Konferenza Ġenerali
Il-Kliem Jagħmel Differenza
konferenza ġenerali April 2024


Il-Kliem Jagħmel Differenza

Il-kliem jindika attitudni. Jirriflettu il-ħsibijiet, is-sentimenti, u l-esperjenzi tagħna, fit-tajjeb u l-ħażin.

Ħuti u ħbieb tiegħi madwar id-dinja, inħossni onorat li qed nindirizza din il-konferenza tant kbira, fejn ħafna minnkom intom membri tal-Knisja tagħna u ħafna miinnkom intom ħbieb u semmiegħa ġodda ta’ din ix-xandira tal-konferenza. Merħba!

Il-messaġġi li se tisimgħu minn quddiem dan il-pulptu se jiġu mgħoddija lilkom permezz tal-kliem. Huma jiġu mogħtija bl-Ingliż u jiġu maqluba fi kważi 100 lingwa differenti. Iżda l-bażi hija dejjem l-istess. Il-kliem. U l-kliem jagħmel differenza kbira. Ippermettuli nerġa’ ngħid dan. Kliemna jagħmel differenza!

Huwa s-sisien ta’ kif nikkomunikaw; huma preżenti fit-twemmin, fil-morali u fil-perspettivi tagħna. Xi kultant ngħidu l-kliem; drabi oħra nisimgħuh. Il-kliem jindika attitudni. Jirriflettu il-ħsibijiet, is-sentimenti, u l-esperjenzi tagħna, fit-tajjeb u l-ħażin.

Sfortunatament, il-kliem jista’ jkun bla ħsieb, bl-għaġġla u jaf iweġġa’. Ladarba ngħiduh ma nistgħux nippretendu li m’għidniehx. Jista’ jweġġa’, jikkastiga, iċekken, u saħansitra jwassal għal għemejjel distruttivi. Jista’ jnikkitna.

Mill-banda l-oħra, il-kliem jista’ jiċċelebra xi rebħa, ikun ta’ tama u ta’ nkuraġġiment. Jista’ jwassalna biex naħsbuha mill-ġdid, nerġgħu nkomplu b’li konna qed nagħmlu, u ndawwru r-rotta. Il-kliem jista’ jiftaħ moħħna għall-verità.

Huwa għalhekk li, l-ewwel u qabel kollox, kliem il-Mulej jagħmel differenza.

Fil-Ktieb ta’ Mormon, il-profeta Alma u n-nies tiegħu fl-Amerka tal-qedem ħabbtu wiċċhom ma’ bosta gwerer ma’ dawk li ma tawx ħaż tal-kelma ta’ Alla, webbsu qalbhom, u nidlu l-kultura tagħhom. Il-fidili setgħu marru għall-ġlied, iżda Alma qalilhom: “U issa, peress li x-xandir tal-kelma kellu tendenza kbira li jwassal lin-nies biex jagħmlu dak li hu ġust—iva, li ħalla effett aktar qawwi fuq moħħ il-bniedem mix-xabla, jew minn xi ħaġa oħra, li huma esperjenzaw—għalhekk Alma ħaseb li kien jaqbel li huma jippruvaw il-virtù tal-kelma ta’ Alla.”1

Il-“kelma ta’ Alla” tiżboq kull espressjoni oħra. Ilha tagħmel dan sa mill-Ħolqien tad-dinja meta l-Mulej qal: “Ħa jkun id-dawl: u d-dawl sar.”2

Is-Salvatur tana din l-assigurazzjoni fit-Testment il-Ġdid: “Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.”3

Kif ukoll: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.”4

U Omm Ġesù, Marija, tat din it-testimonjanza umli: Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek.”5

Li nemmnu u nagħtu widen għall-kelma ta’ Alla jressaqna aktar viċin tiegħu. Il-President Russell M. Nelson wiegħed, “Jekk tistudjaw kliemu, l-abbiltà tagħkom li ssiru aktar bħalu tikber.”6

Aħna mhux ilkoll irridu nkunu, kif tgħid l-għanja, “aktar imbierka u qaddisa——aktar bħalek, O Salvatur”?7

F’moħħi jiġi t-tfajjel Joseph Smith għarrkupptejh jisma’ kliem Missieru fis-Smewwiet: “[Joseph,] Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!”8

Aħna “nisimgħuh” fil-kliem tal-iskrittura, iżda aħna sempliċiment inħalluhom jibqgħu fil-paġna, jew nagħrfu li Hu qed ikellimna? Iwassluna biex ninbidlu?

Aħna “nisimgħuh” fir-rivelazzjoni personali u fis-suġġerimenti mingħand l-Ispirtu s-Santu, fit-tweġibiet għal talbna, u f’dawk il-mumenti meta Ġesù Kristu biss, permezz tal-qawwa tal-Espjazzjoni tiegħu, jista’ jħaffef it-toqol tagħna, jaħfrilna u jagħtina l-paċi, u jħaddanna “fid-dirgħajn ta’ mħabbtu.”9

It-tieni, il-kliem tal-profeti jagħmel differenza.

Il-profeti jagħtu xhieda dwar id-divinità ta’ Ġesù Kristu. Huma jgħallmu l-evanġelju tiegħu u juru mħabbtu għalina lkoll.10 Jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi li l-profeta ħaj tagħna, il-President Russell M. Nelson, jisma’ u jitkellem il-kelma tal-Mulej.

Il-President Nelson kapaċi ħafna biex jitkellem. Huwa qal , “Komplu mexjin fit-triq tal-patt,”11 “Iġbru flimkien lil Iżrael,”12 “Ħallu lil Alla jiddomina,”13 “Ibnu pontijiet biex tkunu tistgħu tifthemu,”14 “Roddu ħajr,”15 “Kabbru l-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu,”16 “Ħudu ħsieb it-testimonjanza tagħkom,”17 u “Kunu nies li ġġibu l-paċi.”18

Aktar riċenti talabna biex “naraw li ħsibijietna jkunu ċelestjali.” “Meta intom tiffaċċjaw xi dilemma,” huwa qal, “araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Meta tiġu mġarrba araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Meta l-ħajja jew xi maħbubin tagħkom jiddiżappuntawkom, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Meta xi ħadd imut qabel iż-żmien, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali. …Meta l-pressjoni tal-ħajja tħossuha tgħejjikom, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! … Hekk kif taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali, qalbkom ftit ftit tibda tinbidel, … intom tibdew tħarsu lejn l-isfidi u l-oppożizzjoni minn dawl ġdid, … [u] l-fidi tagħkom tikber.”19

Meta ħsibijietna jkunu ċelestjali, naraw “il-ħwejjeġ kif inhuma u kif verament se jkunu.”20 F’din id-dinja mimlija konfużjoni u ġlied, aħna lkoll neħtieġu dik il-perspettiva.

Il-Presbiteru George Albert Smith, żmien twil qabel sar President tal-Knisja, tkellem dwa li għandna nsostnu lill-profeta u nisimgħu kliemu. Huwa qal: “L-obbligu li nagħmlu meta ngħollu jdejna … huwa wieħed mill-aktar sagru. … Ifisser … li aħna nieqfu warajh; nitolbu għalih; … u nagħmlu dak kollu li nistgħu li nwettqu dak li jgħidilna kif imexxih il-Mulej.”21 Fi kliem ieħor, aħna naġixxu b’diliġenza skont kliem il-profeta tagħna.

Bħala wieħed mill-15-il profeta, veġġent, u rivelatur li ġejna sostnuti lbieraħ mill-Knisja dinjija, irrid naqsam magħkom waħda mill-esperjenzi tiegħi dwar li nsostni l-profeta u nħaddan kliemu. Għalija kienet esperjenza bħalli kellu l-profeta Ġakobb, li qal, “Jiena smajt ukoll leħen il-Mulej ikellimni permezz ta’ kliemu.”22

Immaġni
Il-Presbiteru u Sister Rasband fit-Tajlandja.

Ottubru li għadd, jien u marti, Melanie, konna ninsabu Bangkok, it-Tajlandja, fejn kont qed inħejji biex niddedika dak li kien se jkun il-185 tempju tal-Knisja.23 Għalija, dan l-essajnment kien surreali u daħħalni wkoll f’qoxorti. Dan kien l-ewwel tempju fil-peniżola tal-Lbiċ tal-Asja.24 Kien iddisinjat b’sengħa kbira—struttura ta’ sitt sulari, b’disa’ spiri, “marbutin sewwa”25 biex ikun id-dar tal-Mulej. Kont ili xhur nikkontempla din id-dedikazzjoni. Dak li beda jikwi f’ruħi u f’moħħi kien li l-profeti u l-appostli kienu ilhom ibennu lil dan il-pajjiż u ’l dan it-tempju. Il-President Thomas S. Monson kien ħabbar dan it-tempju26 u l-President Nelson ħabbar id-dedikazzjoni.27

Immaġni
It-Tempju ta’ Bangkok, it-Tajlandja.

Jien kont ili xhur li ħejjejt it-talba dedikatorja. Dak il-kliem sagru ġie tradott fi 12-il lingwa. Aħna konna ninsabu lesti. Ta’ lanqas hekk ħsibt jien.

Il-lejla ta’ qabel id-dedikazzjoni jien stenbaħt mir-raqda bi ħsieb inkwetanti u urġenti dwar it-talba dedikatorja. Jiena ppruvajt inneħħi l-ħsieb minn moħħi, u bdejt ngħid lili nnifsi li t-talba kienet lesta. Iżda l-Ispirtu ma ħallenix kwiet. Ħassejt li kien hemm xi kliem nieqes, u bi pjan divin il-kliem feġġ f’moħħi f’rivelazzjoni, u jiena żidt dan il-kliem fl-aħħar tat-talba: “Jalla naħsbu dejjem b’mod ċelestjali, inħallu l-Ispirtu tiegħek jiddomina f’ħajjitna, u nagħmlu li tistgħu dejjem biex inġibu l-paċi.”28 Il-Mulej fakkarni biex nisma’ kliem il-profeta ħaj tagħna: “Araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali,” “ħallu l-Ispirtu jiddomina,” “agħmlu li tistgħu biex inġibu l-paċi.” Kliem il-profeta huwa importanti għall-Mulej u għalina.

It-tielet, u mill-aktar importanti, huwa kliemna. Emmnuni, fid-dinja tagħna mimlija imoġi,29 kliemna jagħmel differenza.

Kliemna jista’ jkun ta’ sapport, ta’ rabja, ta’ ferħ jew ta’ kattiverja, ta’ kompassjoni, jew injorat. Fis-saħna tal-mument, il-kliem jista’ jweġġa’, u jidħol bħal stallett fir-ruħ—u jibqa’ hemm. Kliemna fuq l-internet, il-messaġġi, fil-midja soċjali, jew fit-twijts ja jiġi interpretat b’mod differenti. Għalhekk attenti xi tgħidu u kif tgħiduh. Fil-familji tagħna, speċjalment fejn jidħlu l-irġiel, martna u wliedna, kliemna jista’ jressaqna lejn xulxin jew ibiegħdna minn xulxin.

Ippermettuli nissuġġerixxi tliet frażijiet sempliċi li nistgħu nużaw biex inneħħu n-niggieża mid-diffikultajiet u d-differenzi tagħna, nelevaw u nassiguraw lil xulxin:

“Grazzi.”

“Jiddispjaċini.”

U “nħobbok.”

Tħallux dawn il-frażijiet umli għal xi avveniment speċjali jew xi katastrofi. Użawhom ta’ spiss u b’sinċerità, għax juru li jimpurtana minn xulxin. Xi kultant il-kliem ma tantx ikun fih valur; ara li kliemkom ikun differenti.

Nistgħu ngħidu “grazzi” f’xi lift, fil-parkeġġ, fis-suq, fl-uffiċċju, fil-kju, jew mal-ġirien u l-ħbieb tagħna. Nistgħu ngħidu “jiddispjaċini” meta niżbaljaw, nimmissjaw xi laqgħa, ninsew għeluq snin xi ħadd, jew naraw lil xi ħadd muġugħ. Nistgħu ngħidu “inħobbok” u dak il-kliem iġorr miegħu il-messaġġ “Tinsab f’moħħi,” “Jimpurtani minnek,” “Ninsab hawn għalik,” jew “Inti kollox għalija.”

Ippermettuli naqsam magħkom eżempju personali. Intom l-irġiel miżżewġin, iftħu widnejkom. Intom is-sisters, dan se jkun ta’ għajnuna għalikom ukoll. Qabel ma ġejt imsejjaħ full-time fil-Knisja, jiena kont nivvjaġġa ħafna għall-kumpanija tiegħi. Kont nagħmel żmien twil f’postiijiet imbiegħda fid-dinja. Fi tmiem il-jum, irrispettivament fejn kont inkun, dejjem kont inċempel id-dar. Meta marti, Melanie, kienet taqbad it-telefon u jien kont nirrakkonta x’ġara dakinar, wara dejjem konna nispiċċaw nesprimu l-frażi “inħobbok.” Kull jum, dak il-kliem serva bħala ankra għal ruħi u għall-imġiba tiegħi; kien ta’ protezzjoni għalija mill-pjanijiet tal-ħażen. “Melanie, inħobbok” kienet tindika l-fiduċja prezzjuż ta’ bejnietna.

Il-President Thomas S. Monson kien jgħid, “Hemm saqajn x’insaħħu, idejn x’naħfnu, imħuħ x’ninkoraġġixxu, qlub x’nispiraw u erwieħ x’insalvaw.”30 Hekk inkunu qed nagħmlu meta ngħidu “grazzi,” “jiddispjaċini,” “inħobbok”.

Ħuti, il-kliem jagħmel differenza.

Inwegħidkom li jekk aħna “nmantnu lilna infusna permezz ta’ kliem Kristu”31 li jwassalna għas-salvazzjoni, kliem il-profeta tagħna li jiggwidana u jħeġġiġna, u l-istess kliemna li jirrifletti min aħna u x’inhu għażiż għalina, fuqna jissawbu l-qawwiet tas-smewwiet. “Kristu jgħidilkom dak kollu li għandkom tagħmlu.”32 Aħna wlied Missierna fis-Smewwiet u Hu Alla tagħna, u Hu jistenniena li nitkellmu “b’ilsien l-anġli”33 bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.34

Jiena nħobb lill-Mulej Ġesù Kristu. Skont kliem il-profeta Isaija, mit-Testment il-Qadim, Huwa “Kunsillier tal-Għaġeb, Alla Setgħan, Missier għal Dejjem, Prinċep tas-Sliem.”35 U l-Appostlu Ġwanni qalha b’mod ċar, li Ġesù Kristu nnifsu huwa l-Kelma.36

Dwar dan jiena nixhed bħala Appostlu msejjaħ għas-servizz divin tal-Mulej—biex inxandar kelmtu—u msejjaħ biex nieqaf bħala xhud speċjali tiegħu. F’ isem il-Mulej Ġesù Kistu, ammen.