna nsejħu lil Alla, jiena nixhed li aħna żgur ma naqgħux.

Illum nixtieq nibda billi nixhed dwar iċ-ċertezza kbira li għandi f’qalbi li Alla jisma’ talbna u jweġibhom b’mod mill-aktar personalizzat.

F’dinja li għaddejja minn żminijiet mimlija inċertezza, uġigħ, diżappunt, u qsim il-qalb, aħna nafu nħossuna inklinati li niddependu aktar fuq l-abbiltajiet u l-preferenzi personali, kif ukoll fuq l-għarfien u s-sigurtà li tagħtina d-dinja. Dan jaf iwassalna biex inpoġġu fl-isfond is-sors vera tas-sokkors u l-għajnuna li jista’ jikkontrobatti l-isfidi ta’ din il-ħajja mortali.

Immaġni
Kamra ta’ sptar.

Niftakar darba meta kelli niddaħħal l-isptar minħabba marda, u kien diffiċli għalija li norqod. Meta tfejt id-dawl u l-kamra spiċċat fid-dlam, stajt nara kliem mixgħul mas-saqaf quddiemi li jgħid, “Ċempel, ma tmurx taqa’.” B’sorpriża għalija, l-għada erġajt osservajt l-istess messaġġ jirrepeti ruħu f’bosta nħawi tal-kamra.

Immaġni
Tabella li tgħid Ċemplu, jew sejħu, ma tmorrux taqgħu.

Għalfejn il-messaġġ kien daqstant importanti? Meta staqsejt lill-infermiera dwar dan, hija qaltli, “Dak huwa biex jipprevjeni xi waqgħa u tispiċċa muġugħ aktar milli int.”

Din il-ħajja, min-natura tagħha, iġġib magħha esperjenzi diffiċli, xi wħud huma inerenti għall-ġisem fiżiku tagħha, oħrajn għad-dgħufijiet jew għall-mard li jkollna, xi oħrajn riżultat ta’ kif oħrajn jużaw il-volontà tagħhom, u oħrajn għall-mod kif nużaw il-volontà tagħna.

Teżisti wegħda aktar qawwija minn dik li s-Salvatur innifsu għamel meta Huwa ddikjara, “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom”?1

It-talb huwa l-mezz ta’ komunikazzjoni ma’ Missierna fis-Smewwiet li jagħtina ċ-ċans li “nċemplu, ma mmorrux naqgħu.” Madankollu, hemm ċerti ċirkustanzi li fihom nafu naħsbu li t-telefonata tagħna ma semagħha ħadd għax ma nirċievu l-ebda tweġiba immedjata jew skont l-aspettattiva tagħna.

Dan xi kultant iwassal għal anzjetà, niket, jew diżappunt. Iżda ftakru fl-espressjoni ta’ fidi fil-Mulej li lissen Nefi meta qal, “Għalfejn mela ma jistax jurini kif għandi nibni ġifen?”2 Issa, nistaqsikom, għalfejn mela il-Mulej ma jistax jurikom x’għandkom tagħmlu biex ma taqgħux?

Li nkunu kunfidenti fit-tweġibiet li jagħtina Alla jimplika li naċċettaw li t-triqat tiegħu mhumiex dejjem it-triqat tagħna3 u li “kollox jiġi fis-seħħ fi żmienu.”4

Iċ-ċertezza li nkunu nafu li aħna wlied Missier fis-Smewwiet kollu mħabba u ħniena għandha timmotivana biex “inċemplu” permezz tat-talb devot b’attitudni ta’ “nitolbu dejjem, bla heda; … ħalli l-ħidma tagħna tkun għall-ġid ta’ ruħna.”5 Immaġinaw kif iħossu Missierna fis-Smewwiet meta f’kull talba li nitolbu aħna nagħmlu dan f’isem ibnu, Ġesù Kristu. Jien nemmen li aħna nkunu qed nuru ċerta qawwa u ħlewwa meta nagħmlu dan!

L-iskrittura mimlija eżempji ta’ dawk li sejħu lil Alla biex ma jaqgħux. Ħelaman u l-armata tiegħu, meta kienu qed iħabbtu wiċċhom mal-hemm, sejħu lil Alla, u fetħu qalbhom miegħu f’talbhom. Huma rċevew assigurazzjoni, paċi, fidi, u tama, u hekk kisbu kuraġġ u determinazzjoni sakemm fl-aħħar kisbu l-għan tagħhom.6

Immaġinaw kif Mosè seta’ sejjaħ u talab lil Alla meta sab lilu nnifsu bejn il-Baħar tal-Qasab min-naħa u l-Eġizzjani ġejjin biex jattakkawh min-naħa l-oħra, jew Abraham meta obda l-mandat biex jissagrifika lil Ibnu Iżakk.

Jiena ċert li lkoll kemm intom kellkom u se jkollkom esperjenzi meta li ċċemplu, jew issejħu, tkun l-unika tweġiba biex ma taqgħux.

Tletin sena ilu, meta jien u marti konna qed inħejju għaż-żwieġ ċivili tagħna u għaż-żwieġ tagħna fit-tempju, aħna rċevejna telefonata biex jgħidulna li ż-żwieġ ċivili tagħna ġie kkanċellat minħabba strajk. Aħna rċevejna din it-telefonata tlett ijiem qabel iċ-ċerimonja li kellna skedata. Wara li ppruvajna naraw nagħmlux xi appuntament ma’ uffiċċji oħra u ma sibna xejn disponibbli, aħna bdejna nitnikktu u niddubitaw kemm stajna niżżewġu kif kien ippjanat.

Jien u l-għarusa tiegħi “sejjaħna” lil Alla, billi ftaħna qalbna miegħu f’talbna. Finalment, xi ħadd qalilna dwar uffiċċju f’raħal żgħir fil-periferija tal-belt fejn is-sindku kien xi ħadd li konna nafuh. Mingħajr ma ħsibnieha xejn, morna niltaqgħu miegħu u staqsejnieh jekk kienx possibbli li jżewwiġna hu. B’ferħ għalina, hu qabel li jagħmel dan. Is-segretarja tiegħu enfasizzat magħna li kellna niksbu ċertifikat f’dak ir-raħal u neħdulhom id-dokumenti kollha qabel nofsinhar tal-għada.

L-għada, aħna morna f’dak il-raħal żgħir u bqajna sejrin fl-istazzjon tal-pulizija biex nitolbuhom id-dokument meħtieġ. B’sorpriża għalina, l-uffiċjal qal li ma setax jagħtihulna, għax f’dan ir-raħal kien hemm bosta koppji żgħażagħ li kienu qed jaħarbu mill-familji tagħhom biex jiżżewġu b’mod sigriet, li bla dubju ma kienx il-każ tagħna. Għal darb’oħra, erġajna mtlejna bil-biża’ u n-niket.

Niftakar li kont sejjaħt fis-skiet lil Missieri fis-Smewwiet biex ma mmorrux naqgħu. F’moħħi feġġ ħsieb mill-aktar ċar, li beda jgħidli ripetutament, “Rakkomandazzjoni tat-tempju, rakkomandazzjoni tat-tempju.” Jien dlonk ħriġt ir-rakkomandazzjoni tat-tempju u tajtha lill-uffiċjal, b’sorpriża kbira għall-għarusa tiegħi.

Kemm kienet sorpriża sabiħa meta smajna lill-uffiċjal jgħid, “Għalfejn m’għidtulix li intom membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien? Jien midħla sew tal-knisja tagħkom.” Huwa dlonk beda jħejji d-dokument. Aħna ssorprendejna ruħna aktar meta l-uffiċjal ħalla l-istazzjon mingħajr ma qal xejn aktar.

Għaddew ħamsin minuta u baqa’ ma ġiex lura. Kienu diġà nofsinhar nieqes ħamsa, u kellna biss sa nofsinhar biex nissottomettu l-karti tagħna. Fil-pront huwa tfaċċa quddiemna b’ġeru żgħir u qalilna li kien rigal tat-tieġ għalina u tahulna flimkien mad-dokument.

Aħna ġrejna lejn l-uffiċċju tas-sindku, bid-dokument tagħna u bil-kelb ġdid tagħna. Imbagħad rajna karozza uffiċjali riesqa lejna. Jien waqaft quddiemha. Il-karozza waqfet, u fiha rajna lis-segretarja. Hekk kif ratna qaltilna, “Jiddispjaċini, għidtilkom li sa nofsinhar. Issa se jkolli mmur fuq biċċa xogħol oħra.”

Jiena umiljajt lili nnifsi fis-skiet, sejjaħt b’qalbi kollha lil Missieri fis-Smewwiet, u tlabtu għal darb’oħra għall-għajnuna biex “ma naqgħux.” F’daqqa waħdaI, seħħ miraklu. Is-segretarja qaltilna, “Kemm għandkom kelb ħelu. Fejn nista’ nsib wieħed bħalu għat-tifel tiegħi?”

“Dan għalik” weġibtha fil-pront.

Is-segretarja ħarset lejna sorpriża u qalet, “Tajjeb, ejja mmorru fl-uffiċċju u nirranġaw kollox.”

Jumejn wara, jien u Carol iżżewwiġna b’mod ċivili, kif pjanat, u mbagħad ġejna ssiġillati fit-Tempju ta’ Lima, fil-Peru.

Bla dubju, jeħtieġ niftakru li li nsejħu hija kwistjoni ta’ fidi u azzjoni—fidi li nagħrfu li aħna għandna Missier fis-Smewwiet li jisma’ talbna skont l-għerf infinit tiegħu, u mbagħad, azzjoni konsistenti ma’ dak li tlabna għalih. It-talb—li nsejħu—jaf ikun sinjal tat-tama tagħna. Iżda li nieħdu azzjoni wara li nitolbu huwa sinjal li l-fidi tagħna hija reali—fidi li ġiet ippruvata f’mumenti ta’ wġigħ, biża’, jew diżappunt.

Nissuġġerixxi li intom tikkunsidraw dan li ġej:

  1. Aħsbu dejjem fil-Mulej bħala l-ewwel post fejn tmorru għall-għajnuna.

  2. Ċemplu, jew sejħu, ma tmorrux taqgħu. Duru lejn Alla fit-talb sinċier tagħkom.

  3. Wara li titolbu, agħmlu dak kollu li tistgħu biex tiksbu l-barkiet li tlabtu għalihom.

  4. Umiljaw lilkom infuskom biex taċċettaw it-tweġiba fil-ħin tiegħu u bil-mod tiegħu.

  5. Tiqfux! Ibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-patt sakemm tistennew it-tweġiba.

Jista’ jkun li bħalissa hawn xi ħadd li, minħabba ċ-ċirkustanzi, iħossu se jaqa’ u jixtieq isejjaħ b’qalbu kollha kif għamel Joseph Smith: “O Alla, fejn int? … Kemm se ddum tarani nsofri?”7

Anke f’ċirkustanzi bħal dawn, itolbu bi “spinta spiritwali” kif għallimna l-President Russell M.Nelson,8 għax talbkom dejjem jiġi mismugħ!

Ftakru din l-għanja:

Hekk kif inti qomt dalgħodu,

Ftakart int fit-talb?

F’isem is-Salvatur, Kristu,

Biex ibierkek inti tlabtu

Biex jipproteġik?

Veru t-talb jgħin lill-imġarrba!

’T-talb jibdel il-lejl fil-jum.

Meta l-ħajja tkun fid-dalma,

Qis li titlob tmur.9

Hekk kif aħna nitlobu, aħna nħossu t-tgħannieqa ta’ Missierna fis-Smewwiet, li bagħat lill-Iben il-Waħdieni tiegħu biex itaffilna t-tagħbija tagħna, għax jekk aħna nsejħu lil Alla, jiena nixhed li aħna żgur ma naqgħux. F’isem Ġesù Kristu, ammen.