Konferenza Ġenerali
Oppożizzjoni f’Kollox
konferenza ġenerali April 2024


Oppożizzjoni f’Kollox

Biex inkunu nistgħu neżerċitaw il-volontà tagħna, jeħtieġ li jkollna għażliet opposti x’nikkunsidraw.

M’ilux, waqt li konna qed insuqu f’belt li ma konniex nafuha, jiena bla ma ridt dort minn post żbaljat, u minħabba f’hekk jien u marti spiċċajna f’awtostrada ma tispiċċa qatt li minnha ma stajniex nerġgħu nduru. Aħna konna mistednin f’dar ta’ ħbieb tagħna u konna qed ninkwetaw li issa konna se naslu ferm aktar tard milli konna ppjanajna.

Meta konna f’din l-awtostrada u konna qed nippruvaw b’mod iddisprat noħorġu minnha, jiena bdejt nagħti tort lili nnifsi talli ma qgħadtx attent għas-sistema ta’ navigazzjoni. Din l-esperjenza wasslitni biex naħseb dwar kif f’ħajjitna xi kultant nieħdu deċiżjonijiet żbaljati u kif jeħtieġ li ngħixu bil-konsegwenzi b’umiltà u bis-sabar sakemm inkunu kapaċi nerġgħu naqbdu t-triq it-tajba.

Il-ħajja hija kkaratterizzata mill-għażliet li nagħmlu. Missierna fis-Smewwiet tana d-don divin tal-volontà sewwasew biex nitgħallmu mill-għażliet tagħna—minn dawk tajbin kif ukoll minn dawk ħżiena. Aħna nikkoreġu l-għażliet ħżiena meta aħna nindmu. Aħna nikbru b’dan il-mod. Il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet għalina lkoll huwa biex aħna nitgħallmu, niżviluppaw, u nimxu ’l quddiem lejn il-ħajja ta’ dejjem.

Minn dakinhar li jien u marti ġejna mgħallmin mill-missjunarji u ngħaqadna mal-Knisja, bosta snin ilu, jien minn dejjem impressjonani t-tagħlim profond li Leħi għadda lil ibnu Ġakobb fil-Ktieb ta’ Mormon. Huwa għallmu li “il-Mulej Alla ppermetta li l-bniedem kellu jaġixxi minn rajh”1 u li “jeħtieġ li jkun hemm oppożizzjoni f’kollox.”2 Biex inkunu nistgħu neżerċitaw il-volontà tagħna, jeħtieġ li jkollna għażliet opposti x’nikkunsidraw. Waqt li nagħmlu dan, il-Ktieb ta’ Mormon ifakkarna li aħna ġejna “mgħallmin biżżejjed”3 u li “l-Ispirtu ta’ Kristu”4 ngħata lil kull wieħed u waħda minna biex “nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin.”5

Fil-ħajja, aħna kontinwament nikkonfrontaw bosta għażliet importanti. Per eżempju:

  • Li nagħżlu jekk nimxux jew le wara l-kmandamenti ta’ Alla.

  • Li nagħżlu li jkollna l-fidi u nagħrfu meta jseħħu l-mirakli jew li nibqgħu nistennew b’mod xettiku biex tiġri xi ħaġa qabel nagħżlu li nemmnu.

  • Li nagħżlu li niżviluppaw il-fiduċja f’Alla jew li b’biża’ nantiċipaw xi sfida oħra li se niffaċċjaw l-għada.

Bħal meta dort minn post żbaljat f’dik l-awtostrada, li nbatu l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet xejn tajbin tagħna ħafna drabi taf tkun ħaġa diffiċli għaliex it-tort ikun tagħna. Madankollu, aħna nistgħu dejjem nagħżlu li nirċievu l-faraġ permezz tal-proċess divin tal-indiema, li nerġgħu nirranġaw dak li hu ħażin, u waqt li nagħmlu dan nitgħallmu xi lezzjonijiet li jwasslu għal bidla f’ħajjitna.

Xi kultant aħna nesperjenzaw ukoll oppożizzjoni u sfidi minn ħwejjeġ li m’għandniex kontroll fuqhom, bħal:

  • Mumenti ta’ saħħa u perjodi ta’ mard.

  • Żminijiet ta’ paċi u żminijiet ta’ gwerra.

  • Sigħat ta’ dawl u ta’ dlam, u staġuni tas-sajf u tax-xitwa.

  • Ħinijiet ta’ ħidma segwiti minn ħinijiet ta’ mistrieħ.

Għalkemm normalment ma nkunux nistgħu nagħżlu bejn dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet peress li jseħħu bla mistenni, aħna xorta waħda ħielsa li nagħżlu kif nirreaġixxu għalihom. Nistgħu nagħmlu dan b’attitudni pożittiva jew inkella pessimista. Nistgħu nfittxu li nitgħallmu mill-esperjenza u nitolbu għall-għajnuna u s-sapport tal-Mulej, jew nistgħu naħsbu li ninsabu weħidna f’din l-isfida u li se jkollna nbatu weħidna. Nistgħu “indawru l-qlugħ” għal din ir-realtà ġdida, jew nistgħu niddeċiedu li ma nibdlu xejn. Fid-dalma tal-lejl, aħna nistgħu nixegħlu d-dwal tagħna. Fil-kesħa tax-xitwa, għandna nagħżlu li nilbsu ħwejjeġ li jsaħħnu. Fi żmien il-mard, nistgħu nfittxu l-għajnuna medika u spiritwali. Aħna nagħżlu kif nirreaġixxu għal dawn iċ-ċirkustanzi.

Indawru, nitgħallmu, infittxu, nagħżlu huma kollha verbi ta’ azzjoni. Ftakru li aħna aġenti mhux oġġetti. Ejjew ma ninsew qatt li Ġesù wiegħed li “hu se jieħu fuqu l-uġigħ u l-mard tal-poplu tiegħu … ħalli jkun jista’ … jkun ta’ sokkors” jew jgħinna hekk kif induru lejh.6 Aħna nistgħu nagħżlu li nibnu l-pedament tagħna fuq il-blata li hu Ġesù Kristu, ħalli meta jiġu l-irwiefen “ma jkollhom l-ebda qawwa fuqna.”7 Huwa wiegħed li “kull min jersaq lejh lilu huwa jirċievi; u mberkin dawk li jersqu lejh.”8

Issa, hemm prinċipju ieħor li huwa mill-aktar importanti. Leħi qal li “jeħtieġ li jkun hemm … oppożizzjoni f’kollox.”9 Dan ifisser li l-opposti ma jeżistux mingħajr xulxin. Huma anke saħansitra jikkumplimentaw lil xulxin. Aħna ma nkunux kapaċi nidentifikaw l-hena jekk f’xi punt ma nkunux doqna wkoll in-niket. Li xi kultant inħossuna bil-ġuħ jgħinna biex inkunu speċjalment grati meta jkollna biżżejjed x’nieklu. Aħna ma nkunux kapaċi nidentifikaw il-verità jekk xi kultant ma nkunux esperjenzajna l-gideb.

Dawn l-opposti huma bħaż-żewġ naħat tal-istess munita. Iż-żewġ naħat huma dejjem preżenti. Charles Dickens tana eżempju ta’ din l-idea meta kiteb li “kien l-aqwa żmien, u kien l-agħar żmien.”10

Ippermettuli nagħtikom eżempju minn ħajti. Li żżewwiġna, iffurmajna familja, u kellna t-tfal ġabulna l-aktar mumenti ta’ hena li qatt esperjenzajna f’ħajjitna, iżda ġabulna wkoll l-aktar mumenti profondi ta’ wġigħ, diqa, u niket meta xi ħadd minna ġralu xi ħaġa. Il-kuntentizza u l-hena infinita flimkien ma’ wliedna xi kultant ġew segwiti minn perjodi rikurrenti ta’ mard, żmien l-isptar, u ljieli bla rqad mimlijin tbatija, filwaqt li sibna s-solliev fit-talb u l-barkiet tas-saċerdozju. Dawn l-esperjenzi kuntrastanti għallmuna li aħna qatt m’aħna weħidna f’mumenti ta’ tbatija, u wrewna wkoll kemm nifilħu nġorru bis-sokkors u l-għajnuna tal-Mulej. Dawn l-esperjenzi għenu biex jiffurmawna b’modi tal-għaġeb, u kollha kienu vallapena. Mhijiex din ir-raġuni għalfejn ġejna hawnhekk?

Fl-iskrittura nsibu wkoll xi eżempji interessanti:

  • Leħi għallem lil ibnu Ġakobb li t-tbatija li huwa bata fid-deżert għenitu jagħraf il-kobor ta’ Alla u li “Alla sejjer jikkonsagra l-hemm tiegħu għall-ġid tiegħu.”11

  • Fi żmien krudili li Joseph Smith għamel fiċ-Ċella ta’ Liberty, il-Mulej qallu li “dan kollu kellu jagħtih l-esperjenza, u se jkun għall-ġid tiegħu.”12

  • Finalment, is-sagrifiċċju infinit ta’ Ġesù Kristu kien bla dubju l-akbar eżempju ta’ wġigħ u tbatija li qatt deher, iżda dan ġab miegħu wkoll il-barkiet tal-għaġeb tal-Espjazzjoni tiegħu għall-ulied kollha ta’ Alla.

Fejn hemm id-dawl tax-xemx, jeħtieġ ikun hemm ukoll id-dell. L-għargħar iġib il-qerda, iżda ħafna drabi jġib ukoll il-ħajja. Id-dmugħ ta’ niket ħafna drabi jsir dmugħ ta’ solliev u ferħ. Is-sentimenti ta’ niket meta xi maħbubin imutu aktar tard jiġu kkompensati bl-hena li se nerġgħu niltaqgħu mill-ġdid. Fi żmien ta’ gwerra u qerda, iseħħu wkoll bosta għemejjel żgħar ta’ tjubija u mħabba lil dawk li għandhom “għajnejn biex jaraw, u widnejn biex jisimgħu.”13

Id-dinja tagħna llum ħafna drabi hi kkaratterizzata minn biża’ u anzjetà—biża’ dwar x’hemm għalina fil-ġejjieni. Iżda Ġesù għallimna biex nafdawh u “nħarsu lejh f’kull ħsieb; ma niddubitawx, ma nibżgħux.”14

Ejjew nagħmlu l-ħin kollu sforz minn jeddna biex naraw iż-żewġ naħat ta’ kull munita li niġu mogħtija f’ħajjitna. Minkejja li xi kultant mhux dejjem inkunu nistgħu naraw iż-żewġ naħat b’mod immedjat, nistgħu nagħrfu u nafdaw li huma jinsabu hemm dejjem.

Jeħtieġ inserrħu moħħna li d-diffikultajiet, in-niket, it-tbatija, u l-uġigħ tagħna ma jiddefinixxuniex; pjuttost huwa kif naġixxu dwarhom li jgħinna nikbru u nersqu aktar viċin Alla. Huma l-attitudni u l-għażliet tagħna li jiddefinixxuna ferm aħjar mill-isfidi tagħna.

Meta nkunu b’saħħitna, għandna ngħożżu kull mument u nkunu grati għalih. Meta nkunu morda, għandna nfittxu li bis-sabar nitgħallmu mill-mard tagħna u nagħrfu li kollox jista’ jerġa’ jinbidel skont ir-rieda ta’ Alla. Meta nkunu mnikktin, għandu jkollna l-fiduċja li mhux se ndumu biex nesperjenzaw il-ferħ; ħafna drabi ma nkunux għadna qed narawh. Tajjeb li kuxjenzjożament iddawru l-attenzjoni tagħkom u televaw ħsibijietkom lejn l-aspetti pożittivi tal-bidla, għaliex bla dubju huma dejjem ikunu hemm ukoll! Qatt tinsew turu l-gratitudni tagħkom. Agħżlu li temmnu. Agħżlu li jkollkom l-fidi f’Ġesù Kristu. Agħżlu li dejjem tafdaw f’Alla. Agħżlu li “taħsbu b’mod ċelestjali,” kif għallimna m’ilux il-President Russell M. Nelson!15

Ejjew dejjem niftakru fil-pjan meraviljuż li Missierna fis-Smewwiet fassal għalina. Huwa jħobbna u bagħat lil Ibnu l-Għażiż biex jgħinna fl-isfidi tagħna u jiftaħ għalina l-bieb biex nerġgħu lura għandu. Ġesù Kristu jgħix u jinsab hemm f’kull mument, jistenniena nagħżlu li nitolbuh biex jipprovdilna s-sokkors, il-qawwa, u s-salvazzjoni. Dwar dan kollu jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, ammen.