Konferenza Ġenerali
Qlubna Minsuġin Flimkien
konferenza ġenerali April 2021


Qlubna Minsuġin Flimkien

Hekk kif tilħqu lil ħaddieħor b’ġentilezza, b’imħabba, u b’kompassjoni, inwegħidkom li intom tkunu qed tgħinu lil min hu batut u tfejqu l-qlub.

Introduzzjoni

Mhijiex ħaġa affaxxinanti li ċerti skoperti xjentifiċi sinifikanti kultant jiġu ispirati minn avvenimenti sempliċi bħal tuffieħa li taqa’ minn siġra?

Illum, ippermettuli naqsam magħkom skoperta li ġrat minħabba kampjun ta’ grupp ta’ fniek.

Fis-sebgħinijiet, kien hemm riċerkaturi li għamlu esperiment biex jeżaminaw l-effetti tad-dieta fuq is-saħħa tal-qalb. Fuq medda ta’ diversi xhur, huma temgħu grupp ikkontrollat ta’ fniek b’dieta għolja fix-xaħam u mmonitorjawlhom il-pressjoni tad-demm, ir-rata tal-qalb, u l-kolesterol tagħhom.

Kif kien mistenni, ħafna mill-fniek urew akkumulazzjoni ta’ depożiti ta’ xaħam fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-arterji tagħhom. Iżda dan mhux kollox! Ir-riċerkaturi skoprew xi ħaġa li ftit kienet tagħmel sens. Minkejja li l-fniek kollha kellhom akkumulazzjoni ta’ depożiti ta’ xaħam, grupp minnhom b’mod sorprendenti kellu sa 60 fil-mija anqas mill-oħrajn. Deher bħallikieku kienu qed iħarsu lejn żewġ gruppi differenti ta’ fniek.

Għax-xjenzati, riżultati bħal dawn jistgħu jirvinawlhom iljieli sħaħ ta’ rqad. Kif jista’ jkun dan? Il-fniek kienu kollha tal-istess razza minn New Zealand, fejn prattikament kellhom l-istess ġeni. Kull wieħed minnhom irċieva l-istess ammont mill-istess ikel.

Dan x’kien ifisser?

Dawn ir-riżultati invalidaw l-istudju li għamlu? Forsi kien hemm xi difetti fit-tfassil tal-esperiment?

Ix-xjenzati tgħidx kemm għaddew ħin jippruvaw jifhmu dan ir-riżultat mhux mistenni!

Eventwalment, l-attenzjoni tagħhom daret fuq l-istaff tar-riċerka. Kien possibbli li r-riċerkaturi għamlu xi ħaġa biex jinfluwenzaw ir-riżultati? Huma u jiflu dik il-possibbiltà, skoprew li kull fenek b’anqas depożiti ta’ xaħam kienet qed tieħu ħsiebu l-istess riċerkatriċi. Din ir-riċerkatriċi temgħet il-fniek l-istess ikel bħall-oħrajn kollha. Iżda, kif irrapporta wieħed mix-xjenzati, “kienet persuna mill-aktar twajba u taf tħobb.” Meta kienet titma’ lill-fniek, “kienet toqgħod tkellimhom, u żżiegħel bihom. … ‘Ma kenitx taf mod ieħor. Kien fil-karattru tagħha.’”1

Immaġni
Riċerkatriċi twajba b’fenek

Hija għamlet aktar minn kemm temgħet l-ikel lill-fniek. Hija tathom l-imħabba!

Mal-ewwel daqqa t’għajn, kien jidher verament improbabbli li din setgħet kienet ir-raġuni għal dik id-differenza drammatika, iżda t-tìm tar-riċerka ma seta’ jara l-ebda possibbiltà oħra.

Għalhekk, huma rrepetew l-esperiment—qagħdu attenti ferm jekk jintebħux b’xi possibiltà oħa. Meta analizzaw ir-riżultati, ġara l-istess ħaġa! Il-fniek li ħadet ħsiebhom dik ir-riċerkatriċi, li vera taf tħobb, kienu fi stat ta’ saħħa sinifikament aħjar.

Ix-xjentisti ppubblikaw ir-riżultati ta’ dan l-istudju fil-ġurnal prestiġjuż Science.2

Snin wara, l-iskopertà ta’ dan l-esperiment għadha tidher influwenti fil-komunità medika. F’dawn l-aħħar snin, Dott. Kelli Harding ippubblikat ktieb intitolat The Rabbit Effect li jismu għall-esperiment. Il-konklużjoni tagħha: “Aqbad fenek bi stil ta’ ħajja detrimentali għas-saħħa. Oqgħod kellmu. Erfgħu f’dirgħajk. Urih imħabbtek. … Ir-relazzjoni tagħmel id-differenza kollha. … Fl-aħħar mill-aħħar,” hi ttemm tgħid, “dak li jaffettwa s-saħħa tagħna bl-aktar modi sinifikanti jiddependi ferm minn kif aħna nittrattaw lil xulxin, kif ngħixu, u kif naħsbu dwar xi tfisser li tkun uman.”3

F’dinja sekulari, il-pontijiet li jgħaqqdu x-xjenza mal-veritajiet tal-evanġelju kultant jidhru verament xi ħaġa rari. Madankollu bħala Kristjani, dixxipli ta’ Ġesù Kristu, Qaddisin tal-Aħħar Żmien, ir-riżultati ta’ dan l-istudju xjentifiku jafu jidhru aktar intuwittivi minn xi ħaġa li għandna niskantaw biha. Għalija, din hi evidenza oħra fil-pedament tat-tjubija bħala prinċipju fundamentali tal-evanġelju li jfejjaq—ħaġa li tista’ tfejjaq il-qlub emozzjonalment, spiritwalment, u, kif naraw hawnhekk, anke fiżikament.

Qlubna Minsuġin Flimkien

Meta ġie mistoqsi, “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir?” is-Salvatur wieġeb li “tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha,” segwit minn, “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”4 It-tweġiba tas-Salvatur tirrinforza d-dmir divin tagħna. Profeta tal-qedem talb “biex bejnietna ma jkun hemm l-ebda tilwim, iżda għandna nħarsu ’l quddiem … , bi qlubna minsuġin flimkien f’għaqda u f’imħabba lejn xulxin.”5 Aħna komplejna niġu mgħallmin li “qawwa jew influwenza … tista’ tibqa’ miegħek … bil-ġentilezza u l-ħlewwa, … bit-tjubija, … mingħajr qerq.”6

Nemmen li dan il-prinċipju għandu applikazzjoni universali għall-Qaddisin tal-Aħħar Żmien kollha: adulti, żgħażagħ, u tfal.

B’dan f’moħħi, ippermettuli għal mument inkellem direttament lilkom ta’ età tal-Primarja.

Intom diġà tifhmu kemm hu importanti li tkunu twajbin. Ir-ritornell ta’ waħda mill-għanjiet tagħkom tal-Primarja, “Qed Nipprova Nkun bħal Ġesù,” jgħallem:

Ħobbu ’l xulxin kif iħobbkom Ġesù.

Araw li twajbin tkunu f’kull ma tagħmlu.

Kunu ta’ qalb ħelwa fl-għemil u fil-ħsieb,

Għax dan hu li għallem Ġesù.7

Minkejja dan, xi kultant jaf ikollkom mumenti diffiċli. Din li ġejja hija storja li tista’ tgħinkom dwar tifel tal-Primarja jismu Minchan Kim mill-Korea t’Isfel. Il-familja tiegħu ngħaqdet mal-Knisja madwar sitt snin ilu.

Immaġni
Minchan Kim

“Darba waħda fl-iskola, ftit minn sħabi tal-klassi kienu qed jidħku bi student ieħor u jgħadduh biż-żmien. Kienu jidhru qed jieħdu gost, u għalhekk għal ftit ġimgħat ingħaqadt magħhom.

“Diversi ġimgħat wara, it-tifel qalli li għalkemm ippretenda li ma kienx qed jieħu għalih, kien iħossu mweġġa’ bi kliemna, u għadda lejl wara l-ieħor jibki. Kważi qbadt nibki meta qalli dan. Iddispjaċieni u ridt ngħinu. L-għada mort fuqu, poġġejt driegħi fuq spalltu u skużajt ruħi miegħu, u għidtlu, ‘Jiddispjaċini ħafna li għaddejt iż-żmien bik.’ B’sinjal b’rasu wera li aċċetta l-apoloġija tiegħi, u għajnejh imtlew bid-dmugħ.

“Imma t-tfal l-oħra kienu għadhom jiddieħku bih. Imbagħad, ftakart dak li kont tgħallimt fil-klassi tal-Primarja: agħżel it-tajjeb. Għalhekk, jiena tlabt lil sħabi tal-klassi biex jieqfu. Ħafna minnhom iddeċidew li jibqgħu sejrin biha u kienu rrabjati miegħi. Iżda wieħed mis-subien l-oħra qal li kien jiddispjaċih, u t-tlieta li aħna sirna verament ħbieb.

“Anki jekk xi ftit nies baqgħu jgħaddu ż-żmien bih, huwa ħassu aħjar għax kellu lilna.

“Jien għażilt it-tajjeb billi għent ħabib fil-bżonn.”8

Immaġni
Ritratt ta’ Minchan Kim

Ma taħsbux li dan hu eżempju tajjeb biex tippruvaw issiru bħal Ġesù?

Issa, għalikom iż-żgħażagħ kollha, hekk kif qegħdin tikbru fl-età, li tgħaddu biż-żmien b’xi ħadd tista’ tevolvi f’xi ħaġa perikoluża ħafna. L-ansjetà, id-depressjoni, u ħwejjeġ agħar minn dawn, huma ħafna drabi riżultat tal-ibbuljar. “Filwaqt li l-ibbuljar mhuwiex xi kunċett ġdid, il-midja soċjali u t-teknoloġija eskalaw ferm l-ibbuljar. Dan sar theddida aktar kostanti u dejjem preżenti—l-ibbuljar bl-internet.”9

Hi ħaġa ċara li l-avversarju qed juża dan biex iweġġa’ lill-ġenerazzjoni tagħkom. M’hemmx lok għal dan fl-użu tagħkom tal-internet, fl-inħawi fejn toqogħdu, u fl-iskejjel, fil-kworums, jew fil-klassijiet tagħkom. Jekk jogħġobkom agħmlu kulma tistgħu biex tagħmlu dawn il-postijiet aktar ġentili u siguri. Jekk intom tosservaw jew tipparteċipaw b’mod passiv f’xi ħaġa minn dawn, m’hemm l-ebda parir aħjar li nista’ nagħtikom mill-parir li ta l-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf:

“Meta tkunu se tobgħodu, tgħidu fuq in-nies, tinjoraw jew tirredikolaw lil ħaddieħor, jew iżżommu xi ħaġa fil-komma, jew tikkawżaw xi deni, jekk jogħġobkom applikaw dan li ġej:

“Ieqfu!”10

Smajtuni? Ieqfu! Hekk kif tittrattaw lil ħaddieħor b’ġentilezza, b’imħabba, u b’kompassjoni, anke b’mod diġitali, inwegħidkom li intom tkunu qed tgħinu lil min hu batut u tfejqu l-qlub.

Wara li kellimt lit-tfal tal-Primarja u liż-żgħażagħ, issa se ngħaddi ftit rimarki lill-adulti tal-Knisja. Aħna għandna r-responsabbiltà primarja li nkunu ta’ eżempju u mudell ta’ tjubija, inklużjoni, u ċiviltà—li ngħallmu mġieba bħal ta’ Kristu lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa f’dak li ngħidu u kif naġixxu. Dan hu speċjalment importanti hekk kif nosservaw bidla soċjali notevoli lejn ċerta diviżjoni fil-politika, fil-klassi soċjali, u kważi f’kull distinzjoni oħra li ħoloq il-bniedem.

Il-President M. Russell Ballard għallem ukoll li l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien mhux biss għandhom jittrattaw b’imħabba lil xulxin, iżda wkoll lin-nies kollha ta’ madwarhom. Hu osserva: “Kultant nisma’ b’membri li joffendu lil dawk ta’ twemmin ieħor billi jinjorawhom u jwarrbuhom. Dan jista’ jseħħ speċjalment f’komunitajiet fejn il-membri tagħna huma fil-maġġoranza. Smajt dwar ġenituri b’moħħhom magħluq li jgħidu lit-tfal tagħhom li ma jistgħux jilagħbu ma’ xi tifel partikolari fl-inħawi fejn joqogħdu sempliċement għax il-familja tiegħu ma tappartjenix għall-Knisja tagħna. Din it-tip ta’ mġieba mhix konformi mat-tagħlim tal-Mulej Ġesù Kristu. Ma nistax nifhem kif xi membru tal-Knisja tagħna jippermetti li jiġru dawn it-tip ta’ affarijiet. … Kulma dejjem smajt hu biss biex il-membri ta’ din il-Knisja ikunu nies li juru mħabba, tjubija, tolleranza, u benevolenza lejn il-ħbieb u l-ġirien tagħhom li huma ta’ twemmin ieħor.”11

Il-Mulej jistenna li aħna ngħallmu li l-inklużjoni hija mezz pożittiv lejn l-għaqda u li l-esklużjoni twassal għall-firda.

Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna ninkwetaw meta nisimgħu dwar kif ulied Alla jiġu ttrattati ħażin abbażi tar-razza tagħhom. Kien verament ta’ qsim il-qalb għalina meta smajna b’attakki reċenti fuq nies li huma Suwed, Asjatiċi, Latini, jew ta’ xi grupp ieħor. Il-preġudizzju, it-tensjoni razzjali, jew il-vjolenza m’għandhom qatt ikollhom post fl-inħawi fejn noqogħdu, fil-komunitajiet tagħna, jew fil-Knisja.

Ejjew ilkoll kemm aħna, irrispettivament mill-età tagħna, nagħmlu li nistgħu biex inkunu l-aħjar li nistgħu nkunu.

Ħobbu lill-Għadu Tagħkom

Waqt li tagħmlu li tistgħu biex tittrattaw lil ħaddieħor b’imħabba, b’rispett u bi tjubija, m’hemmx dubju li l-għażliet ħżiena ta’ ħaddieħor sejrin iweġġgħukom jew jaffettwawkom ħażin. Mela x’għandna nagħmlu? Għandna nimxu wara t-twiddiba tal-Mulej: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom … itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.”12

Aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex negħlbu l-avversità li nesperjenzaw fi triqitna. Aħna nagħmlu li nistgħu biex nibqgħu nissaportu sal-aħħar, waqt li l-ħin kollu nitolbu biex id il-Mulej tbiddel iċ-ċirkostanzi tagħna. Aħna noffru radd il-ħajr għal dawk li Hu jqiegħed fit-triq tagħna biex jgħinuna.

Immaġni
Miraklu fi Quincy, Illinois

Inħossni vera komoss meta nħares lejn dan l-eżempju li ġej mill-istorja bikrija tal-Knisja tagħna. Matul ix-xitwa tal-1838, Joseph Smith u mexxejja oħra tal-Knisja ġew miżmuma fiċ-Ċella tal-Libertà meta l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien kienu mġiegħla jitilqu minn djarhom fl-istat ta’ Missouri. Il-Qaddisin kienu nieqsa minn ħafna affarijiet materjali, ma kellhomx ħbieb, u kienu qed ibatu ferm minħabba l-kesħa u n-nuqqas ta’ riżorsi. Ir-residenti ta’ Quincy, Illinois, raw is-sitwazzjoni ddisprata tagħhom u għeunhom b’kompassjoni u ħbiberija.

Wandle Mace, li kien joqgħod Quincy, aktar tard irrakkonta dwar meta hu ra għall-ewwel darba lill-Qaddisin ħdejn ix-Xmara Mississippi f’tined temporanji: “Xi wħud kellhom lożor imġebbda biex jagħtuhom ftit kenn mir-riħ, … it-tfal bdew jirtogħodu madwar ħuġġieġa li r-riħ beda jonfoħ madwarha u għalhekk ftit li xejn bdiet issaħħanhom. L-imsieken Qaddisin kienu qed ibatu verament.”13

Meta raw il-qagħda mwiegħra tal-Qaddisin, ir-residenti ta’ Quincy inġabru flimkien biex jipprovdu l-għajnuna, xi wħud saħansitra għenu lill-ħbieb il-ġodda tagħhom jaqsmu x-xmara. Mace kompla, “Huma għenuhom kemm setgħu; in-negozjanti bdew jikkompetu bejniethom dwar min kien se jagħti l-aktar … affarijiet bħal … majjal, … zokkor, … żraben u lbies, dak kollu li tant kellhom bżonn dawn l-eżiljati.”14 Fi żmien qasir, fi Quincy kien hemm aktar refuġjati minn residenti, li fetħu djarhom u qasmu mar-refuġjati il-ftit riżorsi li kellhom b’sagrifiċċju personali kbir.15

Ħafna Qaddisin irnexxielhom jibqgħu ħajjin tul dik ix-xitwa qalila grazzi għall-kompassjoni u l-ġenerożità tar-residenti ta’ Quincy. Dawn l-anġli tal-art fetħu qalbhom u djarhom, u offrew nutriment li salva l-ħajjiet, offrew kenn, u—probabbilment l-aktar importanti—id ta’ ħbiberija lill-Qaddisin li kienu qed ibatu. Minkejja li ż-żmien li għamlu fi Quincy kien relattivament qasir, il-Qaddisin qatt ma nsew id-dejn kbir ta’ gratitudni li kellhom lejn l-għeżież ġirien tagħhom, u Quincy saret magħrufa bħala “il-belt ta’ refuġju.”16

Meta nesperjenzaw l-avversità u t-tbatija minħabba ċerti għemejjel kritiċi, negattivi, u saħansitra krudili, nistgħu nagħżlu li nittamaw fi Kristu. Din it-tama niksbuha mill-istedina u l-wegħda tiegħu: “agħmlu l-qalb, għaliex jiena se nkun qed immexxikom”17 u li Hu se jikkonsagra t-tbatija tagħkom għall-aħjar tagħkom.18

Is-Samaritan it-Tajjeb

Ejjew nikkonkludu minn fejn bdejna: Mara tieħu ħsieb il-fniek kollha kompassjoni, fi spirtu ta’ mħabba, u riżultat mhux mistenni—fejn hi fejqet qlub l-annimali li ġew fdati f’idejha. Għalfejn? Għaliex hi kienet dik it-tip ta’ persuna!

Hekk kif inħarsu mil-lenti tal-evanġelju, aħna nagħrfu li aħna wkoll hemm jieħu ħsiebna xi ħadd mimli kompassjoni, li jagħmel dan fi spirtu ta’ tjubija u mħabba. Ir-Ragħaj it-Tajjeb jaf lil kull wieħed u waħda minna b’isimna u “għandu interess personali fina.19 Il-Mulej Kristu Nnifsu qal, “Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi. … U għan-nagħaġ jiena nagħti ħajti.”20

Immaġni
Insibu l-ħaruf il-mitluf

F’din it-tmiem il-ġimgħa tal-Għid imqaddes, jiena nħossni mimli paċi għax naf li “il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi”21 u Hu jaf lil kull wieħed u waħda minna u qiegħed jieħu ħsiebna. Meta aħna niffaċċjaw ir-riħ u l-maltemp, il-mard u l-korriment tal-ħajja, il-Mulej—ir-Ragħaj tagħna, il-Kurant tagħna—jieħu ħsiebna b’imħabba u tjubija. Huwa jfejjaq qalbna u jirrestawra ruħna.

Dwar dan jiena nixhed—kif ukoll dwar Ġesù Kristu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna—f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Kelli Harding, The Rabbit Effect (2019), xxiii–xxiv.

  2. Ara Robert M. Nerem, Murina J. Levesque, u J. Frederick Cornhill, “Social Environment as a Factor in Diet-Induced Atherosclerosis,” Science, vol. 208, nu. 4451 (27 ta’ Ġunju, 1980), 1475–76.

  3. Harding, The Rabbit Effect, xxiv, xxv.

  4. Ara Mattew 22:36–39.

  5. Mosiah 18:21; enfażi miżjuda.

  6. Doctrine and Covenants 121:41–42.

  7. “I’m Trying to Be like Jesus,” Children’s Songbook, 79.

  8. Adattat minn Minchan K., “The Apology,” Friend, Jan. 2020, 35.

  9. Frances Dalomba, “Social Media: The Good, the Bad, and the Ugly,” Lifespan, lifespan.org.

  10. Dieter F. Uchtdorf, “The Merciful Obtain Mercy,” Liahona, Mejju 2012, 75.

  11. M. Russell Ballard, “Doctrine of Inclusion,” Liahona, Jan. 2002, 41.

  12. Luqa 6:27–28.

  13. Wandle Mace, autobiography, ċirka 1890, kopja bit-tipa, 32–33, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Belt ta’ Salt Lake.

  14. Wandle Mace autobiography, 33; ortografija u kapitalizzazzjoni standardizzati.

  15. Ara Richard E. Bennett, “‘Quincy—the Home of Our Adoption’: A Study of the Mormons in Quincy, Illinois, 1838–40,” Mormon Historical Studies, vol. 2, nu. 1 (Spring 2001), 110–11.

  16. Ara Susan Easton Black, “Quincy–A City of Refuge,” Mormon Historical Studies, vol. 2, nu. 1 (Spring 2001), 83–94.

  17. Doctrine and Covenants 78:18.

  18. Ara 2 Nephi 2:2.

  19. Ara James E. Talmage, Jesus the Christ (1916), 417.

  20. Ġwanni 10:14, 15.

  21. Salm 23:1.