Konferenza Ġenerali
Kollox għall-Ġid Tagħna
konferenza ġenerali April 2024


Kollox għall-Ġid Tagħna

Fiż-żmien u l-eternità, l-għan tal-Ħolqien u n-natura ta’ Alla nnifsu huma li jara li kollox iseħħ għall-ġid tagħna.

Illum huwa s-6 ta’ April, l-anniversarju ta’ meta Ġesù Kristu rrestawra l-Knisja tiegħu tal-aħħar żmien—u ninsabu f’parti mill-istaġun tal-Għid il-Kbir meta aħna b’ferħ nagħtu xhieda tal-ħajja perfetta, tas-sagrifiċċju espjatorju, u tal-Qawmien glorjuż ta’ Ġesù Kristu.

Storja Ċiniża tibda b’wieħed raġel li ibnu jsib żiemel sabiħ.

“Kemm hu ffortunat,” jgħidu l-ġirien.

“Issa naraw,” jgħid ir-raġel.

Imbagħad ibnu jaqa’ minn fuq iż-żiemel u jkorri b’mod permanenti.

“Kemm hu sfortunat,” jgħidu l-ġirien.

“Issa naraw,” jgħid ir-raġel.

Jiġu biex jingaġġaw in-nies mal-armata iżda lil ibnu li korra ma joħduħx.

“Kemm hu ffortunat,” jgħidu l-ġirien.

“Issa naraw,” jgħid ir-raġel.

Din id-dinja mill-aktar imprevedibbli spiss tħossha qed titqalleb mal-maltemp, inċerta, u xi kultant fortunata, u—bosta drabi—sfortunata. Madankollu, f’din id-dinja kollha hemm,1 “aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.”2 Fil-fatt, hekk kif aħna nimxu fis-sewwa u niftakru l-patti tagħna, “kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħna.”3

Kollox għall-ġid tagħna.

X’wegħda tal-għaġeb! Assigurazzjoni ta’ faraġ minn Alla nnifsu! B’mod mirakoluż, l-għan tal-Ħolqien u n-natura ta’ Alla huwa li nkunu nafu l-bidu u t-tmiem;4 biex iġibu fis-seħħ dak kollu li hu għall-ġid tagħna; u biex jgħinna nitqaddsu u nsiru qaddisa permezz tal-grazzja u l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tista’ teħlisna u tifdina mid-dnub. Iżda Ġesù Kristu intimament jifhem ukoll l-uġigħ, l-hemm, il-mard,5 in-niket, u l-firda li nesperjenzaw kuljum. Fiż-żmien u l-eternità, ir-rebħa tiegħu fuq il-mewt u l-infern jistgħu jsewwu dak kollu li mhux sewwa.6 Huwa jgħin ifejjaq lil min iħossu mkisser u dispreġġjat, jirrekonċilja fejn hemm l-għadab u l-firda, ifarraġ lil dawk li jinsabu weħidhom u iżolati, iħeġġeġ lil min hu inċert u imperfett, u jwettaq mirakli li huma possibbli biss ma’ Alla.

Aħna nkantaw hallelujah u ngħajtu hosanna! B’qawwa eterna u tjubija infinita, fil-pjan ta’ ferħ ta’ Alla, kollox se jiġi fis-seħħ għall-ġid tagħna. Aħna niffaċċjaw il-ħajja b’kunfidenza u ma nibżgħux.

Jekk nitħallew weħidna, nafu ma nagħrfux it-tajjeb tagħna. Meta “nagħżel lili” inkun qed nagħżel il-limitazzjonijiet, id-dgħufijiet, u l-inadegwatezzi tiegħi. Fl-aħħar mill-aħħar, biex nagħmlu aktar tajjeb, jeħtieġ inkunu tajbin.7 Peress li ħadd ħlief Alla mhu tajjeb,8 aħna nfittxu l-perfezzjoni f’Ġesù Kristu.9 Aħna nsiru l-aktar verżjoni vera u l-aqwa verżjoni tagħna nfusna biss meta ninżgħu minn fuqna l-bniedem naturali u nsiru bħat-tfal quddiem Alla.

B’fiduċja u fidi f’Alla, l-isfidi u l-hemm tagħna jistgħu jiġu kkonsagrati għall-ġid tagħna. Ġużeppi, mibjugħ fl-eżilju ġo l-Eġittu, aktar tard salva lill-familja u l-poplu tiegħu. Iż-żmien li l-Profeta Joseph Smith għamel fiċ-Ċella ta’ Liberty għallmu li “dawn il-ħwejjeġ kollha se jagħtuk esperjenza, u se jkunu għall-ġid tiegħek.”10 Jekk ngħixu bil-fidi, ċerti sfidi u sagrifiċċji li qatt ma nixtiequ ngħaddu minnhom jistgħu jbierku lilna u lil ħaddieħor b’modi li qatt ma mmaġinajna.11

Aħna nkabbru l-fidi u l-fiduċja fil-Mulej li kollox se jseħħ għall-aħjar tagħna hekk kif niksbu perspettiva eterna;12 nifhmu li l-isfidi tagħna jafu jkunu “biss għal żmien qasir”;13 nagħrfu li hemmna jista’ jiġi kkonsagrat għall-ġid tagħna;14 nagħrfu li l-aċċidenti, il-mewt meta ma nkunux qed nistennewha, u mard debilitanti huma parti mill-ħajja mortali; u nafdaw li Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba ma jħalliniex ngħaddu mill-isfidi biex jikkastigana jew biex jagħmel ħaqq minna. Hu ma jagħtix ġebla lil min jitolbu l-ħobż, u lanqas jagħti serp lil min jitolbu ħuta.15

Meta nħabbtu wiċċna mal-isfidi, ħafna drabi dak li nkunu rridu hu li xi ħadd jismagħna u jkun magħna.16 F’dak il-mument, ċerti tweġibiet li tismagħhom spiss jafu ma jkunux ta’ għajnuna, minkejja li l-intenzjoni taf tkun li tfarraġ. Xi kultant aħna nkunu nixtiequ lil xi ħadd li jitnikket, jikrob u jibki magħna; li jħallina nesprimu l-uġigħ, il-frustrazzjoni, u xi kultant saħansitra anke l-għadab li nħossu; u jiftaħ qalbu magħna dwar ħwejjeġ li ma nafux.

Meta nafdaw f’Alla u fl-imħabba tiegħu għalina, anke l-akbar qsim il-qalb jista’ fl-aħħar mill-aħħar ikun għall-aħjar tagħna.

Niftakar fil-jum li fih kont ġejt mgħarraf b’aċċident serju bil-karozza li fih kien hemm il-maħbubin tiegħi. F’mumenti bħal dawn, b’diqa u fidi, nistgħu biss ntennu flimkien ma’ Ġob, “Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej.”17

Madwar din il-Knisja dinjija, madwar 3,500 pal u distrett u xi 30,000 qasam u fergħa jipprovdu refuġju u kenn.18 Iżda fil-pali u l-oqsma tagħna, bosta familji u individwi fidili jiffaċċjaw bosta sfidi diffiċli, anke waqt li jkunu jafu (mingħajr ma għadhom jafu kif) li kollox se jseħħ għall-ġid tagħna.

F’Huddersfield, l-Ingilterra, Brother Samuel Bridgstock sabulu li għandu kanċer tar-raba’ grad ftit qabel ma ġie msejjaħ bħala l-president il-ġdid tal-pal. Meta kkunsidra d-dijanjosi xejn sabiħa tiegħu, huwa staqsa lil martu, Anna, jekk kienx vallapena li jkun għall-intervisa.

“Għaliex,” qalet Sister Bridgstock, “inti se tiġi msejjaħ bħala president tal-pal.”

Immaġni
Il-familja Bridgstock.

Il-President Bridgstock (li jinsab hawn illum) li għall-ewwel ingħata minn sena sa sentejn ħajja, issa jinsab fir-raba’ sena ta’ servizz tiegħu. Huwa jkollu jiem tajbin u jiem diffiċli. Il-pal tiegħu huwa kkaraterizzat minn doża dejjem tikber ta’ fidi, servizz, u tjubija. Mhijiex ħaġa faċli, iżda martu u l-familja tiegħu jgħixu bil-fidi, bil-gratitudni, u b’sens ta’ niket li huma jagħrfu li se jinbidel f’hena eterna permezz tal-Espjazzjoni li tirrestawra ta’ Ġesù Kristu.19

Meta aħna nkunu kalmi, onesti, u riverenti, aħna nistgħu nħossu s-sbuħija, ir-riżoluzzjoni, u s-serenità tal-appartenenza tal-patt li joffrilna l-Mulej. F’mumenti sagri, Huwa jaf iħallina nagħtu ħarsa lejn ir-realtà eterna akbar li l-ħajja tagħna ta’ kuljum hi parti minnha, fejn ħwejjeġ żgħar u sempliċi jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ min jagħti u min jirċievi.

Rebekah, bint l-ewwel president tal-missjoni tiegħi, tkellmet kif il-Mulej wieġeb it-talba tagħha għall-faraġ permezz ta’ opportunità mhux mistennija biex jisma’ t-talba ta’ xi ħadd ieħor.

Immaġni
Rebekha tat lil din il-mara l-magna tal-ossiġnu ta’ ommha.

Lejla waħda, Rebekha, li kienet qed tibki lil ommha li kienet għadha kemm mietet, ġiha ħsieb ċar li kellha tmur tixtri l-petrol għall-karozza tagħha. Meta hija waslet fil-pompa, hija ltaqgħet ma’ mara anzjana li bdiet tieħu n-nifs b’diffikultà permezz ta’ kontenitur kbir bl-ossiġnu. Aktar tard, Rebekah setgħet tagħti lil din il-mara l-magna tal-ossiġnu, li tista’ ġġorrha miegħek, ta’ ommha. Din l-oħt qalet bi gratitudni, “Inti tajtni lura l-ħelsien tiegħi.” Kollox jaħdem għall-ġid tagħna meta aħna naqdu lil xulxin kif kieku jagħmel Ġesù Kristu.

Wieħed missier li kien assenjat bħala kollegi tal-ministeru ma’ ibnu ta’ età ta’ għalliem spjega: “Il-ministeru hu meta minn ġirien li jwasslu l-gallettini nsiru ħbieb ta’ min jafdahom, nies tal-ewwel għajnuna spiritwali.” L-appartenenza tal-patt f’Ġesù Kristu tfarraġ, tgħaqqad, u tikkonsagra.

Anke f’mument ta’ traġedja, it-tħejjija spiritwali tista’ tfakkarna li Missier fis-Smewwiet kien jaf meta aħna ħassejniena l-aktar vulnerabbli u weħidna. Per eżempju, familja li t-tifel tagħhom ittieħed l-isptar aktar tard sabu l-faraġ meta ftakru li l-Ispirtu s-Santu kien qalilhom minn qabel x’kellhom jistennew.

Xi kultant l-akbar realtà eterna li l-Mulej jippermettilna li nħossu tinkludi l-familja lil hinn mill-velu. Waħda oħt sabet l-hena fil-konverżjoni tagħha għall-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Madankollu ħajtha ġiet effetwata bil-kbir minn żewġ trawmas—meta rat aċċident bid-dgħajsa u meta tilfet traġikament lil ommha, li neħħiet ħajjitha.

Immaġni
Din l-oħt għelbet il-biża’ tagħha u tgħammdet.

Madankollu din l-oħt għelbet il-biża’ tagħha tal-ilma li waslet biex tgħammdet b’immersjoni. U f’dak li spiċċa bħala jum ta’ ferħ kbir, hija rat b’għajnejha lil xi ħadd li beda jaġixxi bħala prokuratur għall-mejta ommha jitgħammed fit-tempju. “Il-magħmudija tat-tempju fejqet lil ommi, u ħelset lili,” qalet din l-oħt. “Kienet l-ewwel darba li jien ħassejt il-paċi mill-mewt t’ommi.”

Il-mużika sagra tagħna tenfasizza l-assigurazzjoni tiegħu li kollox se jseħħ għall-ġid tagħna.

Ruħi iskot: Ħalli f’idejn Alla tiegħek

Biex jiggwida l-ġejjieni kif għamel fil-passat.

Tħallix it-tama u l-kunfidenza tiegħek tonqos;

Kull ħaġa misterjuża xi darba se toħroġ fil-beraħ.20

O Qaddisin, tibżgħux minn dan il-vjaġġ;

Ejjew nimxu bil-ferħ.

Għalkemm diffiċli, agħmlu l-kuraġġ,

Alla jagħtikom is-serħ. …

Jekk tiġi l-mewt qabel jintemm il-vjaġġ,

X’jum ta’ ferħ! Kollox sew!21

Il-Ktieb ta’ Mormon huwa evidenza li nistgħu nżommu f’idejna li Ġesù hu l-Kristu u Alla jġib fis-seħħ il-profeziji tiegħu. Miktub minn profeti spirati li raw żmienna, il-Ktieb ta’ Mormon jibda bi drama żgur mhux unika—familja li qed tħabbat wiċċha ma’ ċerti differenzi sinifikanti. Madankollu, hekk kif aħna nistudjaw u nixtarru 1 Nefi 1 sa Moroni 10, aħna nersqu viċin Ġesù Kristu b’testimonjanza ferma li dak li ġara dak iż-żmien jista’ jberikna bħalissa.

Hekk kif il-Mulej permezz tal-profeta ħaj tiegħu jwassal aktar djar tal-Mulej viċin tagħna f’aktar postijiet, il-barkiet tat-tempju qed jaħdmu flimkien għall-ġid tagħna. Aħna nersqu permezz tal-patt u l-ordinanza quddiem Alla Missierna u Ġesù Kristu u niksbu perspettiva eterna dwar il-mortalità. Waħda wara l-oħra, isem wara isem, aħna nkunu qed noffru lill-membri tal-familja għeżież tagħna—l-antenati—ordinanzi sagri u barkiet tal-patt bil-mod tal-Mulej bħala salvaturi fuq il-Muntanja ta’ Sijon.22

Hekk kif it-tempji qegħdin jersqu aktar viċin tagħna f’bosta postijiet, sagrifiċċju tat-tempju li nistgħu noffru huwa li b’aktar frekwenza nfittxu l-qdusija fid-dar tal-Mulej. Għal bosta snin, aħna faddalna, ippjanajna, u ssagrifikajna biex immorru t-tempju. Illum, jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, jekk jogħġobkom ersqu lejn il-Mulej aktar ta’ spiss fid-dar imqaddsa tiegħu. Ħallu l-qima u s-servizz regolari fit-tempju jbierku, jipproteġu, u jispiraw lilkom u lill-familja tagħkom—il-familja li għandkom jew il-familja li xi darba se jkollkom u li se ssiru.

Immaġni
Nanna barra t-tempju.

Fejn iċ-ċirkustanzi tagħkom jippermettu, jekk jogħġobkom ikkunsidraw ukoll il-barka li jkollkom l-ilbies tagħkom tat-tempju.23 Waħda nanna minn familja umli qalet li fost il-ħwejjeġ kollha fid-dinja l-aktar ħaġa li riedet kienet li jkollha l-ilbies tagħha tat-tempju. In-neputi tagħha qal, “In-nanna qaltli, ‘jiena se nservi b’ilbies tat-tempju li huwa tiegħi, u wara li mmut, inkun nista’ nindifen fih.’” U meta wasal iż-żmien, hekk għamlet.

Kif jgħallem il-President Russell M. Nelson, “Kull ħaġa li nemmnu fiha u kull wegħda li Alla għamel lill-poplu tiegħu tal-patt jiltaqgħu flimkien fit-tempju.”24

Fiż-żmien u l-eternità, l-għan tal-Ħolqien u n-natura ta’ Alla nnifsu huma li jara li kollox iseħħ għall-ġid tagħna.

Dan hu l-għan etern tal-Mulej. Din hija l-perspettiva eterna tiegħu. Din hija l-wegħda eterna tiegħu.

Meta l-ħajja hi waħda kaotika, u l-għan tagħha mhuwiex ċar, meta tridu tgħixu ħajja aħjar iżda ma tafux kif, jekk jogħġobkom ersqu lejn Alla Missierna u Ġesù Kristu. Afdaw li Huma jgħixu, u jridu kollox għall-ġid tagħkom. Jiena nixhed li Huma jħobbukom u jixtiequlkom il-ġid, infinit u etern, fl-isem sagru u mqaddes ta’ Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara Ġwanni 16:33.

  2. Rumani 8:28.

  3. Doctrine and Covenants 90:24. Il-frażi popolari “Kollox sew” ħafna drabi timplika li kollox huwa sewwa u f’ordni, mingħajr ma neċessarjament nfissru li kollox hu fil-fatt għall-aħjar tagħna.

  4. Ara Moses 1:3.

  5. Ara Alma 7:11.

  6. Ara 2 Nefi 9:10–12. Alla jirrispetta l-volontà morali, xi kultant jippermetti saħansitra l-għemejjel xejn tajba ta’ ħaddieħor jeffettwawna. Iżda hekk kif aħna minn jeddna nfittxu li nagħmlu dak kollu li nistgħu, il-grazzja u l-qawwa abilitanti u espjatorja ta’ Ġesù Kristu jistgħu jnaddfuna, ifejquna, jipproteġuna, u jirrekonċiljawna magħna nfusna u ma’ xulxin, fuq iż-żewġ naħat tal-velu.

  7. Ara Moroni 7:6, 10–12. Il-Professur Terry Warner jikteb b’mod perċettiv dwar dan is-suġġett.

  8. Ara Rumani 3:10; Moroni 10:25.

  9. Ara Moroni 10:32.

  10. Ara Doctrine and Covenants 122:4, 7.

  11. Aħna nitgħallmu permezz ta’ esperjenzi li kieku żgur ma nagħżluhomx. Xi kultant li nġorru t-tagħbija bl-għajnuna tal-Mulej tista’ tgħin tkabbar il-kapaċita tagħna li nġorru dik it-tagħbija; Mosija 24:10–15 turina l-wegħda tal-Mulej li “inżur lill-poplu tiegħi f’hemmu” u li “nqawwihom li jistgħu jġorru t-tagħbija tagħhom.” Alma 33:23 jgħallem li “Alla jħaffef it-toqol tagħna, permezz tal-hena ta’ Ibnu.” Mosija 18:8 tfakkarna li meta aħna nkunu “lesti li nġorru t-tagħbija ta’ xulxin … biex tkun ħafifa.”

  12. Il-profeta Isaija jitkellem dwar il-Messija: “L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura, … biex inferraħ lil dawk li jibku f’Sijon, nagħtihom kuruna flok irmied, żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu, l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa” (Isaija 61:1–3). Bl-istess mod, is-salmista joffri l-perspettiva mwiegħda tal-Mulej: “Filgħaxija jidħol il-biki, filgħodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ” (Salm 30:5). Din tinkludi l-wegħdiet glorjużi għall-ġusti fl-għodwa tal-Ewwel qawmien.

  13. Doctrine and Covenants 122:4. Li nemmnu li l-isfidi tagħna jistgħu jkunu dak li fl-eternità jaf jidher bħala “mument żgħir” ma jfissirx li nnaqqsu jew nagħmlu anqas diffiċli l-uġigħ jew it-tbatija li nafu nesperjenzaw jum wara jum f’din il-ħajja, l-iljieli bla rqad, jew l-inċertezzi dolorużi ta’ kull jum ġdid. Il-wegħda li nkunu kapaċi nħarsu lura u naraw it-tbatija mortali tagħna fid-dawl tal-kompassjoni u l-perspettiva eterna ta’ Alla jista’ forsi jgħinna fil-perspettiva tagħna tal-għarfien tagħna tal-mortalità u tat-tama tagħna li nissapportu b’fidi u nafdaw fih sal-aħħar. Meta jkollna għajnejn biex naraw, ħafna drabi naslu biex naraw ukoll it-tajjeb li hawn bħalissa; m’hemmx għalfejn noqogħdu nistennew għal żmien futur biex naraw it-tajjeb.

  14. Ara 2 Nefi 2:2.

  15. Ara Mattew 7:9–10. Li nħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna ma jfissirx li naċċettaw b’mod passiv dak kollu li jiġi quddiemna. Dan ifisser li aħna b’mod attiv nemmnu li Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, dejjem iridu biss dak li hua għal-ġid tagħna. Meta niffaċċjaw xi traġedja, nistgħu nistaqsu b’fidi, mhux “Għalfejn jien?” iżda “X’nista’ nitgħallem?” Hekk kif aħna nibku b’qalb maqsuma u spirtu niedem, fil-ħin u bil-mod tiegħu, il-barkiet u l-opportunitajiet li jikkompensaw żgur li jaslu.

  16. Aħna għamilna patt li sejrin nibku ma’ dawk li jibku u nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ (ara Mosija 18:9).

  17. Ġob 1:21.

  18. Ara Doctrine and Covenants 115:6.

  19. Il-fidi meta nħabbtu wiċċna mad-diffikultà hija l-oppost tad-diqa u d-disprament li l-Ktieb ta’ Mormon jiddeskrivi li jħossu dawk li “jisħtu lil Alla, u juru x-xewqa li jmutu,” iżda li “madankollu … jibdew jitqabdu għal ħajjithom bix-xabla” (Mormon 2:14).

  20. “Be Still, My Soul,” Hymns, no. 124.

  21. “O Qaddisin,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 2. Ikkunsidra wkoll:

    Ferm kbira l-imħabba u kbir wisq hu l-għerf. …

    Biex jifdina lkoll għamel dan,

    L-imħabba, il-ġustizzja, il-ħniena flimkien

    Jingħaqdu b’ għan wieħed divin!

    (“Ferm Kbira l-Imħabba u Kbir Wisq hu l-Għerf,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, paġna 19.)

    Fost l-inċertezzi tal-ħajja, nafu li l-pjan kbir tal-fidwa se jġib flimkien il-ġustizzja, l-imħabba, u l-ħniena għall-ġid tagħna.

  22. Ara Għabdija 1:21. Il-Profeta Joseph Smith għallem: “Kif huma [l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien] jistgħu jsiru salvaturi fuq il-Muntanja ta’ Sijon? Billi jibnu t-tempji u l-fonti tal-magħmudija tagħhom, u jmorru u jirċievu l-ordinanzi kollha … f’isem il-proġenituri mejtin tagħhom” (Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 473).

  23. Il-membri li jattendu t-tempju għall-ewwel darba jistgħu jixtru l-ilbies tagħhom tat-tempju bi prezz imraħħas mhux ħażin.

  24. Russell M. Nelson, “It-Tempju u l-Pedament Spiritwali Tagħkom,” Liahona, Nov. 2021, 94.